Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Qabel ma tgħallimna l-​verità, jien u marti għamilna l-​fertilizzazzjoni in vitro għax xtaqna li jkollna tarbija. Ma ntużax il-​bajd fertilizzat kollu (l-​embriji) tagħna; xi ftit ġew friżati u maħżunin. Għandna bilfors inżommuhom, jew jistgħu jiġu skartati?

▪ Hemm kwistjonijiet morali oħrajn importanti ħafna li jiffaċċjaw il-​koppji jekk jagħżlu li jagħmlu l-​fertilizzazzjoni in vitro (IVF). Kull koppja hi responsabbli quddiem Ġeħova biex tiddeċiedi x’ħa tagħmel. Però, jistaʼ jkun t’għajnuna jekk ikollna ħarsa ġenerali dwar din it-​teknoloġija taʼ riproduzzjoni assistita, jiġifieri, l-​IVF.

Fl-​1978, mara fl-​Ingilterra saret l-​ewwel mara li kellha dak li ħafna sejħulu test-​tube baby (tarbija mnissla bl-​inseminazzjoni artifiċjali). Hi ma setgħetx toħroġ tqila għax it-​tubi Fallopjani tagħha kienu misdudin, u allura l-​isperma ma setgħetx tiltaqaʼ mal-​bajda jew bajd tagħha. Permezz t’operazzjoni t-​tobba ħadulha bajda li kienet lesta biex tinqataʼ, poġġewha f’reċipjent tal-​ħġieġ, u ffertilizzawha bl-​isperma taʼ żewġha. L-​embriju li rriżulta tħalla jiżviluppa f’nutrijenti u mbagħad poġġewh f’ġufha, fejn kompla jikber. Maż-​żmien, kellha tarbija tifla. Il-​proċedura, u varjazzjonijiet tagħha, bdew jissejħu fertilizzazzjoni in vitro (fil-​ħġieġ), jew IVF.

Filwaqt li d-​dettalji jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, l-​IVF ġeneralment tinvolvi dan li ġej: Il-​mara tingħata mediċini tal-​fertilità qawwijin għal ġimgħat sħaħ biex jistimulaw l-​ovarji tagħha ħalli jipproduċu ħafna bajd. Ir-​raġel għandu mnejn jintalab jipprovdi l-​isperma permezz tal-​masturbazzjoni. Il-​bajd u l-​isperma li tkun ġiet maħsula jiġu mħalltin fil-​laboratorju. Jistaʼ jiġri li tiffertilizza iktar minn bajda waħda u jibdew jinqasmu, u b’hekk isiru embriji umani. Wara xi ġurnata, it-​tobba jeżaminaw bir-​reqqa dawn l-​embriji li jkunu għadhom kif ifformaw biex jiddistingwu bejn dawk li huma difettużi u dawk li jidhru f’saħħithom u li għandhom probabbiltà kbira li jaqbdu mal-​inforra tal-​utru u jiżviluppaw. Madwar it-​tielet jum, huwa komuni li titpoġġa mhux waħda imma tnejn jew tlieta mill-​aħjar embriji fil-​ġuf tal-​mara biex ikun hemm ċans akbar li toħroġ tqila. Jekk jaqbad wieħed jew iktar mal-​inforra tal-​utru, hi tkun tqila, u hu mistenni li maż-​żmien tiled.

