Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Inżommu l-Pożizzjoni Tagħna Bħala “Residenti Temporanji”

Inżommu l-Pożizzjoni Tagħna Bħala “Residenti Temporanji”

“Bħala barranin u residenti temporanji, inħeġġiġkom biex tibqgħu titbiegħdu mix-​xewqat tal-​laħam.”—1 PT. 2:11.

INT KIF TWIEĠEB?

Għala nistgħu ngħidu li l-​midlukin huma residenti temporanji?

In-​“nagħaġ oħrajn” kif inhuma bħal residenti temporanji?

Int għal xiex qed tħares ’il quddiem?

1, 2. (a) Pietru lil min sejjaħ “dawk li ntgħażlu”? (b) Għala sejħilhom “residenti temporanji”?

 MADWAR 30 sena wara li Ġesù mar lura s-​sema, l-​appostlu Pietru kiteb ittra lil grupp li sejjaħlu “residenti temporanji” li kienu “mxerrdin fil-​Pontu, fil-​Galazja, fil-​Kappadoċja, fl-​Asja, u fil-​Bitinja.” Hu sejħilhom ukoll “dawk li ntgħażlu.” (1 Pt. 1:1) Pietru kien qed jikteb lill-​midlukin li kienu ngħataw ‘wild mill-​ġdid għal tama ħajja’ sabiex ikunu slaten maʼ Kristu fis-​smewwiet. (Aqra l-1 Pietru 1:3, 4.) Iżda iktar tard għala sejjaħ lil dawn il-​magħżulin “barranin u residenti temporanji”? (1 Pt. 2:11) U għala għandna lkoll kemm aħna nkunu interessati f’dan meta lanqas biss wieħed minn kull 700 Xhud attiv madwar id-​dinja ma jgħid li hu mill-​midlukin, jew magħżulin?

2 Fl-​ewwel seklu kien xieraq li l-​midlukin jissejħu “residenti temporanji.” Il-​midlukin mhux se jgħixu fuq l-​art għal dejjem. L-​appostlu Pawlu, li kien wieħed mill-​“merħla żgħira” taʼ midlukin, spjega li l-​midlukin huma attwalment ċittadini tas-​sema. Hu qal: “Iżda aħna għandna ċ-​ċittadinanza tagħna fis-​smewwiet, minfejn ukoll qed nistennew bil-​ħerqa salvatur, il-​Mulej Ġesù Kristu.” (Lq. 12:32; Flp. 3:20) Dan ifisser li wara li jmutu l-​midlukin, huma jħallu l-​art, li hi fil-​kontroll taʼ Satana, u jirċievu ħajja immortali fis-​sema. (Aqra Filippin 1:21-​23.) Huma jgħixu fuq l-​art għal ftit żmien biss, u b’hekk huma “residenti temporanji.”

3. X’mistoqsija tqum issa dwar in-​“nagħaġ oħrajn”?

3 Xi ngħidu għan-​“nagħaġ oħrajn”? (Ġw. 10:16) M’għandhomx huma tama bbażata fis-​sod fl-​Iskrittura li se jsiru residenti permanenti tal-​art? Iva, din se tkun id-​dar tagħhom għal dejjem! Imma għaliex nistgħu ngħidu li huma wkoll huma bħal residenti temporanji?

“IL-​ĦOLQIEN KOLLU GĦADU JOKROB”

4. Il-​mexxejja tad-​dinja x’ma jistgħux iwaqqfu?

4 Sakemm Ġeħova jippermetti lis-​sistema mill-​agħar taʼ Satana tibqaʼ teżisti, kulħadd, inkluż il-​Kristjani, se jkompli jsofri minħabba l-​irvell taʼ Satana kontra Ġeħova. F’​Rumani 8:22 naqraw: “Aħna nafu li s’issa l-​ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-​uġigħ flimkien.” Il-​mexxejja tad-​dinja, ix-​xjenzati, u dawk li jaħdmu għall-​ġid tal-​bnedmin, minkejja kemm ikunu sinċieri, ma jistgħux iwaqqfu s-​sofferenza tal-​bnedmin.

5. Mill-​1914 ’l hawn, miljuni taʼ nies xi ddeċidew li jagħmlu, u għala?

5 Mill-​1914 ’l hawn, miljuni taʼ nies iddeċidew li jsiru sudditi taʼ Ġesù Kristu, il-​wieħed li Alla għamlu Sultan. Dawn is-​sudditi taʼ Ġesù ma jridux ikunu parti mis-​sistema taʼ Satana. Huma jirrifjutaw li jappoġġaw lid-​dinja taʼ Satana. Minflok, jużaw ħajjithom u kulma għandhom biex jappoġġaw lis-​Saltna t’Alla.—Rum. 14:7, 8.

6. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kollha għala jistgħu jissejħu barranin, jew residenti temporanji?

6 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma ċittadini tajbin f’iktar minn 200 pajjiż. Iżda joqogħdu fejn joqogħdu, huma bħal barranin, jew residenti temporanji. Qatt ma jinvolvu ruħhom fil-​problemi politiċi jew soċjali tal-​pajjiżi fejn jgħixu. Anke issa, huma jqisu lilhom infushom bħala ċittadini tad-​dinja l-​ġdida li Alla wiegħed. Huma ferħanin li se jkunu residenti temporanji f’din id-​dinja imperfetta għal ftit ieħor biss.

7. (a) Il-​qaddejja t’Alla kif se jsiru residenti permanenti? (b) Fejn se jkunu residenti permanenti?

7 Dalwaqt, Ġesù Kristu se jeqred is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana. Il-​gvern perfett taʼ Kristu se jelimina d-​dnub u t-​tbatija. Se jneħħi wkoll lil kull min jirribella kontra s-​sovranità taʼ Ġeħova. Imbagħad, dawk leali lejn Alla se jkunu jistgħu jsiru residenti permanenti tal-​Ġenna fuq l-​art. (Aqra Rivelazzjoni 21:1-​5.) Sa dak iż-​żmien, il-​ħolqien se jkun inħeles għalkollox minn dak kollu li jikkaġuna s-​sofferenza, u kulħadd se “jkollu l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rum. 8:21.

X’KONDOTTA GĦANDU JKOLLHOM IL-​KRISTJANI VERI?

8, 9. Pietru x’ried ifisser meta tkellem dwar li ‘nitbiegħdu mix-​xewqat tal-​laħam’?

8 Pietru jispjega kif il-​Kristjani għandhom iġibu ruħhom meta jgħid: “Maħbubin, bħala barranin u residenti temporanji, inħeġġiġkom biex tibqgħu titbiegħdu mix-​xewqat tal-​laħam, għax huma dawn li jitqabdu kontra r-​ruħ.” (1 Pt. 2:11) Hu kien qed jgħid dan lil Kristjani midlukin, imma n-​nagħaġ oħra taʼ Ġesù jeħtieġ li jsegwu dan il-​parir ukoll.

9 Xi xewqat mhumiex bilfors ħżiena sakemm nissodisfaw dawn ix-​xewqat b’mod li l-​Ħallieq iridna nissodisfawhom. Meta nagħmlu dan, il-​ħajja ssir iżjed pjaċevoli. Pereżempju, hemm ix-​xewqat normali biex nieklu ikel tajjeb u biex ikollna xi ħaġa tajba x’nixorbu. Aħna nieħdu gost bir-​rikreazzjoni u bis-​sħubija taʼ ħbieb tajbin. Huwa wkoll naturali u normali li jkollna x-​xewqa għal pjaċir sesswali mas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna. (1 Kor. 7:3-​5) Iżda biċ-​ċar, Pietru kien qed jitkellem dwar “ix-​xewqat tal-​laħam” li “jitqabdu kontra r-​ruħ.” Dan ifisser xewqat tal-​laħam ħżiena. Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jsejħulhom “xenqiet sesswali tal-​ġisem” (King James Version) jew “xewqat midinba” (New International Version). Ġeħova qalilna kif iridna ngħixu u nissodisfaw ix-​xewqat naturali tagħna. M’għandniex inħallu xi xewqa tal-​bniedem tħassar ir-​relazzjoni tajba tagħna m’Alla. Jekk nissodisfaw ix-​xewqat tagħna b’mod ħażin, dan jistaʼ jwassal għall-​mewt tagħna.

10. X’inhuma xi ftit mill-​modi kif Satana jittanta lill-​Kristjani biex isiru parti mid-​dinja tiegħu?

10 Satana jridna ninsew li aħna “residenti temporanji” f’din is-​sistema. Iridna nkunu materjalistiċi, inkunu miġbudin lejn l-​immoralità, li nħossuna importanti, li nipprovaw inkunu l-​ewwel f’kollox, u li nkunu kburin b’pajjiżna. Iżda għandna bżonn nirrealizzaw li dawn ix-​xewqat kollha huma nases taʼ Satana. Jekk inkunu determinati biex ma nimxux skont dawn ix-​xewqat ħżiena, aħna se nuru ċar li ma rridux inkunu parti mid-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. Aħna nagħtu prova li qed ngħixu f’din id-​dinja bħala “residenti temporanji.” Dak li verament irridu hu li nkunu residenti permanenti fid-​dinja l-​ġdida ġusta t’Alla. U aħna nistinkaw biex nilħqu din il-​mira.

