Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħalli Xejn Ifixklek Milli Tikseb il-Glorja

Tħalli Xejn Ifixklek Milli Tikseb il-Glorja

“Min għandu spirtu umli jikseb il-​glorja.”—PROV. 29:23.

1, 2. (a) Il-​kliem bil-​lingwa oriġinali għall-​“glorja” għal xiex jirreferi? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

META tismaʼ l-​kelma “glorja,” x’jiġik f’moħħok? Il-​ġmiel liema bħalu tal-​ħolqien? (Salm 19:1) It-​tifħir u l-​glorja li jingħataw lill-​bnedmin li jkollhom ħafna ġid, għerf, jew suċċessi? Fl-​Iskrittura, il-​kliem bil-​lingwa oriġinali għall-​“glorja” jagħti sens taʼ piż. Fi żmien il-​qedem—meta l-​flus kienu magħmulin minn metalli bħalma huma l-​fidda jew id-​deheb—iktar ma kienet tkun tqila l-​munita, iktar kien ikun għoli l-​valur tagħha. Għalhekk, il-​kliem li ġie tradott “glorja” jistaʼ jirreferi għal xi ħaġa li għandha valur kbir jew li hi impressjonanti ferm.

2 Għalkemm aħna nistgħu nibqgħu impressjonati bil-​poter, il-​pożizzjoni, jew ir-​reputazzjoni taʼ individwu ieħor, Alla xi jfittex fil-​bnedmin? L-​Iskrittura fil-​fatt titkellem dwar glorja li Alla jsawwab fuq il-​bnedmin. Pereżempju, Proverbji 22:4 jgħid: “Ir-​riżultat taʼ l-​umiltà u l-​biżaʼ taʼ Ġeħova hu rikkezzi u glorja u ħajja.” U d-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Umiljaw ruħkom f’għajnejn Ġeħova, u hu jeżaltakom.” (Ġak. 4:10) X’inhi l-​glorja li Ġeħova jagħti lill-​bnedmin? X’jistaʼ jfixkilna milli niksbuha? U kif nistgħu ngħinu lil oħrajn jiksbu din il-​glorja?

3-5. Ġeħova kif jagħtina l-​glorja?

3 Is-​salmista esprima l-​fiduċja li Ġeħova kien se jaqbadlu idu l-​leminija u jmexxih lejn il-​glorja vera. (Aqra Salm 73:23, 24.) Ġeħova kif jagħmlu dan? Ġeħova jmexxi lill-​qaddejja umli tiegħu lejn il-​glorja billi jonorahom b’ħafna modi. Hu jberikhom billi jgħinhom jifhmu r-​rieda tiegħu. (1 Kor. 2:7) Lil dawk li jisimgħu l-​kelma tiegħu u jobduh, jagħtihom l-​unur li jkollhom relazzjoni personali mill-​qrib miegħu.—Ġak. 4:8.

 4 Ukoll Ġeħova jafda lill-​qaddejja tiegħu bit-​teżor glorjuż tal-​ministeru Kristjan. (2 Kor. 4:1, 7) U dan il-​ministeru jwassal għall-​glorja. Lil dawk li jużaw dan il-​privileġġ taʼ servizz biex ifaħħruh u għall-​benefiċċju t’oħrajn, Ġeħova jwegħedhom: “Lil dawk li jonorawni nonorahom.” (1 Sam. 2:30) Uħud bħal dawn huma onorati b’isem tajjeb maʼ Ġeħova, jiġifieri jkollhom l-​approvazzjoni tiegħu. U x’aktarx li qaddejja oħrajn t’Alla se jitkellmu tajjeb dwarhom.​—Prov. 11:16; 22:1.

3-5. Ġeħova kif jagħtina l-​glorja?

5 Xi ngħidu dwar il-​futur taʼ min ‘jittama f’Ġeħova u jżomm triqtu’? Dan ġie mwiegħed: “Hu [Ġeħova] jeżaltak biex tieħu l-​art. Meta l-​ħżiena jitqaċċtu, int se tarah dan.” (Salm 37:34) Il-​qaddejja t’Alla għandhom it-​tama tal-​għaġeb li jgħixu għal dejjem.​—Salm 37:29.