Imma xi ngħidu għall-​embriji li ma jitpoġġewx fil-​ġuf, inkluż dawk li dehru inqas f’saħħithom jew saħansitra difettużi? Jekk jitħallew waħedhom, dawk l-​embriji żejda malajr ma jkunux jistgħu jintużaw. Qabel ma jiġri dan, l-​embriji żejda jistgħu jiġu friżati fin-​nitroġenu f’forma taʼ likwidu. Għala? Jekk l-​ewwel prova tal-​IVF ma tirnexxix, iktar tard jistgħu jintużaw ftit minn dawn l-​embriji maħżunin fi trattament ieħor tal-​IVF b’inqas spejjeż. Madankollu, dan iqajjem kwistjonijiet morali. Bħal fil-​każ tal-​koppja li qajmu l-​mistoqsija t’hawn fuq, ħafna jikkonfondu x’se jagħmlu bl-​embriji friżati tagħhom. Forsi ma jkunux iridu iktar tfal. Il-​ġenituri forsi jsibuha diffiċli jkollhom tarbija oħra minħabba l-​età jew għax ma jkunux jaffordjaw l-​ispejjeż taʼ li jerġgħu jagħmlu l-​IVF jew taʼ li jrabbu tifel jew tifla oħra. Forsi jibżgħu mir-​riskji li hemm fi tqala multipla. a Jew l-​affarijiet jistgħu jikkomplikaw ruħhom jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba jew it-​tnejn li huma jmutu jew jerġgħu jiżżewġu. Iva, hemm ħafna x’jikkunsidraw, u minħabba f’hekk, xi koppji jibqgħu jħallsu biex l-​embriji jiġu maħżunin għal snin sħaħ.

Fl-​2008, embrijologu ewlieni qal f’The New York Times li ħafna pazjenti ġenwinament ħassewhom bejn ħaltejn dwar x’kienu se jagħmlu bl-​embriji żejda. L-​artiklu qal: “Minn tal-​inqas 400,000 embriju huma friżati fi kliniki madwar il-​pajjiż, u kuljum jiżdiedu iktar magħhom . . . L-​embriji jistgħu jibqgħu tajbin għal għaxar snin jew iktar jekk jiġu friżati kif suppost imma mhux kollha jsalvaw meta jinżlilhom is-​silġ.” (Korsiv tagħna.) Dan il-​fatt tal-​aħħar jagħti lil xi Kristjani raġuni biex jieqfu u jaħsbu. Għala?

Koppji Kristjani li jiffaċċjaw kwistjonijiet rigward l-​IVF għandhom mnejn jirriflettu fuq x’tinvolvi sitwazzjoni medika differenti. Kristjan forsi jkollu jiddeċiedi x’se jagħmel dwar membru tal-​familja maħbub li jinsab f’sitwazzjoni terminali u li qed jgħix bl-​għajnuna tal-​magni, bħal respiratur biex jibqaʼ jieħu n-​nifs. Il-​Kristjani veri jopponu traskuraġni medika; fi qbil m’Eżodu 20:13 u Salm 36:9, il-​ħajja jqisuha taʼ valur kbir. Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​8 taʼ Mejju, 1974, qal: “Peress li jirrispettaw il-​ħarsa t’Alla lejn il-​qdusija tal-​ħajja, fi qbil mal-​kuxjenza tagħhom stess u biex jobdu l-​liġijiet tal-​gvern, dawk li jixtiequ jgħixu ħajjithom skont il-​prinċipji Bibliċi qatt mhuma se jaslu biex jaċċettaw l-​ewtanasja,” li hi att apposta biex il-​ħajja tal-​pazjent tintemm. Iżda, f’xi sitwazzjonijiet it-​teknoloġija tkun l-​unika ħaġa li qed iżżomm lill-​maħbub ħaj. Il-​membri tal-​familja jridu jiddeċiedu jekk iħallux din l-​għajnuna artifiċjali tal-​ħajja tkompli jew le.

Veru, dan mhuwiex l-​istess bħas-​sitwazzjoni li jiffaċċjaw koppja li għamlu l-​IVF u issa għandhom xi embriji maħżunin. Imma għażla li jistgħu jingħataw hi li l-​embriji jitneħħew mill-​friżer tan-​nitroġenu, u b’hekk jinżlilhom is-​silġ. Mingħajr l-​ambjent artifiċjali tal-​friżer, l-​embriji ma jdumux ma jiddeterjoraw sal-​punt li ma jkunux għadhom tajbin biex jintużaw. Il-​koppja jridu jiddeċiedu jekk humiex se jippermettu dan.—Gal. 6:7.

