Il-Gwardja Pretorjana Tingħata Xhieda
Hija s-sena 59 E.K. Għadd taʼ priġunieri li qegħdin fil-kustodja taʼ suldati għajjenin minn vjaġġ twil jidħlu Ruma mill-Porta Capena. Fuq l-Għolja Palatine hemm il-palazz tal-Imperatur Neruni mgħasses mis-suldati Pretorjani armati bi xwabel. * Iċ-Ċenturjun Ġulju jmexxi lill-priġunieri tiegħu minn quddiem il-Forum Ruman u ’l fuq lejn l-Għolja Viminal. Jgħaddu minn quddiem ġnien b’ħafna artali t’allat Rumani u wkoll minn quddiem grawnd fejn isiru l-parati u t-taħriġ militari.
Fost il-priġunieri hemm l-appostlu Pawlu. Xhur qabel meta kien fuq ġifen f’maltempata, anġlu qal lil Pawlu: “Int trid tidher quddiem Ċesari.” (Atti 27:24) Kien Pawlu se jgħaddi issa minn din l-esperjenza? Hekk kif idur biex iħares lejn il-belt kapitali tal-Imperu Ruman, x’aktarx li ġieh f’moħħu l-kliem li qallu Ġesù fit-Torri t’Antonja f’Ġerusalemm. Ġesù kien qallu: “Agħmel kuraġġ! Għax bħalma tajt xiehda bir-reqqa dwari f’Ġerusalemm, hekk ukoll trid tagħti xiehda f’Ruma.”—Atti 23:10, 11.
Forsi Pawlu jieqaf biex iħares lejn il-Castra Praetoria—fortizza kbira b’ħitan u torrijiet mibnijin bi briks aħmar. Fil-fortizza kienu joqogħdu membri tal-Gwardja Pretorjana li kienu jaqdu bħala gwardji persunali tal-imperatur kif ukoll bħala l-pulizija tal-belt. Bi 12-il koorti * Pretorjana u b’diversi koortijiet urbani stazzjonati hemmhekk, il-fortizza setgħet tesaʼ eluf taʼ suldati, inkluż kavallerija. Il-Castra Praetoria tfakkar lin-nies kemm kien setgħan l-imperatur. Peress li l-Gwardja Pretorjana kienet responsabbli għal priġunieri mill-provinċji oħrajn tal-Imperu Ruman, kien Ġulju li mexxa l-priġunieri tiegħu lejn il-kamp Pretorjan. Wara vjaġġ perikoluż li dam diversi xhur, fl-aħħar il-priġunieri kienu waslu fid-destinazzjoni tagħhom.—Atti 27:1-3, 43, 44.
L-APPOSTLU JIPPRIETKA “BLA TFIXKIL”
Ġraw affarijiet tal-għaġeb fit-triq lejn Ruma. Matul maltempata fuq il-baħar, Pawlu bassar li l-ġifen kien se jitfarrak imma li ħadd mill-passiġġieri ma kien se jmut. Serp velenuż gidem lil Pawlu, però hu ma ġarrab ebda ħsara. Iktar tard hu fejjaq lil nies morda fuq il-gżira taʼ Malta, fejn in-nies lokali bdew jgħidu li kien alla. Rapporti dwar dak li ġara għandhom mnejn inxterdu fost il-Gwardja Pretorjana superstizzjuża.
Pawlu kien diġà ra lill-aħwa minn Ruma li ‘ġew jiltaqgħu miegħu sa ħdejn is-Suq t’Appju u t-Tliet Taverni.’ (Atti 28:15) Imma bħala priġunier kif setaʼ jaqtaʼ xewqtu u jiddikjara l-aħbar tajba f’Ruma? (Rum. 1:14, 15) Xi wħud jaħsbu li l-priġunieri kienu jingħataw lill-kaptan tal-gwardji. Jekk dan kien il-każ, Pawlu x’aktarx li ttieħed għand il-Prefett Pretorjan Afranius Burrus, li għandu mnejn kien l-iktar raġel setgħan wara l-imperatur. * Kien x’kien il-każ, minflok ma ġie mgħasses minn ċenturjuni, Pawlu issa kien mgħasses minn suldat Pretorjan wieħed ordinarju. Pawlu tħalla jsib post fejn joqgħod kif ukoll tħalla jirċievi nies għandu u jippritkalhom “bla tfixkil.”—Atti 28:16, 30, 31.