“JIEN MA NAĊĊETTAX GLORJA MINGĦAND IL-​BNEDMIN”

6, 7. Ħafna nies għala ma kinux lesti li jpoġġu l-​fidi f’Ġesù?

6 X’jistaʼ jfixkilna milli nirċievu l-​glorja li Ġeħova hu lest li jagħtina? Ħaġa waħda hi li nagħtu wisq importanza lill-​opinjonijiet taʼ dawk li m’għandhomx relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Ikkunsidra dak li kiteb l-​appostlu Ġwanni dwar ċerti wħud li kellhom l-​awtorità fi żmien Ġesù: “Ħafna mill-​ħakkiema wkoll poġġew il-​fidi [f’Ġesù], imma minħabba l-​Fariżej ma kinux jistqarruh, sabiex ma jitkeċċewx mis-​sinagoga; għax kienu jħobbu l-​glorja tal-​bnedmin saħansitra iktar mill-​glorja t’Alla.” (Ġw. 12:42, 43) Kemm kien ikun aħjar li kieku dawk il-​ħakkiema ma tawx daqshekk importanza għal dak li kienu jaħsbu l-​Fariżej.

7 Iktar kmieni fil-​ministeru tiegħu, Ġesù kien identifika b’mod ċar għala ħafna ma kinux se jilqgħuh u jpoġġu l-​fidi fih. (Aqra Ġwanni 5:39-​44.) Il-​ġens taʼ Iżrael kien ilu jistenna l-​wasla tal-​Messija sekli sħaħ. Meta Ġesù beda jgħallem, xi individwi għandhom mnejn indunaw mill-​profezija taʼ Danjel li kien wasal iż-​żmien maħtur biex jidher Kristu. Xhur qabel, meta Ġwanni l-​Għammied beda jipprietka, ħafna kienu qed jgħidu: “Forsi dan hu l-​Kristu?” (Lq. 3:15) Issa l-​Messija tant mistenni kien qed jgħallem f’nofshom. Imma dawk li kienu jafu l-​Liġi m’aċċettawhx. Ġesù wriehom x’kienet ir-​raġuni billi staqsiehom: “Kif tistgħu temmnu, meta qed taċċettaw glorja mingħand xulxin u m’intomx tfittxu l-​glorja mingħand l-​uniku Alla?”

8, 9. Uri kif il-​glorja mill-​bnedmin tistaʼ ssir iktar importanti mill-​glorja mingħand Ġeħova billi tuża l-​eżempju tad-​dawl.

8 Aħna nistgħu nifhmu aħjar kif il-​glorja mill-​bnedmin tistaʼ ssir iktar importanti għalina mill-​unur li jagħti Ġeħova billi nqabblu l-​glorja mad-​dawl. L-​univers hu mimli dawl. Tiftakar meta kien l-​aħħar li ħarist lejn is-​sema f’lejl bla sħab u stajt tara eluf taʼ kwiekeb? “Il-​glorja tal-​kwiekeb” hi tal-​għaġeb. (1 Kor. 15:40, 41) Iżda, meta tħares minn triq taʼ belt imdawla sew, l-​istess sema kif jidher? Id-​dwal tal-​belt jagħmluhielna kważi impossibbli li naraw id-​dawl li jiddi mill-​kwiekeb fil-​bogħod. Huwa dan għaliex id-​dwal tat-​toroq, l-​istejdjums, u l-​bini huma iktar b’saħħithom jew isbaħ minn dak tal-​kwiekeb? Le! Dan jiġri għaliex id-​dwal tal-​belt huma eqreb tagħna u jtellfuna minn dak li nistgħu nosservaw mill-​ħolqien taʼ Ġeħova. Għalhekk, biex naraw il-​ġmiel tal-​kwiekeb irridu mmorru xi mkien ’il bogħod mid-​dwal artifiċjali.

