Int Prokuratur Fdat!
“M’intomx tagħkom infuskom.”—1 KOR. 6:19.
X’INHI T-TWEĠIBA TIEGĦEK?
X’kienu jagħmlu l-prokuraturi fi żminijiet Bibliċi?
Alla x’jirrikjedi mill-prokuraturi kollha tiegħu?
Bħala prokuraturi, kif għandna nħossuna dwar is-servizz tagħna lil Alla?
1. Meta n-nies jaħsbu fl-ilsiera, xi jġibu quddiem għajnejhom?
MADWAR 2,500 sena ilu, kittieb Grieg qal li ħadd ma jagħżel li jkun ilsir. Il-biċċa l-kbira tan-nies illum jaqblu maʼ dan. Meta n-nies jaħsbu fl-ilsiera, iġibu quddiem għajnejhom irġiel u nisa li huma sforzati jaqdu lil oħrajn u li jiġu trattati bi krudeltà. Huma jaħsbu f’nies li jagħmlu xogħol li hu taʼ ġid biss għal sidhom li jiddominahom.
2, 3. (a) L-ilsiera taʼ Kristu kif jiġu trattati? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?
2 Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu kienu se jkunu qaddejja, jew ilsiera, umli. Imma bħala lsiera, il-Kristjani veri ma kinux se jiġu umiljati jew trattati bi krudeltà. Kienu se jkunu fdati u rispettati. Pereżempju, aħseb f’dak li qal Ġesù dwar ċertu “lsir.” Ftit qabel il-mewt Tiegħu, Kristu qal li kien se jagħti xi xogħol lil “ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45-47.
3 Innota li fir-rakkont taʼ Luqa, hu juża l-kelma “prokuratur” minflok “ilsir.” (Aqra Luqa 12:42-44.) Il-maġġuranza mill-Kristjani veri llum ma jagħmlux parti mill-klassi tal-“prokuratur leali” li semma Ġesù. Imma l-Bibbja turi li, f’ċertu sens, il-qaddejja kollha t’Alla huma prokuraturi. X’responsabbiltajiet għandna fis-servizz t’Alla? Kif għandna nħossuna dwarhom? Biex insibu t-tweġibiet, ejja nitkellmu dwar x’kienu jagħmlu l-prokuraturi fi żminijiet Bibliċi.
IR-RESPONSABBILTAJIET TAL-PROKURATURI
4, 5. (a) X’responsabbiltajiet kellhom il-prokuraturi fi żminijiet Bibliċi? (b) Liema huma xi eżempji?
4 Fi żminijiet Bibliċi, prokuratur spiss kien ikun ilsir li s-sid kien jafda u li kien responsabbli milli jżomm id-dar jew in-negozju tas-sid fl-ordni. Kien jieħu ħsieb il-proprjetà u l-flus taʼ sidu, u kellu awtorità fuq l-ilsiera l-oħrajn. Eżempju taʼ dan hu Eligħeżer. Hu kellu r-responsabbiltà taʼ li jieħu ħsieb il-ħafna affarijiet li kellu Abraham. Għandu mnejn saħansitra kien il-qaddej li Abraham bagħat il-Mesopotamja biex jagħżel mara għal ibnu Iżakk. Din kienet responsabbiltà kbira!—Ġen. 13:2; 15:2; 24:2-4.
5 Ġużeppi, li bużnannuh kien Abraham, kien il-prokuratur taʼ Potifar. (Ġen. 39:1, 2) Il-Bibbja tgħidilna li iktar tard Ġużeppi nnifsu kellu prokuratur u ssejjaħlu “r-raġel li kien jieħu ħsieb id-dar taʼ Ġużeppi.” Dan il-prokuratur kien dak li laqaʼ l-għaxar aħwa taʼ Ġużeppi u ħa ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Kellu sehem importanti fil-pjan taʼ Ġużeppi biex jgħaddi lil ħutu minn prova bit-tazza tal-fidda. Dan juri kemm is-sidien kienu jafdaw lill-prokuraturi tagħhom.—Ġen. 43:19-25; 44:1-12.
6. X’responsabbiltajiet għandhom l-anzjani?
6 Mijiet taʼ snin wara, l-appostlu Pawlu kiteb li l-anzjani huma l-prokuraturi t’Alla. (Titu 1:7) Bħala rgħajja tal-“merħla t’Alla,” l-anzjani jidderieġu l-kongregazzjonijiet. (1 Pt. 5:1, 2) M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani għandhom responsabbiltajiet differenti fl-organizzazzjoni t’Alla. Pereżempju, il-biċċa l-kbira mill-anzjani llum jaqdu lil kongregazzjoni waħda. L-indokraturi li jivvjaġġaw jaqdu lil ħafna kongregazzjonijiet. U membri tal-Kumitati tal-Fergħa jieħdu ħsieb kongregazzjonijiet f’pajjiżi sħaħ. Imma l-anzjani kollha huma mistennijin li jieħdu ħsieb l-inkarigi tagħhom bl-aħjar mod li jistgħu. Ilkoll iridu “jagħtu kont” lil Alla.—Ebr. 13:17.
