Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħalli d-Dixxiplina ta’ Ġeħova Ssawrek

Ħalli d-Dixxiplina ta’ Ġeħova Ssawrek

“Bil-parir tiegħek tmexxini, u mbagħad tiħodni lejn il-glorja.”—SALM 73:24.

1, 2. (a) Liema affarijiet huma essenzjali biex ikollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova? (b) Kif se nibbenefikaw billi niddiskutu rakkonti Bibliċi taʼ kif xi nies wieġbu għad-dixxiplina t’Alla?

“MIN-naħa tiegħi, li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija. Fil-Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.” (Salm 73:28) X’ġiegħel lis-salmista jgħid dan il-kliem rigward il-fiduċja tiegħu f’Alla? Iktar qabel, meta s-salmista ra li n-nies mill-agħar donnhom kellhom il-paċi, għall-ewwel ħassu mimli mrar. Hu lmenta: ‘Għalxejn naddaft qalbi u naħsel idejja fl-innoċenza.’ (Salm 73:2, 3, 13, 21) Madankollu, meta daħal “fis-santwarju grandjuż t’Alla,” hu setaʼ jaġġusta l-ħsib tiegħu u jibqaʼ qrib Alla. (Salm 73:16-18) Din l-esperjenza għallmet lezzjoni importanti lil dan ir-raġel li kellu l-biżaʼ minn Alla: Jekk xi ħadd irid ikollu relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova, huwa essenzjali li jkun fost in-nies t’Alla, jaċċetta l-pariri, u japplikahom.—Salm 73:24.

2 Aħna wkoll nixtiequ relazzjoni mill-qrib mal-Alla l-veru u ħaj. Biex nilħqu din il-mira, huwa vitali li nħallu l-pariri jew id-dixxiplina tiegħu ssawwarna, jiġifieri nħallu lil Ġeħova jgħinna nsiru t-tip taʼ nies li jridna nkunu. Fil-passat, Alla bil-ħniena ta lil individwi u ġnus opportunitajiet biex iwieġbu għad-dixxiplina tiegħu! Ir-rakkonti taʼ kif irreaġixxew huma mniżżlin fil-Bibbja “għall-istruzzjoni tagħna” u “bħala twissija għalina li fuqna wasal it-tmiem tas-sistemi.” (Rum. 15:4; 1 Kor. 10:11) Dan l-artiklu se jiddiskuti xi wħud minn dawn ir-rakkonti. Se nitgħallmu kif jaħseb Ġeħova u kif nistgħu nibbenefikaw meta jsawwarna.

 KIF IL-FUĦĦARI JUŻA L-AWTORITÀ TIEGĦU

3. Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-awtorità taʼ Ġeħova fuq in-nies f’Isaija 64:8 u Ġeremija 18:1-6? (Ara l-istampa tal-bidu.)

3 Il-Bibbja tgħid li Ġeħova hu bħal fuħħari għax għandu awtorità fuq individwi u ġnus. Isaija 64:8 jgħid: “O Ġeħova, int Missierna. Aħna t-tafal, u int il-Fuħħari tagħna; u aħna lkoll xogħol idejk.” Fuħħari jistaʼ jagħmel li jrid mit-tafal tiegħu. It-tafal ma jistax jgħid lill-fuħħari x’għandu jagħmel. L-istess bejn il-bniedem u Alla. M’għandna l-ebda dritt ngħidu ’l Alla kif għandu jsawwarna, bħalma t-tafal ma jistax jgħid lill-fuħħari x’tip taʼ reċipjent għandu jagħmel.—Aqra Ġeremija 18:1-6.

4. Ġeħova jisforza lin-nies jew il-ġnus biex jaċċettaw it-tiswir tiegħu? Spjega.

4 Ġeħova sawwar lil Iżrael bħalma fuħħari jsawwar it-tafal. Imma Ġeħova kif inhu differenti minn fuħħari uman? Ġeħova ta lin-nies l-għotja speċjali tal-libertà tal-għażla, jiġifieri jħallihom jiddeċiedu għalihom infushom. Hu ma jagħmilx lil xi wħud tajbin u lil oħrajn ħżiena. Lanqas ma juża l-awtorità tiegħu biex jisforza lin-nies jobduh. Minflok, in-nies għandhom jagħżlu jekk iħallux lill-Ħallieq tagħhom, Ġeħova, isawwarhom jew le.—Aqra Ġeremija 18:7-10.

5. X’jagħmel Ġeħova meta n-nies jirrifjutaw it-tiswir tiegħu?

5 Xi ngħidu jekk xi ħadd ikollu rasu iebsa u jirrifjuta t-tiswir tal-Fuħħari l-Kbir? Ġeħova kif juża l-awtorità tiegħu bħala fuħħari? Meta jkun diffiċli għall-fuħħari biex isawwar it-tafal fir-reċipjent li jrid jagħmel, hu jistaʼ jew jiddeċiedi li jagħmel xi ħaġa differenti jew jarmi t-tafal. Normalment, dan jiġri minħabba li l-fuħħari ma jkunx sawwar it-tafal sew. Iżda Ġeħova dejjem isawwarhom sew lin-nies. (Dt. 32:4) Meta individwu ma jħallix lil Ġeħova jsawru, dejjem ikun tort tal-individwu. Ġeħova jaġġusta l-mod kif isawwar lin-nies skont kif iwieġbu għat-tiswir tiegħu. Meta n-nies jobdu lil Ġeħova, isiru utli għalih. Pereżempju, Kristjani midlukin huma “reċipjenti taʼ ħniena” li ġew imsawrin ‘f’reċipjenti għal użu onorabbli.’ Iżda n-nies li jirrifjutaw li jobdu l-pariri t’Alla jsiru “reċipjenti taʼ korla” li ma jistgħu jintużaw għal xejn.—Rum. 9:19-23.

