Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tapprezzah Int il-Wirt Spiritwali Tagħna?

Tapprezzah Int il-Wirt Spiritwali Tagħna?

“Alla dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.”​—ATTI 15:14.

1, 2.(a) X’kien “l-​għarix taʼ David,” u kif kien se jerġaʼ jinbena? (b) Illum, min jaqdi flimkien bħala l-​qaddejja taʼ Ġeħova?

MATUL laqgħa sinifikanti tal-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm fis-​sena 49 E.K., id-​dixxiplu Ġakbu qal: “Simgħon [Pietru] irrakkonta bir-​reqqa kif għall-​ewwel darba Alla dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu. U maʼ dan jaqbel kliem il-​Profeti, bħalma hu miktub, ‘Wara dan nerġaʼ niġi lura u nibni mill-​ġdid l-​għarix taʼ David li ġġarraf; u nibni mill-​ġdid ir-​rovini tiegħu u nerġaʼ ntellgħu, sabiex dawk li jibqgħu mill-​bnedmin ifittxu lil Ġeħova bil-​ħeġġa, flimkien maʼ nies mill-​ġnus kollha, nies li jissejħu b’ismi, jgħid Ġeħova li qed jagħmel dan li kien magħruf sa mill-​qedem.’”​—Atti 15:13-​18.

2 “L-​għarix [jew, id-​dar irjali] taʼ David” iġġarraf meta s-​Sultan Sedekija tneħħa mit-​tron. (Għam. 9:11) Imma dik il-​profezija spjegat li Alla kien se jerġaʼ ‘jibnih.’ Dan juri li kien se jkun hemm sultan ieħor, id-​dixxendent taʼ David, Ġesù. (Eżek. 21:27; Atti 2:29-​36) Bħalma spjega Ġakbu f’dik il-​laqgħa storika, dik il-​profezija t’Għamos kienet qed titwettaq bil-​ġbir tal-​werrieta tas-​Saltna kemm mil-​Lhud kif ukoll mill-​Ġentili. Illum, fdal tal-​Kristjani midlukin u miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù jiddikjaraw flimkien il-​verità tal-​Bibbja bħala qaddejja taʼ Ġeħova.​—Ġw. 10:16.

IL-​POPLU TAʼ ĠEĦOVA JIFFAĊĊJA SFIDA

3, 4. Il-​poplu taʼ Ġeħova kif baqaʼ leali f’Babilonja?

3 Meta l-​Lhud ittieħdu fil-​jasar f’Babilonja, kien ċar li “l-​għarix taʼ David” kien iġġarraf. Ladarba r-​reliġjon falza kienet tant mifruxa, il-​poplu t’Alla kif baqaʼ leali matul is-​70 sena f’Babilonja?  Bl-​istess mod kif il-​poplu taʼ Ġeħova llum jibqaʼ leali fid-​dinja taʼ Satana. (1 Ġw. 5:19) Il-​qaddejja taʼ Ġeħova għandhom wirt speċjali li jgħinhom jibqgħu leali.

4 Bħala parti mill-​wirt spiritwali tagħna, aħna għandna l-​Kelma miktuba t’Alla. L-​eżiljati Lhud f’Babilonja ma kellhomx l-​Iskrittura Mqaddsa kollha kemm hi, imma kellhom għarfien tal-​Liġi Mosajka, bl-​Għaxar Kmandamenti tagħha. Kienu jafu “l-​għanjiet taʼ Sijon,” setgħu jiftakru għadd taʼ proverbji, u kienu familjari maʼ dak li għamlu l-​qaddejja taʼ Ġeħova fil-​passat. Iva, dawn l-​eżiljati bkew meta kienu jiftakru f’Sijon, u ma nsewx lil Ġeħova. (Aqra Salm 137:1-6.) Dan kollu żammhom leali lejn Ġeħova minkejja li kienu f’Babilonja, bil-​ħafna duttrini u prattiki foloz tagħha.

IT-​TRINITÀ MHIX TAGĦLIM ĠDID

5. Il-​Babiloniżi u l-​Eġizzjani tal-​qedem, f’liema trinitajiet kienu jemmnu?

5 It-​tagħlim taʼ tliet allat, jew trinità, kien aspett prominenti tal-​qima f’Babilonja. Waħda mit-​trinitajiet Babiloniżi kienet magħmula minn Sin (alla-​qamar), Shamash (alla-​xemx), u Ishtar (alla mara tal-​fertilità u l-​gwerra). L-​Eġizzjani kienu jqimu familji taʼ tliet allat, b’missier, omm, u iben. Għalkemm dawn l-​allat kienu trinità, mhux dejjem kienu meqjusin ugwali. Trinità waħda Eġizzjana kienet tikkonsisti mill-​alla Osiris, l-​alla mara Isis, u binhom Ħorus.