Minħabba li koppja jkunu għamlu l-​IVF bit-​tama li jkollhom tarbija, forsi jagħżlu li jħallsu l-​ispejjeż biex iżommu l-​embriji żejda tagħhom friżati jew forsi jagħżlu li jużawhom fi trattament ieħor tal-​IVF fil-​futur biex jerġgħu jipprovaw ikollhom tarbija. Madankollu, koppja oħra forsi jiddeċiedu li ma jibqgħux iżommu l-​embriji friżati, għax iħossu li kienu qed jinżammu fi stat tajjeb b’mezzi artifiċjali biss. Il-​Kristjani li jiffaċċjaw din id-​deċiżjoni huma responsabbli quddiem Alla biex jużaw il-​kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-​Bibbja. Ix-​xewqa tagħhom għandha tkun li jkollhom kuxjenza nadifa, filwaqt li ma jinjorawx il-​kuxjenza t’oħrajn.—1 Tim. 1:19.

Espert fl-​endokrinoloġija riproduttiva sab li l-​biċċa l-​kbira mill-​koppji “ħassewhom konfużi imma fl-​istess ħin konċernati ħafna dwar ir-​responsabbiltà taʼ li jiddeċiedu x’għandhom jagħmlu bl-​embriji [friżati] tagħhom.” Hu kkonkluda: “Għal ħafna koppji, jidher li m’hemmx deċiżjoni tajba.”

Jidher ċar li l-​Kristjani veri li jkunu saħansitra qed jikkunsidraw l-​IVF għandhom jiżnu l-​implikazzjonijiet serji kollha taʼ din it-​teknoloġija. Il-​Bibbja tagħti dan il-​parir: “Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.”—Prov. 22:3, Għaqda Biblika Maltija.

Raġel u mara li jgħixu flimkien u li qed jistudjaw il-​Bibbja jixtiequ jiżżewġu ħalli jkunu jistgħu jitgħammdu. Imma r-​raġel qiegħed fil-​pajjiż illegalment, u l-​gvern ma jħallix lil individwu li jgħix fil-​pajjiż illegalment jiżżewweġ. Jistgħu dawn jiffirmaw id-​dokument imsejjaħ id-​Dikjarazzjoni li Twiegħed Fedeltà u mbagħad jitgħammdu?

▪ Avolja din forsi tidher li hi soluzzjoni għall-​problema tagħhom, mhijiex il-​ħaġa s-​sewwa skont il-​Bibbja. Biex nifhmu għala, ejja l-​ewwel nikkunsidraw x’inhi d-​Dikjarazzjoni li Twiegħed Fedeltà u meta tistaʼ tintuża.

Id-​Dikjarazzjoni li Twiegħed Fedeltà hi dokument li jiġi ffirmat quddiem ix-​xhieda minn koppja li ma jistgħux jiżżewġu legalment għar-​raġuni spjegata fil-​paragrafi li ġejjin. Meta jiffirmaw dan id-​dokument, huma jwiegħdu quddiem Alla u xhieda umani li se jkunu leali lejn xulxin u li se jillegalizzaw iż-​żwieġ tagħhom jekk isir possibbli. Il-​kongregazzjoni mbagħad tqis iż-​żwieġ tal-​koppja l-​istess bħallikieku kien żwieġ legalizzat.

Meta tintuża d-​Dikjarazzjoni li Twiegħed Fedeltà? Biex inwieġbu din, l-​ewwel hemm bżonn li nifhmu kif Ġeħova jqis iż-​żwieġ u d-​divorzju. Ġeħova għamel iż-​żwieġ u jqisu bħala xi ħaġa serja ħafna. Ibnu qal: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:5, 6; Ġen. 2:22-​24) Hu żied jgħid: “Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.” (Mt. 19:9) Allura “ż-​żína,” jew l-​immoralità sesswali, hi l-​unika raġuni msemmija fil-​Bibbja biex żwieġ jintemm. Pereżempju, jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali maʼ persuna li mhijiex il-​mara tiegħu, martu tistaʼ tiddeċiedi jekk tridx tiddivorzjah jew le. Jekk tagħżel li tiddivorzjah, imbagħad tkun ħielsa biex tiżżewweġ lil xi ħadd ieħor.