KONDOTTA TAJBA

11, 12. (a) Xi nies kif iqisuhom lill-​barranin? (b) Xi nies x’jaħsbu dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

11 F’vers 12, Pietru jkompli jispjega xi jfisser għall-​Kristjani sabiex ikunu “residenti temporanji.” Hu jgħid: “Żommu kondotta tajba fost il-​ġnus, sabiex, f’dak li qed jgħidu kontrikom bħala li intom nies ħżiena, minħabba l-​għemejjel tajbin tagħkom li jaraw b’għajnejhom stess jigglorifikaw lil Alla fil-​jum taʼ l-​ispezzjoni tiegħu.” Residenti temporanji huma barranin, jew nies li jgħixu f’pajjiż li mhux tagħhom. Kultant, il-​barranin jiġu kritikati għaliex ikunu differenti, u xi nies saħansitra jqisuhom ħżiena. Il-​mod kif jitkellmu, jaġixxu, jilbsu, jew anki kif jidhru għandu mnejn ikun differenti minn dak tal-​bqija tan-​nies li jgħixu fil-​pajjiż. Imma l-​kondotta tajba tagħhom tistaʼ ġġiegħel lil oħrajn jirrealizzaw li mhumiex nies ħżiena.

12 Bl-​istess mod, il-​Kristjani veri forsi jkunu differenti minn ħafna mill-​ġirien tagħhom. Pereżempju, għandhom mnejn jitkellmu dwar affarijiet differenti jew jagħżlu divertiment differenti. In-​nies spiss jagħrfuhom minħabba l-​mod kif jilbsu. Għalhekk, xi nies għandhom mnejn ‘jgħidu kontra’ x-​Xhieda. Iżda oħrajn forsi jitkellmu tajjeb dwarhom minħabba l-​kondotta mill-​aħjar tagħhom.

13, 14. (a) Xi jfisser li “l-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu”? (b) X’inhuma xi eżempji taʼ dan?

13 L-​imġiba tajba tagħna tistaʼ tgħin lil oħrajn jaraw li m’għandhomx għalfejn ‘jgħidu kontrina.’ Ġesù kien l-​uniku bniedem li kien ubbidjenti perfettament lejn Alla. Imma n-​nies anke lilu akkużaw li kien qed jagħmel affarijiet ħżiena. Xi wħud qalu li kien jiekol iżżejjed, jixrob iżżejjed, u li kien ħabib tal-​qalb mal-​midinbin. Iżda permezz tal-​kondotta mill-​aħjar tiegħu, hu wera li ma kienx dak it-​tip taʼ bniedem. Ġesù qal: “L-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.” (Mt. 11:19) Dan hu minnu llum ukoll. Pereżempju, xi nies li joqogħdu ħdejn il-​Betel f’Selters, il-​Ġermanja, jaħsbu li l-​mod kif tgħix il-​familja taʼ Betel huwa stramb. Madankollu, is-​sindku taʼ Selters iddefenda lill-​Beteliti billi qal: “Ix-​Xhieda li jaqdu hemm għandhom il-​mod taʼ ħajja tagħhom, iżda bl-​ebda mod ma jtellef il-​ħajja t’oħrajn fil-​komunità.”

14 Biex nagħtu eżempju ieħor, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Moska, ir-​Russja, ġew akkużati li għamlu xi affarijiet ħżiena. Uħud qalu li x-​Xhieda kissru l-​familji, inkuraġġew lin-​nies biex joqtlu lilhom infushom, u rrifjutaw għajnuna medika. Iżda f’Ġunju 2010, il-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem fi Strasburgu, Franza, iddeċidiet li l-​belt taʼ Moska għamlet ħażin li ndaħlet fil-​qima tax-​Xhieda taʼ Ġeħova hemmhekk u li ma kellhiex dritt twaqqafhom milli jagħmlu l-​laqgħat. Il-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem qalet li l-​qrati fir-​Russja ma tawx prova li x-​Xhieda kienu ħatja taʼ mġiba ħażina. Qalet li dawn il-​qrati użaw il-​liġijiet stretti taʼ Moska b’mod li ma kienx ġust għax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

GĦANDNA NKUNU SOTTOMESSI LEJN IL-​GVERNIJIET

15. Liema prinċipju tal-​Bibbja jsegwu l-​Kristjani veri kollha?

15 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja jagħmlu xi ħaġ’oħra li Pietru qal li l-​Kristjani jeħtieġu jagħmlu. Hu qal li għandna nissottomettu ruħna “lejn kull awtorità maħluqa mill-​bniedem,” inkluż slaten u gvernaturi oħrajn. (1 Pt. 2:13, 14) M’aħniex parti mid-​dinja mill-​agħar. Imma kif qalilna Pawlu, aħna minn jeddna nobdu lill-​awtoritajiet governattivi “fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom,” jew kull meta l-​liġijiet tagħhom ma jmorrux kontra l-​liġijiet t’Alla.—Aqra Rumani 13:1, 5-​7.