6. X’inhi t-​Trinità, u l-​poplu taʼ Ġeħova għala ma jemminx fiha?

6 Illum, il-​Kristjaneżmu wkoll jgħallem li hemm Trinità, jew Alla wieħed magħmul mill-​Missier, l-​Iben, u l-​ispirtu qaddis. Imma dan it-​twemmin jagħti x’jifhem li Ġeħova mhuwiex Alla li jistaʼ kollox għax kieku jkun ifisser li hu biss parti minn Alla. Il-​poplu taʼ Ġeħova ġie protett minn dan it-​tagħlim falz. Aħna tgħallimna li “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.” (Dt. 6:4) Ġesù rripeta dan il-​kliem, u l-​Kristjani veri jemmnu dak li qal Ġesù.—Mk. 12:29.

7. Għala xi ħadd li jemmen fit-​Trinità ma jistax jitgħammed b’simbolu taʼ dedikazzjoni valida lil Alla?

7 Id-​duttrina tat-​Trinità tmur kontra l-​inkarigu li Ġesù ta lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, jgħammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis.’ (Mt. 28:19) Biex individwu jitgħammed bħala Kristjan ġenwin u jsir wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, għandu jirrikonoxxi s-​supremazija tal-​Missier, Ġeħova, kif ukoll il-​pożizzjoni u l-​awtorità tal-​Iben t’Alla, Ġesù. Il-​kandidat tal-​magħmudija għandu jemmen ukoll li l-​ispirtu qaddis hu l-​forza attiva t’Alla, mhux parti minn Trinità. (Ġen. 1:2) Xi ħadd li jibqaʼ jemmen fit-​Trinità ma jistax jitgħammed b’simbolu taʼ dedikazzjoni valida lil Alla Ġeħova. Kemm aħna grati li l-​wirt spiritwali tagħna pproteġiena milli nemmnu dan it-​tagħlim li jiddiżonora lil Alla!

L-​ISPIRITIŻMU JIEĦU ŻVOLTA

8. Il-​Babiloniżi x’kienu jemmnu dwar l-​allat u d-​demonji?

8 In-​nies f’Babilonja mhux biss kienu jemmnu fl-​allat tagħhom imma wkoll fid-​demonji u l-​ispiritiżmu. The International Standard Bible Encyclopaedia tgħid li l-​Babiloniżi kienu jemmnu li d-​demonji setgħu jmarrdu  lin-​nies. Għalhekk, in-​nies kienu jitolbu lill-​allat tagħhom biex jipproteġuhom mid-​demonji.

9. (a) Wara l-​eżilju tagħhom f’Babilonja, ħafna Lhud kif sfaw vittma taʼ ideat reliġjużi foloz? (b) Kif aħna protetti mill-​perikli li ninvolvu ruħna mad-​demonji?

9 Wara l-​eżilju tagħhom f’Babilonja, ħafna Lhud sfaw vittma taʼ ideat mhux skritturali. Hekk kif bdew jinfirxu ideat Griegi fost il-​Lhud, ħafna saru vulnerabbli għall-​kontroll demoniku minħabba li adottaw il-​ħarsa li d-​demonji jistgħu jkunu tajbin jew ħżiena. Il-​wirt spiritwali tagħna jipproteġina mill-​perikli li ninvolvu ruħna mad-​demonji, għax nafu li Alla kkundanna l-​prattiki spiritistiċi taʼ Babilonja. (Is. 47:1, 12-​15) Iktar minn hekk, aħna gwidati mill-​ħarsa t’Alla dwar l-​ispiritiżmu.​—Aqra Dewteronomju 18:10-​12; Rivelazzjoni 21:8.

10. X’jistaʼ jingħad dwar il-​prattiki u t-​twemmin taʼ Babilonja l-​Kbira?

10 L-​ispiritiżmu ma ġiex prattikat biss mill-​Babiloniżi imma wkoll minn dawk li jappoġġaw lill-​Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Riv. 18:21-​24) Dawn ir-​reliġjonijiet foloz huma verament bħar-​reliġjon taʼ Babilonja tal-​qedem għax minn hemmhekk oriġinaw l-​ideat żbaljati u l-​prattiki ħżiena. Peress li hi invażata bl-​ispiritiżmu, l-​idolatrija, u dnubiet oħrajn, Babilonja l-​Kbira dalwaqt se tinqered.​—Aqra Rivelazzjoni 18:1-​5.