Speċjalment fil-​passat, ir-​reliġjon prinċipali f’xi pajjiżi m’aċċettatx dak li tgħid il-​Bibbja dwar id-​divorzju. Minflok, din għallmet li d-​divorzju dejjem hu ħażin. Il-​mexxejja reliġjużi tant kellhom qawwa li l-​liġi f’xi pajjiżi llum ma tħallix lin-​nies jiddivorzjaw, anki għar-​raġuni li semma Ġesù. F’pajjiżi oħra, il-​liġi tippermetti d-​divorzju, imma hu diffiċli immens u kkomplikat biex iġġibu. Jistaʼ jieħu ħafna u ħafna snin. Ir-​reliġjon prinċipali jew il-​gvern f’dawn il-​postijiet iwaqqaf lin-​nies milli jagħmlu xi ħaġa li Alla jippermettilhom jagħmlu.—Atti 11:17.

Pereżempju, koppja għandhom mnejn jgħixu f’pajjiż fejn hu impossibbli jew diffiċli immens li ġġib id-​divorzju. Jekk ikunu għamlu kulma setgħu biex itemmu żwieġ li kellhom qabel, u skont il-​Bibbja, huma ħelsin biex jerġgħu jiżżewġu, jistgħu jiffirmaw id-​Dikjarazzjoni li Twiegħed Fedeltà. Huwa għal pajjiżi bħal dawn li l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova bi mħabba ħejjiet dan id-​dokument. Mhuwiex dokument biex jintuża f’pajjiżi fejn id-​divorzju hu possibbli, anki jekk ikun xi ftit għoli jew komplikat biex iġġibu.

Xi wħud li jgħixu fejn id-​divorzju hu possibbli xtaqu jiffirmaw id-​Dikjarazzjoni li Twiegħed Fedeltà, u b’dan il-​mod, jevitaw l-​inkwiet involut f’li jġibu d-​divorzju. Imma din mhijiex raġuni tajba biex jintuża dan id-​dokument.

Ejja mmorru lura għas-​sitwazzjoni deskritta fil-​mistoqsija. Ir-​raġel u l-​mara qed jgħixu flimkien u jixtiequ jiżżewġu. L-​ebda wieħed minnhom mhu miżżewweġ lil xi ħadd ieħor. Skont il-​Bibbja, it-​tnejn huma ħelsin biex jiżżewġu. Din mhix sitwazzjoni li fiha xi ħadd minnhom għandu bżonn id-​divorzju u ma jistax iġibu minħabba l-​liġi tal-​pajjiż. Allura d-​Dikjarazzjoni li Twiegħed Fedeltà ma tistax tintuża minn din il-​koppja. Il-​problema fil-​każ tagħhom hi li r-​raġel mhuwiex fil-​pajjiż legalment, u minħabba f’hekk, il-​gvern mhux se jippermetti ż-​żwieġ. (F’ħafna pajjiżi l-​awtoritajiet jippermettu żwieġ anki jekk ir-​raġel jew il-​mara jew it-​tnejn li huma jkunu qed jgħixu fil-​pajjiż illegalment.) Allura x’tistaʼ tagħmel din il-​koppja? Għandhom mnejn ikollhom imorru f’pajjiż ieħor fejn jistgħu jiżżewġu legalment. Jew jistaʼ jkun possibbli wkoll li jiżżewġu fil-​pajjiż fejn jgħixu jekk ir-​raġel jagħmel dak li hemm bżonn biex isir resident legali.

