Mill-Arkivji Tagħna
“Memorabbli” u f’Waqtha
“MEMORABBLI!” Ħafna hekk iddeskrivewha l-“Creation Drama.” Din waslet preċiż f’waqtha u baqgħet stampata f’moħħ dawk li rawha. Tabilħaqq, il-“Creation Drama” tat xhieda kbira għat-tifħir taʼ Ġeħova ftit qabel ma r-reġim taʼ Hitler infexx f’persekuzzjoni feroċi fuq in-nies t’Alla fl-Ewropa. Imma x’kienet din il-“Creation Drama”?
Fl-1914, il-kwartieri ġenerali tan-nies taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York, l-Istati Uniti tal-Amerika, ħarġu l-“Photo-Drama of Creation.” Kienet produzzjoni taʼ tmien sigħat, bi slajds u filmati fotografiċi bil-kulur u s-sawnd. Il-“Photo-Drama” kienu rawha miljuni taʼ nies mad-dinja kollha. Fl-1914 ħarġet ukoll verżjoni iqsar—l-“Eureka Drama.” Imma sas-snin 20 tas-seklu l-ieħor, is-slajds, il-films, u t-tagħmir kienu therrew bl-użu. Madankollu, ħafna nies talbu biex jerġgħu jaraw il-“Photo-Drama.” Pereżempju, ir-residenti taʼ Ludwigsburg, il-Ġermanja, staqsew, “Meta se terġaʼ tintwera l-‘Photo-Dramaʼ?” X’setaʼ jsir?
Biex ikunu jistgħu jsiru iktar preżentazzjonijiet tad-Drama, fis-snin 20 rappreżentanti tal-familja Betel f’Magdeburg, il-Ġermanja, xtraw films mingħand aġenzija tal-aħbarijiet f’Pariġi, fi Franza. Xtraw ukoll slajds mingħand kumpaniji tal-grafika f’Leipzig u Dresden. Dawn għaqqduhom maʼ xi slajds antiki tal-“Photo-Drama” li kienu għadhom jistgħu jintużaw.
Ħuna Erich Frost, mużiċist bravu, ikkompona l-mużika biex tindaqq mal-films u s-slajds. Parti mill-qari kienet meħuda mill-ktieb tagħna Creation. Huwa għalhekk li l-verżjoni riveduta tal-“Photo-Drama” ngħatat isem ġdid—“Creation Drama.”
Id-Drama l-ġdida kienet twila daqs il-“Photo-Drama”—tmien sigħat—u ntweriet f’diversi partijiet fi ġranet konsekuttivi. Din ippreżentat dettalji eċċitanti dwar il-jiem tal-ħolqien, irrivediet l-istorja Biblika u sekulari, u wriet li r-reliġjon falza kienet iddiżappuntat lill-bniedem. Il-“Creation Drama” ntweriet fl-Awstrija, fil-Ġermanja, f’Lussemburgu, u fl-Iżvizzera, u lill-udjenzi li kienu jitkellmu bil-Ġermaniż f’postijiet oħrajn.
Erich Frost spjega li fil-preżentazzjonijiet tad-Drama kien jinkuraġġixxi lill-kollegi tiegħu, b’mod partikulari lil dawk fl-orkestra, biex waqt l-intervall imorru minn ringiela għal oħra joffru l-letteratura prezzjuża tagħna lil dawk fl-udjenza. Huma ħallew iktar letteratura b’dan il-mod milli kien possibbli li jħallu minn dar għal dar. Johannes Rauthe, li organizza l-preżentazzjonijiet fil-Polonja u f’dik li llum hi r-Repubblika Ċeka, jiftakar li ħafna min-nies li attendew ħallew l-indirizz tagħhom sabiex l-aħwa jkunu jistgħu jżuruhom. Permezz taʼ dawn l-indirizzi setaʼ jkollhom diskussjonijiet tajbin ħafna dwar il-Bibbja.
Anki fis-snin tletin, il-“Creation Drama” kienet tintwera fi Swali ppakkjati, u kulħadd kien qed jitkellem dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Sal-1933, kważi miljun ruħ kienu attendew għall-preżentazzjonijiet li kienu organizzati mill-uffiċċju tal-fergħa tal-Ġermanja. Käthe Krauss tiftakar: “Sabiex naraw id-Drama, kellna nivvjaġġaw kuljum għal ħamest ijiem għoxrin kilometru, u kellna ngħaddu minn imsaġar, u nitilgħu u ninżlu għoljiet u widien.” Else Billharz tgħid: “Il-‘Creation Drama’ qanqlet fija l-imħabba għall-verità.”
Alfred Almendinger jirrakkonta li meta ommu marret tara d-Drama “tant laqtitha li xtrat Bibbja u fittxet il-kelma ‘purgatorju.’” Peress li ma setgħetx issibha fil-Bibbja, ma baqgħetx tmur il-knisja u mbagħad tgħammdet. Erich Frost ftakar, “Għadd kbir taʼ nies ġew fil-verità permezz tal-‘Creation Drama.’”—3 Ġw. 1-3.
Appena l-esibizzjonijiet tal-“Creation Drama” laħqu l-aqwa tagħhom, l-Ewropa nħakmet mill-maltempata tan-Naziżmu. Mill-1933 ’il quddiem, l-attivitajiet tax-Xhieda fil-Ġermanja ġew projbiti. Minn dak iż-żmien sa tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1945, il-qaddejja taʼ Ġeħova fl-Ewropa ġarrbu persekuzzjoni ħarxa. Erich Frost qattaʼ madwar tmien snin il-ħabs. Imma baqaʼ ħaj u iktar tard qeda fil-Betel f’Wiesbaden, il-Ġermanja. Kemm kien tajjeb li l-“Creation Drama” tant memorabbli waslet preċiż f’waqtha sabiex iżżid il-kuraġġ taʼ tant Kristjani li kienu se jiffaċċjaw provi tal-fidi matul it-Tieni Gwerra Dinjija!—Mill-arkivji tagħna fil-Ġermanja.