16, 17. (a) X’juri li m’aħniex kontra l-​gvernijiet? (b) X’ammettew xi mexxejja governattivi?

16 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħixu bħala “residenti temporanji” fis-​sistema preżenti, iżda dan mhux għaliex iridu jopponu lill-​gvern jew jikkritikaw lil nies oħrajn. Huma jifhmu li nies oħrajn għandhom l-​ideat tagħhom stess dwar min għandu jkun fil-​gvern jew dwar kif jissolvew il-​problemi tal-​bnedmin. Xi gruppi reliġjużi jinvolvu ruħhom fil-​politika, imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jagħmlux dan. Huma qatt ma jipprovaw iġiegħlu lil mexxejja politiċi jbiddlu l-​mod taʼ kif jiggvernaw lin-​nies. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova assolutament m’għandhom l-​ebda xewqa li jirribellaw kontra l-​gvern jew li jħeġġu lil nies oħrajn jirribellaw.

17 Pietru qal biex ‘nonoraw lis-​sultan.’ Għalhekk, il-​Kristjani jobdu l-​mexxejja governattivi sabiex juruhom rispett u unur. (1 Pt. 2:17) Kultant, xi mexxejja governattivi ammettew li m’hemmx raġuni biex wieħed jaħseb li x-​Xhieda huma perikolużi. Pereżempju, Steffen Reiche, li kien membru tal-​gvern fl-​istat taʼ Brandenburg, il-​Ġermanja, u li iktar tard kien parti mill-​parlament Ġermaniż, qal li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kellhom kondotta tajba matul iż-​żmien li kienu persegwitati min-​Nazi. Ix-​Xhieda ma biddlux it-​twemmin tagħhom anke meta ġew persegwitati, u kienu qalbhom tajba maʼ sħabhom il-​priġunieri. Hu qal li dawn il-​kwalitajiet kienu importanti ħafna għal pajjiż bħall-​Ġermanja, l-​iżjed għaliex xi nies qed isiru iktar u iktar bla qalb lejn dawk minn pajjiżi oħrajn jew dawk li għandhom opinjonijiet politiċi u twemmin differenti.

GĦANDNA NURU MĦABBA LEJN L-​AĦWA

18. (a) Għala huwa naturali għalina li nħobbu lil ħutna kollha? (b) X’qalu xi wħud dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

18 L-​appostlu Pietru kiteb: “Ħobbu l-​fratellanza kollha, ibżgħu minn Alla.” (1 Pt. 2:17) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għandhom il-​biżaʼ t’Alla, jiġifieri, jibżgħu li ma jogħġbuhx. Dan ir-​rispett għal Alla jqanqalhom biex jagħmlu r-​rieda tiegħu. Huma ferħanin li jagħmlu parti minn grupp t’aħwa madwar id-​dinja li lkoll jaqdu lil Ġeħova flimkien. Iħobbu “l-​fratellanza kollha.” Huwa rari llum li n-​nies tad-​dinja jħobbu lil xulxin. Huwa għalhekk li dawk li mhumiex Xhieda kultant jistagħġbu bl-​imħabba li għandna għal xulxin. Pereżempju, gwida tat-​turisti li kienet qed taħdem maʼ kumpanija tal-​ivvjaġġar Amerikana baqgħet skantata meta rat l-​affezzjoni fost ħutna f’konvenzjoni internazzjonali fil-​Ġermanja fl-​2009. Ix-​Xhieda fil-​Ġermanja wrew imħabba lejn ħuthom barranin u għenuhom matul iż-​żjara tagħhom. Il-​gwida b’entużjażmu qalet li qatt ma rat grupp bħax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Qatt smajt lil xi ħadd jitkellem hekk wara li osserva xi grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova f’konvenzjoni?

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu, u għala?

19 Bħalma tgħallimna, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova juru b’ħafna modi li verament jgħixu bħala “residenti temporanji” fis-​sistema taʼ Satana. Huma jagħmlu dan bil-​ferħ u huma determinati li jibqgħu “residenti temporanji.” Għandhom raġunijiet tajbin biex ikollhom tama soda li dalwaqt se jkunu residenti permanenti tad-​dinja l-​ġdida ġusta t’Alla. Qiegħed int tħares ’il quddiem għal din id-​dinja l-​ġdida?

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 20]

Aħna nirrifjutaw li nappoġġaw id-​dinja taʼ Satana

[Stampa f’paġna 20]

Aħna nappoġġaw id-​dinja l-​ġdida t’Alla

[Stampa f’paġna 22]

Il-​verità tal-​Bibbja għenet biex tgħaqqad lil din il-​familja Russa