Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Oqgħod Attent mill-Intenzjonijiet tal-Qalb

Oqgħod Attent mill-Intenzjonijiet tal-Qalb

Il-​Bibbja tgħid: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġer. 17:9) Meta qalbna tkun vera tixtieq xi ħaġa, faċilment nistgħu nsibu l-​iskużi biex nagħmlu dak li trid hi.

L-​Iskrittura twissina: “Mill-​qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, adulterju, żína, serq, xiehda falza, u dagħa.” (Mt. 15:19) Il-​qalb figurattiva tagħna tistaʼ tittradina u twassalna biex niġġustifikaw xi ħaġa li hi kontra r-​rieda t’Alla. U għandu mnejn nirrealizzaw tard wisq li nkunu aġixxejna mingħajr għaqal. X’jistaʼ jgħinna nidentifikaw l-​intenzjonijiet taʼ qalbna qabel ma nagħmlu xi ħaġa ħażina?

IDENTIFIKA X’INHUMA L-​INTENZJONIJIET TIEGĦEK—KIF?

Il-​qari tal-​Bibbja kuljum kif jeffettwa l-​qalb figurattiva tagħna?

Aqra l-​Bibbja kuljum u mmedita fuq dak li tgħid.

L-​appostlu Pawlu kiteb: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-​ruħ u l-​ispirtu.” Il-​messaġġ t’Alla li nsibu fil-​Bibbja ‘jistaʼ jagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.’ (Ebr. 4:12) Jekk naraw lilna nfusna fid-​dawl taʼ dak li tgħid l-​Iskrittura jistaʼ jkun verament t’għajnuna kbira biex nidentifikaw l-​intenzjonijiet tal-​qalb. Kemm hu vitali li naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nimmeditaw fuq dak li tgħid għax dan se jgħin biex il-​ħsib tagħna jkun bħal taʼ Ġeħova!

Il-​fatt li naċċettaw il-​pariri Skritturali u napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja se jħalli effett fuq il-​kuxjenza tagħna—il-​fakultà ġewwinija li “tixhed.” (Rum. 9:1) Il-​kuxjenza tagħna hi bħal vuċi ġo fina li tistaʼ żżommna milli niġġustifikaw xi ħaġa ħażina.  Iktar minn hekk, il-​Bibbja fiha eżempji li jistgħu jkunu taʼ “twissija għalina.” (1 Kor. 10:11) Li nitgħallmu minnhom jistaʼ jżommna milli nieħdu pass fid-​direzzjoni l-​ħażina. X’għandu jagħmel kull wieħed minna?

It-​talb tagħna jgħinna nkunu nafu x’hemm verament f’qalbna

Itlob lil Alla biex jgħinek tidentifika l-​intenzjonijiet taʼ qalbek.

Ġeħova hu l-​eżaminatur tal-​qalb. (1 Kron. 29:17) Hu “akbar minn qlubna u jaf kollox.” (1 Ġw. 3:20) Alla ma jistax jiġi mqarraq. Jekk fit-​talb nesprimu bil-​miftuħ dak li jinkwetana, is-​sentimenti, u x-​xewqat tagħna, Ġeħova jistaʼ jgħinna nagħrfu x’inhuma l-​intenzjonijiet taʼ qalbna. Nistgħu saħansitra nitolbu lil Alla biex ‘joħloq fina qalb pura.’ (Salm 51:10) Għalhekk, it-​talb huwa mezz importanti ħafna biex niksbu l-​għajnuna mingħand Ġeħova.

Il-​laqgħat Kristjani jgħinuna nagħrfu l-​intenzjonijiet taʼ qalbna

Oqgħod attent waqt il-​laqgħat Kristjani.

Jekk noqogħdu attenti għal dak li jkun qed jingħad fil-​laqgħat Kristjani nistgħu niġu megħjunin inħarsu b’onestà lejn il-​persuna ġewwinija tagħna—qalbna. Għalkemm forsi ma nirċivux informazzjoni ġdida f’kull laqgħa, billi nkunu preżenti niksbu fehma aħjar tal-​prinċipji tal-​Bibbja kif ukoll tfakkiriet prezzjużi li jgħinuna nanalizzaw l-​intenzjonijiet tal-​qalb. Il-​kummenti taʼ ħutna huma wkoll prezzjużi biex nirfinaw il-​persuna ġewwinija tagħna. (Prov. 27:17) Jistaʼ jkun taʼ ħsara għalina jekk ninqatgħu għalina nfusna minflok ma ngawdu regolarment is-​sħubija Kristjana fil-​laqgħat. Dan jistaʼ jwassal biex ‘infittxu x-​xewqa egoistika tagħna stess.’ (Prov. 18:1) Għalhekk, inkunu għaqlin jekk nistaqsu lilna nfusna: ‘Hija d-​drawwa tiegħi li nattendi l-​laqgħat kollha u nibbenefika minnhom?’​—Ebr. 10:24, 25.