9 Bl-​istess mod, jekk ngħożżu żżejjed il-​glorja mill-​bnedmin, nistgħu ma nibqgħux napprezzaw u nfittxu l-​glorja dejjiema  li Ġeħova lest li jagħtina. Ħafna ma jaċċettawx il-​messaġġ tas-​Saltna għax jibżgħu minn dak li jistgħu jaħsbu fuqhom il-​ħbieb u l-​membri tal-​familja. Imma tistaʼ x-​xewqa għall-​glorja mingħand il-​bnedmin teffettwa saħansitra lill-​qaddejja dedikati t’Alla? Ejja nagħmlu mod li żagħżugħ jingħata territorju biex jipprietka fi nħawi fejn jafuh ħafna nies imma għadhom ma jafux li hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Se jibżaʼ u ma jippritkax? Jew xi ngħidu kieku xi ħadd jiġi mwaqqaʼ għaċ-​ċajt minħabba li qed jirsisti biex jagħmel iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova? Se jismaʼ minn dawk li ma japprezzawx is-​servizz taʼ Ġeħova kemm suppost? Jew forsi Kristjan ikkommetta dnub serju. Se jaħbi hu d-​dnub tiegħu għax jibżaʼ li jitlef ir-​responsabbiltajiet tiegħu fil-​kongregazzjoni jew għax ma jridx li jiddiżappunta lill-​maħbubin tiegħu? F’każ li jkun ikkommetta dnub serju, jekk il-​ħsieb ewlieni tiegħu jkun li jirranġa r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova, hu se “jsejjaħ għandu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni” u jfittex l-​għajnuna tagħhom.—Aqra Ġakbu 5:14-​16.

10. (a) X’jistaʼ jiġri jekk ninkwetaw iżżejjed dwar dak li jaħseb ħaddieħor dwarna? (b) Dwar xiex inkunu ċerti jekk naġixxu bl-​umiltà?

10 Għandu mnejn li nkunu qed nagħmlu progress biex insiru Kristjani maturi imma xi ħu fil-​kongregazzjoni jagħtina parir. Nistgħu naċċettaw il-​parir u nibbenefikaw minnu. Jew nistgħu ninjoraw il-​parir minħabba l-​kburija, jew ninkwetaw iżżejjed dwar ir-​reputazzjoni tagħna, jew nipprovaw niġġustifikaw ruħna. Ejja nagħmlu mod li qed taħdem fuq proġett maʼ xi ħu ieħor. Se tinkwieta int dwar min se jieħu l-​krettu għall-​ideat tajbin u x-​xogħol iebes tiegħek? Jekk issib ruħek f’xi waħda minn dawn is-​sitwazzjonijiet, kun ċert li “min għandu spirtu umli jikseb il-​glorja.”—Prov. 29:23.

11. Kif għandna nħossuna meta xi ħadd ifaħħarna, u għala?

11 L-​indokraturi u dawk li qed ‘jirsistu’ għal kariga bħal din bl-​istess mod għandhom joqogħdu attenti li ma jfittxux it-​tifħir mill-​bnedmin. (1 Tim. 3:1; 1 Tess. 2:6) Ħu kif għandu jirreaġixxi meta jirċievi tifħir sinċier għal xi biċċa xogħol li jkun għamilha tajjeb? X’aktarx li mhux se jibni monument bħala tifkira għalih innifsu, bħalma għamel is-​Sultan Sawl. (1 Sam. 15:12) Madankollu, jirrikonoxxi hu minnufih li dak li rnexxielu jwettaq kien possibbli biss bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova u li kwalunkwe suċċess fil-​futur għadu jiddependi mill-​barka u l-​għajnuna t’Alla? (1 Pt. 4:11) Il-​mod kif inħossuna meta xi ħadd ifaħħarna se jirrivela liema glorja qed infittxu.—Prov. 27:21.

