Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Oqgħod Attent li Ma Tużax il-Bibbja b’Mod Superstizzjuż

Oqgħod Attent li Ma Tużax il-Bibbja b’Mod Superstizzjuż

“IL-​KELMA t’Alla hi ħajja u qawwija.” (Ebr. 4:12) Dan il-​kliem tal-​appostlu Pawlu juri li l-​kelma t’Alla għandha l-​qawwa li tmiss il-​qlub u tbiddel ħajjet in-​nies.

Matul l-​apostasija li ssaħħet wara l-​mewt tal-​appostli, in-​nies beda jkollhom ideat ħżiena rigward il-​qawwa tal-​messaġġ tal-​Bibbja. (2 Pt. 2:1-​3) Mexxejja tal-​knisja bdew jgħallmu li l-​Bibbja kellha qawwiet maġiċi. Il-​Professur Harry Y. Gamble kiteb li wara s-​sena 200, Oriġene, wieħed mill-​Missirijiet tal-​Knisja, għallem li sempliċement il-​ħoss taʼ kliem qaddis jistaʼ jgħin lil dak li jkun. Oriġene qal li jekk il-​kliem użat għall-​maġija għandu qawwa, mela l-​kliem ispirat minn Alla hu saħansitra iktar qawwi. Ġwann Griżostmu, li għex xi 400 sena wara t-​twelid taʼ Kristu, kiteb li x-​Xitan ma kienx jersaq qrib xi dar li kellha Bibbja. Kiteb ukoll li xi wħud dendlu versi mill-​Evanġelji m’għonqhom biex jipproteġu lilhom infushom mill-​ħsara. Skont il-​Professur Gamble, il-​kittieb Kattoliku Ruman Wistin għallem li individwu setaʼ jorqod bl-​Evanġelju taʼ Ġwanni taħt l-​imħadda biex tgħaddilu l-​uġigħ taʼ ras. Minħabba dan it-​tagħlim, in-​nies bdew jużaw il-​Bibbja bħallikieku kellha qawwiet maġiċi. Xi ngħidu għalik? Tużaha l-​Bibbja għar-​risq u għall-​protezzjoni?

Ħafna nies jużaw il-​Bibbja b’mod ħażin ieħor. Huma jemmnu li jekk jiftħu l-​Bibbja fejn ġie ġie, l-​ewwel vers li jaraw jgħidilhom x’għandhom jagħmlu. Pereżempju, skont il-​Professur Gamble, Wistin darba semaʼ tifel jew tifla f’dar fil-​viċin tgħid: “Ħu f’idejk u aqra, ħu f’idejk u aqra.” Wistin emmen li Alla kien qed jgħidlu biex jiftaħ il-​Bibbja u jaqra l-​ewwel vers li jara.

Taf lil xi wħud li jużaw il-​Bibbja b’dan il-​mod sabiex jipprovaw isolvu l-​problemi tagħhom? Naturalment, huwa tajjeb li dawn iridu jiksbu l-​għajnuna mill-​Bibbja, imma mhux b’dan il-​mod.

Ġesù wiegħed lid-​dixxipli tiegħu li l-​ispirtu qaddis kien se ‘jfakkarhom’ l-​affarijiet li tgħallmu mingħandu. (Ġw. 14:26) Allura, aħna nirċievu l-​għajnuna mill-​Bibbja billi nużaw dak li diġà tgħallimna minnha, u mhux billi sempliċement niftħuha fejn ġie ġie.

Ħafna nies jużaw il-​Bibbja b’xi mod maġiku bit-​tama li jkollhom protezzjoni mill-​ħsara, li jsolvu l-​problemi tagħhom, jew li jitgħallmu dwar il-​futur. Imma l-​Bibbja tgħid li l-​użu tal-​maġija mhux tajjeb. (Lev. 19:26; Dt. 18:9-​12; Atti 19:19) Il-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna, imma għandna nużawha kif suppost. Il-​Bibbja mhix se tgħinna b’xi mod maġiku. Huwa l-​istudju tagħna mill-​Bibbja li jistaʼ jgħinna jkollna ħajja aħjar. Għarfien veru tal-​Bibbja għen lil ħafna nies ikunu jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, iwaqqfu drawwiet ħżiena, ikollhom ħajja tal-​familja iktar hienja, u jkollhom ħbiberija mal-​Awtur tal-​Bibbja.