QALBEK KIF TISTAʼ TQARRAQ BIK?

Qalbna tistaʼ tqarraq bina b’ħafna modi differenti. Ejja niddiskutu erbgħa: ix-​xewqa għall-​affarijiet materjali, l-​użu tal-​alkoħol, l-​għażla tal-​ħbieb tagħna, u dak li nagħmlu biex niddevertu.

Ix-​xewqa għall-​affarijiet materjali.

Ix-​xewqa li nissodisfaw il-​bżonnijiet fiżiċi tagħna hi naturali. Imma Ġesù wissiena biex ma npoġġux l-​affarijiet materjali fl-​ewwel post f’ħajjitna. F’waħda mit-​tixbihat tiegħu, Ġesù stidinna biex nikkunsidraw il-​każ taʼ raġel għani li l-​imħażen tiegħu kienu mimlijin. Minħabba f’hekk, ma kellux post fejn iqiegħed ħsad ieħor tajjeb. Ir-​raġel kellu l-​ħsieb li jwaqqaʼ l-​imħażen u jibni oħrajn ikbar. Hu rraġuna: “Hemmhekk niġbor il-​qamħ u l-​ġid kollu tiegħi; u ngħid lil ruħi: ‘Ruħ, għandek ħafna ġid maħżun għal ħafna snin; strieħ, kul, ixrob, u gawdi.’” Però, dan ir-​raġel għani ma kkunsidrax fatt inevitabbli: Setaʼ miet dak il-​lejl stess.​—Lq. 12:16-​20.

Hekk kif nibdew nikbru nistgħu tant insiru konċernati dwar li jkollna sigurtà materjali għal meta nixjieħu li nistgħu nibdew niġġustifikaw ruħna għala naħdmu owvertajm fil-​ħinijiet tal-​laqgħat. Jew inkella b’xi mod nibdew nittraskuraw ir-​responsabbiltajiet Kristjani. M’għandniex aħna ngħassu kontra inklinazzjoni bħal din? Jew jistaʼ jkun li qegħdin fis-​snin taż-​żgħożija tagħna u nirrikonoxxu li m’hemmx karriera aħjar  mis-​servizz full-​time. Imma forsi naħsbu li l-​ewwel għandna naħdmu biex ikollna xi ħaġa tal-​flus taħt rasna u mbagħad nibdew ix-​xogħol taʼ pijunier. Jekk taħsibha hekk, ftakar li issa hu ż-​żmien biex tagħmel l-​aħjar tiegħek fis-​servizz t’Alla. Wara kollox, ħadd ma jaf jekk għada jkunx għadu ħaj.

L-​użu tal-​alkoħol.

Proverbji 23:20 jgħid: “Tkunx fost dawk li jixorbu ħafna nbid.” Jekk individwu għandu xewqa kbira għal xorb alkoħoliku, jistaʼ jkun li jibda jiġġustifika għala jixrob regolarment. Għandu mnejn jgħid li jixrob biex jirrilassa, mhux biex jisker. Jekk għandna bżonn l-​alkoħol biex nirrilassaw, allura jistaʼ jkun il-​waqt li neżaminaw b’onestà l-​inklinazzjoni taʼ qalbna.

L-​għażla tal-​ħbieb tagħna.

Naturalment, xi kuntatt maʼ wħud li mhumiex tal-​istess twemmin—bħal fl-​iskola, fuq ix-​xogħol, u fil-​ministeru—hu inevitabbli. Però, ikun ħażin li nqattgħu iktar ħin milli hu neċessarju magħhom, jew li jkollna ħbiberiji mill-​qrib magħhom. Se niġġustifikaw ħbiberiji bħal dawn billi ngħidu li huma għandhom ħafna kwalitajiet tajbin? “Titqarrqux,” twissi l-​Bibbja. “Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.” (1 Kor. 15:33) Sewwasew bħalma ammont żgħir taʼ velenu jikkontamina ilma nadif, ħbiberija maʼ dawk li m’għandhomx devozzjoni lejn Ġeħova tistaʼ tikkontamina l-​ispiritwalità tagħna u twassalna biex nibdew naħsbu, nilbsu, nitkellmu, u naġixxu bħal tad-​dinja.