‘INTOM TIXTIEQU TAGĦMLU X-​XEWQAT TAʼ MISSIERKOM’

12. X’żamm lil ċerti Lhud milli jisimgħu lil Ġesù?

12 Ix-​xewqat tagħna jistgħu jkunu xi ħaġa oħra li jfixkluna milli niksbu l-​glorja mingħand Alla. Xewqat ħżiena jistgħu ma jħalluniex nisimgħu l-​verità. (Aqra Ġwanni 8:43-​47.) Ġesù lil ċerti Lhud qalilhom li huma ma semgħux il-​messaġġ tiegħu għax ‘xtaqu jagħmlu x-​xewqat taʼ missierhom, ix-​Xitan.’

13, 14. (a) Xi riċerkaturi x’jgħidu dwar kif moħħna jipproċessa l-​leħen uman? (b) X’jiddetermina minn min nisimgħu?

13 Dak li nixtiequ jinfluwenza l-​mod kif nisimgħu. (2 Pt. 3:5) Ġeħova ħalaqna bl-​abbiltà tal-​għaġeb li ninjoraw xi ħsejjes. Ieqaf ftit u kkonċentra fuq kemm ħsejjes differenti tistaʼ tismaʼ preċiż issa. X’aktarx lanqas biss kont konxju taʼ ħafna minnhom mument ilu. Għala le? Għax għalkemm moħħok għandu l-​abbiltà li jismaʼ dawk il-​ħsejjes differenti kollha, kien qed jgħinek tikkonċentra  fuq wieħed biss. Imma huwa iktar diffiċli għall-​moħħ li jagħmel dan meta nisimgħu lill-​oħrajn jitkellmu. Xi riċerkaturi skoprew li nistgħu noqogħdu attenti biss għal persuna waħda. Dan ifisser li meta tnejn min-​nies ikunu qed ikellmuk f’daqqa, trid tagħżel lil min minnhom se tagħti kas, lil min trid tismaʼ. Il-​Lhud li xtaqu jagħmlu x-​xewqat taʼ missierhom, ix-​Xitan, ma semgħux lil Ġesù.

14 Il-​Bibbja tgħid li sa ċertu punt, kemm “l-​għerf” u kemm l-​‘istupidità’ qegħdin dejjem jipprovaw iġegħluna nisimgħu minnhom. (Prov. 9:1-​5, 13-​17) Aħna għandna għażla. Lil min minnhom se nisimgħu? Dan jiddependi mir-​rieda taʼ min irridu nagħmlu. In-​nagħaġ taʼ Ġesù jisimgħu leħnu u jsegwuh. (Ġw. 10:16, 27) Huma qegħdin “fuq in-​naħa tal-​verità.” (Ġw. 18:37) “Leħen il-​barranin ma jagħrfuhx.” (Ġw. 10:5) Uħud umli bħal dawn jiksbu l-​glorja.—Prov. 3:13, 16; 8:1, 18.

“DAWN IFISSRU GLORJA GĦALIKOM”

15. It-​tribulazzjonijiet taʼ Pawlu kif setgħu “jfissru glorja” għal oħrajn?

15 Jekk nipperseveraw f’li nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova, se ngħinu lil oħrajn jiksbu l-​glorja. Lill-​kongregazzjoni t’Efesu, Pawlu kitbilhom: “Nitlobkom biex ma taqtgħux qalbkom minħabba dawn it-​tribulazzjonijiet tiegħi għan-​nom tagħkom, għax dawn ifissru glorja għalikom.” (Efes. 3:13) It-​tribulazzjonijiet taʼ Pawlu f’liema sens kienu “jfissru glorja” għall-​Efesin? Minkejja l-​problemi, Pawlu baqaʼ jaqdi lil ħutu, u b’hekk uriehom li l-​iktar ħaġa prezzjuża għal Kristjan għandha tkun li jaqdi lil Alla. Li kieku Pawlu ċeda meta kien għaddej mit-​tribulazzjoni, ħutu għandu mnejn kienu jaħsbu li r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova, il-​ministeru tagħhom, u t-​tama tagħhom ma kinux importanti. Bl-​eżempju tiegħu taʼ sabar, Pawlu wera lill-​aħwa li jiswa kull sagrifiċċju li tkun dixxiplu taʼ Kristu.