7. Kif nafu li l-Kristjani kollha huma prokuraturi?
7 Kif nafu li l-ħafna Kristjani leali li mhumiex anzjani huma prokuraturi? L-appostlu Pietru kiteb ittra lill-Kristjani kollha u qal: “Bħala prokuraturi mill-aħjar tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla espressa b’diversi modi, aqdu lil xulxin skond l-għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (1 Pt. 1:1; 4:10) Alla jurina qalb tajba billi jagħtina lkoll ċerti għotjiet, vantaġġi, abbiltajiet, jew talenti li nistgħu nużaw biex ngħinu lil ħutna. Għalhekk, dawk kollha li jaqdu lil Alla huma prokuraturi. Hu jafdana, jirrispettana, u jistenna li dak li tana nużawh b’mod tajjeb.
AĦNA T’ALLA
8. X’inhi ħaġa waħda li għandna bżonn niftakru bħala prokuraturi?
8 Ejja nikkunsidraw tliet veritajiet bażiċi li l-Kristjani kollha bħala prokuraturi għandhom bżonn jiftakru. L-ewwel: Aħna lkoll t’Alla u għandna nogħġbuh. Pawlu kiteb: “M’intomx tagħkom infuskom, għax kontu mixtrijin bi prezz.” Dan il-prezz hu l-ħajja li Kristu ssagrifika għal dnubietna. (1 Kor. 6:19, 20) Aħna taʼ Ġeħova, u għalhekk meħtiġin nobdu l-kmandamenti tiegħu, li mhumiex diffiċli wisq. (Rum. 14:8; 1 Ġw. 5:3) Ukoll, aħna lsiera taʼ Kristu. Bħall-prokuraturi fi żminijiet Bibliċi, għandna ħafna libertà. Imma ma nistgħux nagħmlu dak li jfettlilna. Għandna nsegwu ċerti istruzzjonijiet. Minkejja kemm ingħatajna responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni t’Alla, aħna lkoll qaddejja t’Alla u taʼ Kristu.
9. Ġesù kif spjega x’jistenna sid mill-ilsir tiegħu?
9 Ġesù jgħinna nifhmu x’jistenna sid mill-ilsir tiegħu. Hu rrakkonta lid-dixxipli tiegħu dwar ilsir li mar lura d-dar wara ġurnata xogħol. Kien is-sid se jgħidlu: “Ejja hawnhekk minnufih u nxteħet mal-mejda”? Le. Hu qal lill-ilsir: “Lestili l-ikla taʼ fil-għaxija, u ilbes fardal u servini sakemm niekol u nixrob jien, u wara tkun tistaʼ tiekol u tixrob int.” Ġesù x’lezzjoni kien qed jgħallimhom lid-dixxipli tiegħu? Hu spjega: “Hekk intom, ukoll, meta tkunu għamiltu kulma ġejtu mqabbdin tagħmlu, għidu, ‘Aħna lsiera li m’aħna tajbin għal xejn. Għamilna dak li kellna nagħmlu.’”—Lq. 17:7-10.
10. X’juri li Ġeħova jgħożż kulma nagħmlu għalih?
10 M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova jgħożż kulma nagħmlu għalih. Il-Bibbja twegħedna: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.” (Ebr. 6:10) Ġeħova qatt ma jitlobna nagħmlu xi ħaġa li m’aħniex kapaċi nagħmluha. Kulma jitlob minna hu għall-ġid tagħna stess u qatt mhu diffiċli wisq. Imma bħalma għallem Ġesù, ilsir ma jogħġobx lilu nnifsu. Hu jpoġġi r-rieda taʼ sidu l-ewwel. Bl-istess mod, meta niddedikaw ruħna lil Alla, aħna nagħżlu li npoġġu r-rieda tiegħu l-ewwel f’ħajjitna. Taqbel int maʼ dan?
DAK LI ĠEĦOVA JIRRIKJEDI MINNA LKOLL
11, 12. (a) Liema kwalità għandna nuru? (b) B’liema mod għandna ngħixu?