Dak li nagħmlu biex niddevertu.

Bit-​teknoloġija moderna tistaʼ faċilment issib kwalunkwe tip taʼ divertiment. Imma ħafna minnu hu dubjuż jew mhux xieraq għall-​Kristjan. Pawlu kiteb: ‘Lanqas biss għandu jissemma fostkom in-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta.’ (Efes. 5:3) Xi ngħidu jekk qalbna titħajjar tara jew tismaʼ xi ħaġa li mhix nadifa? Forsi nibdew inġibu l-​iskużi u ngħidu li lkoll neħtieġu li nieħdu ftit pjaċir, u dak li nagħmlu biex niddevertu hu għażla persunali. Imma għandna dejjem nobdu l-​parir taʼ Pawlu u la naraw u lanqas nisimgħu xi ħaġa li mhix nadifa.

NISTGĦU NAGĦMLU BIDLIET

Jekk sfajna vittma tax-​xewqat taʼ qalb qarrieqa u drajna niġġustifikaw aġir żbaljat, nistgħu ninbidlu. (Efes. 4:22-​24) Ikkunsidra żewġ eżempji taʼ żmienna.

Miguel * kellu jaġġusta l-​mod taʼ kif jaħsibha dwar l-​affarijiet materjali. Hu qal: “Jien, marti, u ibni ġejjin minn pajjiż fejn li tikseb l-​aħħar u l-​aqwa teknoloġija u kumdità hu meqjus importanti ħafna. Kien hemm żmien meta ntfajt b’ruħi u ġismi biex nikseb dak kollu li nistaʼ mid-​dinja u ħsibt li nistaʼ nagħmel hekk mingħajr ma nsir materjalista. Malajr indunajt li l-​ġiri wara l-​affarijiet materjali ma jispiċċa qatt. Tlabt lil Ġeħova dwar il-​mod kif naħsibha u l-​intenzjonijiet taʼ qalbi. Għedtlu li bħala familja, ridna naqduh bis-​sħiħ. Għalhekk ħadna deċiżjoni biex nissimplifikaw ħajjitna u mmorru ngħixu fejn kien hemm iktar bżonn. Malajr stajna nibdew naqdu bħala pijunieri. Sirna konxji li ma neħtiġux ħafna affarijiet materjali sabiex ikollna ħajja sodisfaċenti u hienja.”

L-​esperjenza taʼ Lee turi kif eżami onest tiegħu nnifsu għenu jabbanduna sħubija ħażina. Hu jgħid: “Minħabba x-​xogħol tiegħi, kont nassoċja regolarment maʼ fornituri barranin. Kont naf li kien se jkun hemm xorb eċċessiv f’dawk l-​okkażjonijiet, imma għalija kien eċċitanti li mmur. Ħafna drabi kont kważi nisker, imma wara kien jiddispjaċini. Kelli nagħmel eżami onest taʼ qalbi. Il-​pariri tal-​Kelma t’Alla u s-​suġġerimenti tal-​anzjani għenuni nirrealizza li dak li kont qed infittex verament kien sħubija maʼ nies li ma jħobbux lil Ġeħova. Issa kemm jistaʼ jkun ninnegozja bit-​telefown u nżomm l-​inqas kuntatt possibbli mal-​fornituri.”

Neħtieġu nkunu onesti magħna nfusna u nidentifikaw l-​intenzjonijiet taʼ qalbna. Hekk kif nagħmlu dan, għandna nfittxu l-​għajnuna taʼ Ġeħova fit-​talb u niftakru li “hu jaf is-​sigrieti tal-​qalb.” (Salm 44:21) Alla wkoll tana l-​Kelma tiegħu, li tistaʼ tkun bħal mera biex tgħinna naraw il-​persuna li aħna verament. (Ġak. 1:22-​25) It-​tfakkiriet u l-​pariri li nirċievu permezz tal-​pubblikazzjonijiet Kristjani u l-​laqgħat tagħna huma taʼ valur ukoll. B’dawn il-​provvedimenti, nistgħu ngħassu lil qalbna u nibqgħu nagħmlu dak li hu sewwa.

^ Par. 18 L-​ismijiet ġew mibdulin.