PAWLU JAGĦTI XHIEDA BIR-REQQA LIŻ-ŻGĦAR U LILL-KBAR
Matul id-dmirijiet ġudizzjarji tiegħu, Burrus għandu mnejn interroga lill-appostlu Pawlu, jew fil-palazz jew fil-kamp Pretorjan, qabel ma ppreżenta l-każ lil Neruni. Pawlu ma ħalliex din l-opportunità unika biex ‘jixhed kemm liż-żgħar u kemm lill-kbar’ taħrablu. (Atti 26:19-23) Kienet x’kienet il-valutazzjoni taʼ Burrus, Pawlu ma ġiex mitfugħ il-ħabs fil-kamp Pretorjan. *
Id-dar li Pawlu kera kienet kbira biżżejjed biex jilqaʼ u jagħti xhieda “lill-kbarat tal-Lhud” kif ukoll lill-għadd akbar li marru għandu fejn kien joqgħod. Is-suldati Pretorjani wkoll ingħataw xhieda. Dawn semgħu lil Pawlu ‘jagħti xiehda bir-reqqa’ lil-Lhud rigward is-Saltna u Ġesù “minn fil-għodu sa fil-għaxija.”—Atti 28:17, 23.
Kuljum kien hemm grupp differenti taʼ suldati Pretorjani għassa mal-palazz. Il-gwardji taʼ Pawlu wkoll kienu jinbidlu regolarment. Matul is-sentejn priġunerija tal-appostlu, is-suldati semgħuh jiddetta l-ittri lill-Kristjani Efesin, Filippin, Kolossin, u Ebrej u raw lilu stess jikteb ittra lil Kristjan jismu Filemon. Waqt li kien priġunier, Pawlu għen lil Oneżimu, ilsir li kien ħarab. Dan kien sar bħal iben għal Pawlu, imma iktar tard hu rritorna għand sidu. (Flm. 10) X’aktarx li Pawlu ħa interess persunali wkoll fil-gwardji tiegħu. (1 Kor. 9:22) Pereżempju, Pawlu għandu mnejn kellu konversazzjoni maʼ gwardja dwar għal xiex kienet tintuża kull biċċa mill-armatura u mbagħad uża dak li tgħallem f’waħda mit-tixbihat tiegħu.—Efes. 6:13-17.
‘TKELLEM IL-KELMA T’ALLA BLA BIŻAʼ’
Il-priġunerija taʼ Pawlu kkontribwiet għall-“avanz taʼ l-aħbar tajba” fost il-Gwardja Pretorjana kollha u oħrajn. (Flp. 1:12, 13) Dawk li kienu joqogħdu fil-Castra Praetoria kellhom konnessjonijiet mal-Imperu Ruman kollu, kif ukoll mal-imperatur u dawk kollha taʼ daru. Dawn kienu jinkludu membri tal-familja, qaddejja, u lsiera, li xi wħud minnhom saru Kristjani. (Flp. 4:22) Permezz tax-xhieda bil-qlubija taʼ Pawlu, l-aħwa f’Ruma rabbew il-“kuraġġ biex jitkellmu l-kelma t’Alla bla biżaʼ.”—Flp. 1:14.
Ix-xhieda taʼ Pawlu f’Ruma hi wkoll sors taʼ inkuraġġiment għalina hekk kif ‘nippritkaw il-kelma fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet.’ (2 Tim. 4:2) Xi wħud minna ma nistgħux noħorġu mid-dar, qegħdin fi djar tal-anzjani jew fi sptarijiet, jew saħansitra f’ħabsijiet minħabba t-twemmin tagħna. Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, nistgħu nippritkaw lil dawk li niltaqgħu magħhom. Forsi nistgħu nkellmu lil dawk li jiġu jieħdu ħsiebna jew li jiġu biex jagħmlulna xi xogħol. Meta nużaw kull opportunità biex nippritkaw bil-kuraġġ, nuru li xejn ma jistaʼ jwaqqaf l-aħbar tajba milli tinxtered.—2 Tim. 2:8, 9.
^ Par. 2 Ara l-kaxxa intitolata “Il-Gwardja Pretorjana fi Żmien Neruni.”
^ Par. 4 Koorti Ruman kien grupp taʼ mhux iktar minn 1,000 suldat.
^ Par. 7 Ara l-kaxxa intitolata “Sextus Afranius Burrus.”