11 It-tieni verità li għandna bżonn niftakru hi: Bħala prokuraturi, aħna lkoll nobdu l-istess ħtiġijiet. Huwa minnu li xi wħud għandhom ċerti responsabbiltajiet li oħrajn m’għandhomx fl-organizzazzjoni t’Alla. Imma l-biċċa l-kbira mir-responsabbiltajiet huma l-istess għal kulħadd. Pereżempju, il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova għandhom iħobbu lil xulxin. Ġesù qal li n-nies kienu se jkunu jafu li aħna dixxipli tiegħu jekk ikollna l-imħabba bejnietna. (Ġw. 13:35) Imma aħna ma nħobbux biss lil ħutna. Nagħmlu ħilitna wkoll biex nuru mħabba lejn dawk li mhumiex Xhieda. Din hi xi ħaġa li lkoll nistgħu u jmissna nagħmlu.
12 Alla jirrikjedi wkoll li nagħmlu dak li jgħid li hu tajjeb u niċħdu l-affarijiet ħżiena kundannati fil-Bibbja. Pawlu kiteb: “La ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la l-irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, la l-irġiel li jimteddu maʼ l-irġiel, la l-ħallelin, la r-rgħiba, la s-sakranazzi, la ż-żeblieħa, lanqas l-imbroljuni ma jirtu s-saltna t’Alla.” (1 Kor. 6:9, 10) Jeħtieġ sforz biex nagħmlu dak li Alla jgħid li hu tajjeb. Imma meta nagħmlu dan l-isforz, aħna nibbenefikaw b’ħafna modi. Pereżempju, jistaʼ jkollna saħħa aħjar, relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn, u ħbiberija b’saħħitha m’Alla.—Aqra Isaija 48:17, 18.
13, 14. (a) Alla liema xogħol ta lill-Kristjani kollha? (b) Kif għandna nħossuna dwar dan ix-xogħol?
13 Ftakar ukoll li prokuratur kellu xogħol x’jagħmel, u l-istess aħna. Alla tana għotja prezzjuża. Hu għallimna l-verità u jridna ngħallmu din il-verità lil oħrajn. (Mt. 28:19, 20) Pawlu kiteb li l-Kristjani huma qaddejja taʼ Kristu u “prokuraturi tas-sigrieti sagri t’Alla.” (1 Kor. 4:1) Pawlu kien jaf li kien responsabbli mis-“sigrieti sagri,” jew il-veritajiet tal-Bibbja, u li kellu jgħallimhom lil oħrajn. Is-Sid tiegħu, Ġesù Kristu, hekk riedu jagħmel.—1 Kor. 9:16.
14 Meta ngħallmu l-verità lil oħrajn, aħna nuru li nħobbuhom. Naturalment, mhux ilkoll għandna l-istess sitwazzjoni fil-ħajja, allura mhux kulħadd jistaʼ jagħmel l-istess ammont taʼ xogħol fil-ministeru. Ġeħova jifhem dan. L-importanti hu li nagħmlu dak kollu li nistgħu. B’dan il-mod, nuru mħabba mhix egoistika għal Alla u għan-nies.
L-IMPORTANZA TAʼ LI NKUNU LEALI
15-17. (a) Prokuratur għala għandu jkun leali? (b) Ġesù kif wera x’jiġri jekk ma nkunux leali?
15 It-tielet verità li għandna bżonn niftakru hi: Għandna nuru li aħna leali billi nobdu. Prokuratur forsi jkollu ħafna kwalitajiet u abbiltajiet tajbin, imma ma jiswew xejn jekk ma jobdix u ma jiħux ħsieb id-dmirijiet tiegħu. Prokuratur jeħtieġ ikun leali jekk irid jagħmel xogħlu sew u jogħġob lil sidu. Ftakar li Pawlu kiteb: “Dak li hu mistenni mill-prokuraturi hu li jkunu leali.”—1 Kor. 4:2.
16 Nistgħu nkunu ċerti li jekk inkunu leali, Alla se jippremjana. Jekk ma nkunux leali, nitilfu l-approvazzjoni t’Alla. Dan jidher ċar fir-rakkont taʼ Ġesù dwar it-talenti. Is-sid faħħar lill-ilsiera leali li ‘nnegozjaw’ bi flusu u hu ppremjahom bil-kbir. Imma lill-ilsir li m’obdiex qiesu bħala li kien mill-agħar, għażżien, u li ma kien tajjeb għal xejn. Is-sid ħadlu t-talent lil dan l-ilsir u keċċieh ’il barra.—Aqra Mattew 25:14-18, 23, 26, 28-30.
17 Ġesù għal darb’oħra wera x’jiġri jekk ma nkunux leali meta qal: “Wieħed raġel kien għani u kellu prokuratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qed iberbaqlu ġidu. Għalhekk, sejjaħlu u qallu, ‘X’qed nismaʼ dwarek? Agħtini rendikont tal-prokura tiegħek, għax ma tistax tibqaʼ tmexxi f’dari.’” (Lq. 16:1, 2) Peress li l-prokuratur ħela dak li kien taʼ sidu, is-sid keċċieh ’il barra. Dawn il-versi jgħallmuna lezzjoni importanti. Dejjem irridu nkunu leali billi nagħmlu l-almu tagħna f’dak kollu li Alla jirrikjedi minna.