16. Pawlu liema tribulazzjoni għadda minnha f’Listra?

16 Aħseb ftit dwar l-​effett li kellhom iż-​żelu u s-​sabar taʼ Pawlu. Atti 14:19, 20 jgħid: “Waslu xi Lhud minn Antjokja u Ikonju u pperswadew lill-​folol, u dawn ħaġġru lil Pawlu u kaxkruh barra l-​belt [taʼ Listra], għax ħasbu li kien mejjet. Madankollu, meta daru miegħu d-​dixxipli, qam u daħal il-​belt. U l-​għada telaq maʼ Barnaba lejn Derbe.” Immaġina, filli tħalla għal mejjet u filli l-​għada vvjaġġa 100 kilometru, u dan bil-​mixi!

17, 18. (a) Timotju f’liema sens setaʼ segwa mill-​qrib it-​tbatija li għadda minnha Pawlu f’Listra? (b) Is-​sabar li wera Pawlu, x’effett kellu fuq Timotju?

17 Kien Timotju wieħed mid-​“dixxipli”  li mar jagħti l-​għajnuna lil Pawlu? Ir-​rakkont fil-​ktieb tal-​Atti ma jgħidx dan b’mod speċifiku, imma huwa possibbli. Ikkunsidra dak li kiteb Pawlu fit-​tieni ittra tiegħu lil Timotju: “Int segwejt mill-​qrib it-​tagħlim tiegħi, il-​kondotta tiegħi, . . . ix-​xorta t’affarijiet li ġrawli f’Antjokja [tkeċċa mill-​belt], f’Ikonju [ipprovaw iħaġġruh], u f’Listra [ħaġġruh], ix-​xorta taʼ persekuzzjonijiet li għaddejt minnhom; iżda l-​Mulej ħelisni minnhom kollha.”—2 Tim. 3:10, 11; Atti 13:50; 14:5, 19.

18 Timotju ‘segwa mill-​qrib’ dawk il-​ġrajjiet u kien konxju għalkollox tas-​sabar taʼ Pawlu. Dan ħalla impatt qawwi fuq moħħ Timotju. Meta Pawlu żar Listra sab li Timotju kien Kristjan eżemplari, minħabba li “l-​aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwaru.” (Atti 16:1, 2) Għadda ż-​żmien, u Timotju kkwalifika għal responsabbiltajiet importanti.​—Flp. 2:19, 20; 1 Tim. 1:3.

19. X’effett jistaʼ jkollu s-​sabar tagħna fuq oħrajn?

19 Jekk nipperseveraw f’li nagħmlu r-​rieda t’Alla nistgħu nħallu l-​istess effett fuq oħrajn—speċjalment fuq iż-​żgħar, li ħafna minnhom meta jikbru jsiru qaddejja prezzjużi t’Alla. Iż-​żgħażagħ mhux talli josservawna u jitgħallmu minna kif jitkellmu u jsiru tas-​sengħa fil-​ministeru, imma talli jaraw ukoll kif aħna nirreaġixxu meta niltaqgħu mad-​diffikultajiet tal-​ħajja. Pawlu ‘baqaʼ jissaporti kollox’ sabiex dawk kollha li jibqgħu leali ‘jiksbu s-​salvazzjoni flimkien mal-​glorja taʼ dejjem.’—2 Tim. 2:10.

Iż-​żgħażagħ japprezzaw il-​perseveranza li juru l-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien

20. Għala għandna nkomplu nfittxu l-​glorja mingħand Alla?

20 Mela, m’għandniex aħna nkomplu ‘nfittxu l-​glorja mingħand l-​uniku Alla’? (Ġw. 5:44; 7:18) Dażgur! (Aqra Rumani 2:6, 7.) Ġeħova jagħti l-​‘ħajja taʼ dejjem lil min qed ifittex il-​glorja.’ Iktar minn hekk, is-​sabar tagħna “f’għemil li hu tajjeb” iħeġġeġ lil oħrajn jibqgħu sodi, għall-​ġid dejjiemi tagħhom. Għalhekk, tħalli xejn ifixklek milli tikseb il-​glorja li jagħti Alla.