11. Liema twissijiet ippubblikajna dwar l-​ispiritiżmu?

11 Ġeħova ddikjara: “Ma nifilħux l-​użu tal-​qawwa maġika.” (Is. 1:13) Fis-​seklu 19, ħafna nies kienu jipprattikaw l-​ispiritiżmu. Għalhekk, Zion’s Watch Tower taʼ Mejju, 1885, iddiskuta din il-​kwistjoni. Dan qal li r-​reliġjonijiet tal-​qedem għallmu li l-​mejtin kienu ħajjin u li l-​mitoloġija tal-​kulturi kollha kienet ibbażata fuq l-​idea li l-​mejtin kienu f’dinja oħra. Qal ukoll li d-​demonji jagħmluha taʼ nies mejtin li qed jipprovaw jikkomunikaw mal-​ħajjin, u minħabba f’hekk id-​demonji influwenzaw il-​ħsib u l-​azzjonijiet taʼ ħafna. Il-​ktejjeb li ħareġ fl-​1897, What Say the Scriptures About Spiritism? ta twissijiet simili, u l-​istess jagħmlu ħafna pubblikazzjonijiet iktar reċenti tagħna.

IL-​MEJTIN QED ISOFRU F’DINJA OĦRA?

12. Taħt ispirazzjoni, Salamun x’qal dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin?

12 “Dawk kollha li saru jafu l-​verità” jistgħu jwieġbu din il-​mistoqsija. (2 Ġw. 1) Ċertament li naqblu mal-​kliem taʼ Salamun: “Kelb ħaj aħjar minn iljun mejjet. Għax il-​ħajjin jafu li għad imutu; imma l-​mejtin ma jafu assolutament xejn . . . Kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-​qawwa tiegħek kollha, għax la hemm xogħol, la ppjanar, la għarfien, u lanqas għerf fil-​Qabar, il-​post fejn int sejjer.”​—Ekk. 9:4, 5, 10.

13. Il-​Lhud liema twemmin aċċettaw mir-​reliġjon u l-​kultura Griega?

13 Ġeħova lil-​Lhud kien qalilhom il-​verità dwar il-​mejtin. Madankollu, meta l-​Greċja nqasmet bejn il-​Ġenerali taʼ Alessandru l-​Kbir, saru sforzi biex jgħaqqdu lil Ġuda mas-​Sirja permezz tar-​reliġjon u l-​kultura Griega. Minħabba f’hekk, il-​Lhud aċċettaw it-​tagħlim falz li r-​ruħ tal-​bniedem hi immortali u li hemm dinja oħra taʼ turment. Il-​Griegi ma kinux l-​ewwel nies li bdew jemmnu f’post taʼ sofferenza  inviżibbli. Il-​ktieb The Religion of Babylonia and Assyria jgħid li l-​Babiloniżi kienu jemmnu li kien hemm dinja oħra fejn allat b’saħħithom u demonji kienu jittorturaw lin-​nies. Huwa ċar li l-​Babiloniżi kienu jemmnu fl-​immortalità tar-​ruħ.

14. Ġob u Abraham x’kienu jafu dwar il-​mewt u l-​irxoxt?

14 Għalkemm ir-​raġel ġust Ġob ma kellux l-​Iskrittura, hu kien jaf il-​verità dwar il-​mewt. Hu rrealizza wkoll li Ġeħova hu Alla kollu mħabba li kien se jixxennaq biex jirxoxtah. (Ġob 14:13-​15) Abraham ukoll kien jemmen fl-​irxoxt. (Aqra Ebrej 11:17-​19.) Ladarba hu impossibbli li jiġi rxoxtat xi ħadd li ma jistax imut, dawn l-​irġiel li kienu jibżgħu minn Alla ma kinux jemmnu fl-​immortalità tar-​ruħ umana. Mingħajr dubju, l-​ispirtu t’Alla għen lil Ġob u lil Abraham biex jifhmu l-​istat tal-​mejtin u biex jeżerċitaw il-​fidi fl-​irxoxt. Dawn il-​veritajiet huma wkoll parti mill-​wirt tagħna.

NEĦTIEĠU “L-​ĦELSIEN BIL-​FIDWA”

15, 16. Kif ġejna meħlusin mid-​dnub u l-​mewt?

15 Aħna grati li Alla rrivelalna wkoll il-​verità dwar kif se jeħlisna mid-​dnub u l-​mewt li writna minn Adam. (Rum. 5:12) Nirrealizzaw li Ġesù “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mk. 10:45) Kemm hu sew li nafu dwar “il-​ħelsien bil-​fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù”!​—Rum. 3:22-​24.

16 Il-​Lhud u l-​Ġentili tal-​ewwel seklu kellhom bżonn jindmu minn dnubiethom u jeżerċitaw il-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Inkella, ma kienu jiksbu l-​ebda maħfra. Is-​sitwazzjoni hi l-​istess illum. (Ġw. 3:16, 36) Jekk xi ħadd jibqaʼ ggranfat mad-​duttrini foloz, bħat-​Trinità u  l-​immortalità tar-​ruħ, ma jistax jibbenefika mill-​fidwa. Imma aħna nistgħu. Aħna nafu l-​verità dwar l-​Iben t’Alla, “li permezz tiegħu għandna l-​ħelsien tagħna bil-​fidwa, il-​maħfra taʼ dnubietna.”—Kol. 1:13, 14.