HUWA GĦAQLI LI NQABBLU LILNA NFUSNA M’OĦRAJN?
18. Għala m’għandniex inqabblu lilna nfusna m’oħrajn?
18 Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jistaqsi, ‘X’tip taʼ prokuratur jien?’ Imma mhuwiex għaqli li nqabblu lilna nfusna m’oħrajn. Il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.” (Gal. 6:4) Minflok ma nqabblu dak li nagħmlu maʼ dak li jagħmlu oħrajn, għandna niffokaw fuq dak li nistgħu nagħmlu personalment. Imbagħad la se nitkabbru u lanqas se nħossuna skuraġġiti. Ukoll, is-sitwazzjoni tagħna setgħet inbidlet. Forsi minħabba problemi taʼ saħħa, età avanzata, jew dmirijiet oħrajn, ma nistgħux nagħmlu dak kollu li konna nagħmlu fil-passat. Jew forsi ċ-ċirkustanzi tagħna jippermettulna nagħmlu iktar milli qed nagħmlu issa. Jekk inhu hekk, għax ma tipprovax titjieb?
19. Jekk ma ngħatajniex ċerta responsabbiltà, għala m’għandniex inkunu diżappuntati wisq?
19 Ukoll, m’għandniex inqabblu lilna nfusna maʼ dawk li għandhom ċerti responsabbiltajiet li nixtiequ aħna. Pereżempju, ħu għandu mnejn ikun irid jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni jew jagħti taħditiet fl-assembleat u l-konvenzjonijiet. Huwa tajjeb li wieħed jirsisti biex jagħmel dak li hu meħtieġ minn uħud li għandhom responsabbiltajiet bħal dawn. Imma m’għandniex inkunu diżappuntati wisq jekk ma ningħatawhomx meta rridu aħna. Għal raġunijiet li forsi ma nifhmux mill-ewwel, għandu mnejn ikollna nistennew ħafna iktar milli stennejna. Ftakar li Mosè probabbilment ħaseb li kien lest imexxi lill-Iżraelin ’il barra mill-Eġittu, imma kellu jistenna 40 sena qabel m’għamel dan. Matul dan iż-żmien, hu setaʼ jiżviluppa kwalitajiet li iktar tard kellu bżonnhom biex imexxi nies rashom iebsa u ribellużi.—Atti 7:22-25, 30-34.
20. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġonatan?
20 Jistaʼ jkun li qatt ma ningħataw ċerta responsabbiltà. Ġonatan hekk ġralu. Hu kien bin Sawl u setaʼ jsir sultan fuq Iżrael kollu. Imma Alla għażel lil David, li kien ħafna iżgħar minn Ġonatan, biex ikun sultan. X’għamel Ġonatan? Aċċetta d-deċiżjoni t’Alla u saħansitra ssogra ħajtu biex jgħin lil David. Hu qal lil David: “Int tkun sultan fuq Israel, u jien inkun it-tieni warajk.” (1 Sam. 23:17) X’tistaʼ titgħallem mill-eżempju taʼ Ġonatan? Ma gergirx dwar is-sitwazzjoni tiegħu. U m’għerx għal David, kif għamel Sawl. Minflok ma ngħiru għal oħrajn għax għandhom responsabbiltajiet li aħna m’għandniex, ilkoll nistgħu nagħmlu l-almu tagħna biex nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandna. Nistgħu nkunu ċerti li fid-dinja l-ġdida, Ġeħova se jissodisfa x-xewqat xierqa tal-qaddejja kollha tiegħu.
21. Kif għandna nħossuna dwar is-servizz tagħna lil Alla?
21 Ejja dejjem niftakru li bħala l-prokuraturi t’Alla, m’aħniex ilsiera sforzati biex naqdu sid krudil. Minflok, Ġeħova jafdana u jonorana ħafna billi jagħtina xogħol importanti x’nagħmlu, bħal li nippritkaw l-aħbar tajba matul l-aħħar jiem, xogħol li qatt mhu se jerġaʼ jsir. Jagħtina wkoll ħafna libertà biex nagħżlu kif se nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li tana. Allura ejja nkunu prokuraturi leali. U jalla qatt ma ninsew li hu unur kbir li naqdu lil Ġeħova, l-akbar wieħed fl-univers kollu.
[Mistoqsijiet ta’ Studju]
[Stampi f’paġna 12]
Ejja nagħmlu l-almu tagħna biex nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li ngħatajna