Allura l-​koppja jistgħu jagħmlu l-​bidliet meħtiġin biex jobdu kemm il-​liġijiet t’Alla kif ukoll dawk taʼ Ċesari. (Mk. 12:17; Rum. 13:1) Jekk jiżżewġu legalment, jistgħu jkunu f’pożizzjoni biex jitgħammdu.—Ebr. 13:4.

[Nota ta’ taħt]

a Xi ngħidu jekk il-​fetus li qed jiżviluppa jidher li mhuwiex normali, jew xi ngħidu jekk diversi embriji jaqbdu mal-​inforra tal-​utru? Jekk mara apposta ttemm tqala tkun qed tagħmel abort. Bl-​IVF, tqaliet multipli (tewmin, triplets, jew iktar) huma komuni, u dawn iżidu r-​riskji, bħal twelid prematur u emorraġiji fl-​omm. Mara li tkun qed iġġorr ħafna fetuses forsi tiġi mħeġġa tikkunsidra “tnaqqis selettiv,” jiġifieri, li tħalli li jinqatel wieħed jew iktar mill-​fetuses. Dan ikun abort apposta, li hu bħal qtil.—Eżo. 21:22, 23; Salm 139:16.

[Kumment f’paġna 14]

Il-​Kristjani li jiffaċċjaw din id-​deċiżjoni huma responsabbli quddiem Alla biex jużaw il-​kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-​Bibbja

[Kaxxa f’paġna 15]

PROĊEDURI OĦRAJN TAL-​IVF

L-​iżvilupp tal-​IVF fetaħ it-​triq għal proċeduri oħrajn li żgur imorru kontra l-​ħsieb t’Alla kif impoġġi fl-​Iskrittura. Pereżempju, il-​bajd taʼ mara għandu mnejn jiġi ffertilizzat bl-​isperma taʼ raġel li mhuwiex żewġha. Forsi mbagħad tħalli l-​embriji li jiżviluppaw jitpoġġew f’ġufha. (Koppji lesbjani kultant jużaw din il-​proċedura.) Jew l-​isperma taʼ raġel għandha mnejn tintuża biex tiffertilizza l-​bajd taʼ mara li mhijiex martu. Il-​mara tar-​raġel imbagħad forsi taċċetta li jitpoġġewlha f’ġufha l-​embriji li jkunu żviluppaw.

F’varjazzjoni li xi wħud isejħulha “adozzjoni tal-​embriju,” l-​embriji li jitpoġġew f’ġuf il-​mara la jinvolvu l-​bajd tagħha u lanqas l-​isperma taʼ żewġha. Terġaʼ f’varjazzjoni oħra, il-​bajd u l-​isperma taʼ koppja miżżewġa jiġu ffertilizzati barra l-​ġuf bl-​IVF. L-​embriji li jiżviluppaw imbagħad jitpoġġew fil-​ġuf taʼ mara li ġġorr it-​tarbija u tilidha għalihom. b

Dawn il-​proċeduri riproduttivi mhumiex aċċettabbli għall-​qaddejja t’Alla għax dawn jirrispettaw id-​direzzjoni tiegħu: “M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ [letteralment, ‘tagħti t-​tixrid taʼ l-​isperma tiegħek lil’] mart sieħbek biex minħabba dan issir mhux nadif.” (Lev. 18:20, 29, ntt.; Prov. 6:29) Meta l-​fertilizzazzjoni tinvolvi l-​bajd jew l-​isperma (jew it-​tnejn) taʼ xi ħadd barra l-​għaqda taż-​żwieġ, dan jitqies bħala dak li l-​Bibbja ssejjaħlu pornea, immoralità sesswali. Dawn il-​proċeduri huma użu ħażin moqżież tal-​organi sesswali.—Mt. 5:32; 1 Kor. 5:11; 6:9, 18; Ebr. 13:4.

[Nota ta’ taħt]

b Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​8 taʼ Marzu, 1993, paġni 26-​27, fih diskussjoni sħiħa dwar dan is-​suġġett.