IBQAʼ AQDI LIL ĠEĦOVA!

17, 18. Fejn nistgħu nsibu informazzjoni t’għajnuna dwar l-​istorja tagħna, u kif nistgħu nibbenefikaw milli nitgħallmu dwarha?

17 Hemm ħafna iktar x’nistgħu ngħidu dwar it-​tagħlim veru li nħaddnu, l-​esperjenzi tagħna bħala l-​qaddejja t’Alla, u l-​barkiet spiritwali u materjali li ngawdu. Il-​Yearbooks tagħna ilhom bosta snin jgħidulna dwar kif in-​nies taʼ Ġeħova madwar id-​dinja baqgħu jaqduh. Nistgħu nitgħallmu dwar l-​istorja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova mill-​vidjows Faith in Action, l-​1 u t-​2 parti, u minn pubblikazzjonijiet bħall-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom. U r-​rivisti tagħna spiss jirrakkontaw esperjenzi persunali li jqawwu l-​qalb dwar ħutna fit-​twemmin.

18 Huwa taʼ benefiċċju għalina li nitgħallmu dwar l-​istorja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, sewwasew bħalma kien taʼ benefiċċju għall-​poplu taʼ Iżrael li jsir jaf kif Alla ħelsu mill-​jasar Eġizzjan. (Eżo. 12:26, 27) Bħala raġel imdaħħal fiż-​żmien li setaʼ jixhed għall-​atti meraviljużi t’Alla, Mosè ħeġġeġ lill-​Iżraelin: “Ftakar f’jiem il-​qedem, ikkunsidraw is-​snin taʼ qabel minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni; staqsi lil missierek, u jgħidlek; lix-​xjuħ tiegħek, u jgħidulek.” (Dt. 32:7) Bħala ‘l-​poplu taʼ Ġeħova u l-​merħla tal-​mergħa tiegħu,’ ilkoll kemm aħna nfaħħruh bil-​ferħ u ngħidu lil oħrajn dwar l-​atti setgħanin tiegħu. (Salm 79:13) Iktar minn hekk, il-​lezzjonijiet li nitgħallmu mill-​istorja tagħna bħala l-​poplu taʼ Ġeħova se jgħinuna nibqgħu naqduh.

19. Ladarba ngawdu dawl spiritwali, x’għandna nagħmlu?

19 Aħna grati li m’aħniex qed inteftfu fid-​dlam imma ngawdu dawl spiritwali mingħand Alla. (Prov. 4:18, 19) Mela ejja nistudjaw b’diliġenza l-​Kelma t’Alla u b’żelu naqsmu l-​verità m’oħrajn. Aħna għandna l-​istess sentiment tas-​salmista li faħħar lill-​Mulej Sovran Ġeħova bil-​kliem: “Se nsemmi s-​sewwa tiegħek, tiegħek biss. O Alla, int għallimtni minn żgħożiti ’l quddiem, u s’issa għadni nitkellem dwar l-​għemejjel tiegħek taʼ l-​għaġeb. Sakemm nixjieħ u xagħri jsir griż, O Alla, titlaqnix, sakemm inkun nistaʼ ngħid dwar driegħek lill-​ġenerazzjoni, lil dawk kollha li għad iridu jiġu, dwar is-​setgħa tiegħek.”​—Salm 71:16-​18.

20. Liema kwistjonijiet relatati jeżistu, u kif tħossok dwarhom?

20 Bħala l-​poplu dedikat taʼ Ġeħova, aħna nirrikonoxxu l-​kwistjonijiet relatati tas-​sovranità divina u l-​integrità umana. Tabilħaqq, aħna nipproklamaw il-​verità li ħadd ma jistaʼ jiċħadha li Ġeħova hu s-​Sovran Universali u li jistħoqqlu d-​devozzjoni tagħna b’qalb sħiħa. (Riv. 4:11) Bl-​ispirtu tiegħu fuqna, niddikjaraw l-​aħbar tajba lill-​ġwejdin, ninfaxxaw lil dawk b’qalbhom maqsuma, u nfarrġu lill-​imnikktin. (Is. 61:1, 2) Minkejja l-​attakki fiergħa taʼ Satana biex jiddomina lill-​poplu t’Alla u lill-​umanità kollha, aħna napprezzaw bil-​kbir il-​wirt spiritwali li għandna u determinati li nżommu l-​integrità tagħna lejn Alla u nfaħħru l-​Mulej Sovran Ġeħova issa u għal dejjem.​—Aqra Salm 26:11; 86:12.