6, 7. Is-Sultan David u s-Sultan Sawl kif irreaġixxew meta Ġeħova tahom parir?

 6 Mod wieħed kif Ġeħova jsawwar lin-nies hu permezz taʼ pariri jew dixxiplina. Nistgħu naraw kif hu juża l-awtorità fuq dawk li jsawwar billi nikkunsidraw l-ewwel żewġ slaten t’Iżrael—Sawl u David. Meta s-Sultan David għamel adulterju maʼ Bat-xeba, l-azzjonijiet tiegħu effettwaw ħażin lilu u lil oħrajn. Għalkemm David kien sultan, Ġeħova ma żammx lura milli jagħtih dixxiplina soda. Alla bagħat lill-profeta tiegħu Natan għand David b’messaġġ iebes. (2 Sam. 12:1-12) David kif irreaġixxa? Hu ddispjaċieh għall-mewt għal dak li għamel. Minħabba li David nidem, Alla wera ħniena miegħu.—Aqra t-2 Samwel 12:13.

 7 Is-Sultan Sawl kien differenti. Hu ma semax mill-parir. Ġeħova kien bagħat lil Samwel jgħid lis-Sultan Sawl biex joqtol lill-Għamalekin kollha u l-annimal tagħhom. Imma Sawl m’obdiex il-kmand taʼ Ġeħova. Hu ħalla lis-Sultan Agag ħaj u żamm l-aħjar annimali. Għala? Dan forsi għamlu biex  jonora lilu nnifsu. (1 Sam. 15:1-3, 7-9, 12) Allura Ġeħova bagħat lil Samwel b’parir għal Sawl. Sawl kien imissu semaʼ mill-parir u aċċetta t-tiswir taʼ Ġeħova. Minflok, Sawl irrifjuta li jinbidel. Hu ħaseb li kellu raġuni tajba biex jinjora l-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova. Hu sostna li kien se jissagrifika l-annimali bħala għotja għal Ġeħova. Alla ċaħad lil Sawl milli jkun sultan, u Sawl qatt ma reġaʼ kellu relazzjoni tajba miegħu.—Aqra l-1 Samwel 15:13-15, 20-23.

Sawl injora u ċaħad il-parir. Hu rrifjuta li jiġi msawwar! (Ara paragrafu 7)

David iddispjaċieh għall-mewt u aċċetta l-parir. Ħalla ’l Alla jsawru. U int? (Ara paragrafu 6)

ALLA MHUX PARZJALI

8. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif il-ġens t’Iżrael irreaġixxa għat-tiswir taʼ Ġeħova?

8 Ġeħova ta wkoll opportunità lil ġnus sħaħ biex jobduh. Wara li Ġeħova ħeles lill-Iżraelin mill-Eġittu fis-sena 1513 Q.E.K., huma saru l-poplu speċjali tiegħu. Alla kien wiegħed li jsawwarhom. Imma n-nies ma laqgħux it-tiswir tiegħu u baqgħu jagħmlu dak li kien ħażin f’għajnejn Ġeħova. Huma saħansitra qiemu l-allat foloz tal-ġnus taʼ madwarhom. Ħafna drabi, Ġeħova bagħat lill-profeti għand l-Iżraelin biex jgħinhom ibiddlu l-kondotta tagħhom, iżda Iżrael ċaħad il-pariri tal-profeti. (Ġer. 35:12-15) Minħabba li m’obdewx lil Ġeħova, hu ddixxiplinahom b’mod sod. L-Assirjani qerdu s-saltna t’Iżrael fit-Tramuntana. Iktar tard, il-Babiloniżi rebħu s-saltna taʼ Ġuda fin-Nofsinhar. Minn dan nitgħallmu xi ħaġa importanti ħafna. L-uniku mod li bih nibbenefikaw mit-tiswir taʼ Ġeħova huwa billi nirreaġixxu sew għalih.

9, 10. In-Ninwin kif wieġbu meta Ġeħova wissiehom?

 9 Ukoll, Ġeħova ta lin-nies taʼ Ninwe, il-belt kapitali tal-Assirja, opportunità biex iwieġbu għat-twissija tiegħu. Ġeħova qal lil Ġona: “Qum, mur Ninwe l-belt il-kbira, u xandar kontriha li l-ħażen tagħhom telaʼ sa quddiemi.” Ġeħova kien iddeċieda li Ninwe kellha tinqered għax in-nies kienu ħżiena ħafna.—Ġona 1:1, 2; 3:1-4.

10 Meta Ġona qal lin-nies b’dak li kien qal Ġeħova, huma “bdew ipoġġu l-fidi f’Alla.” Huma lkoll riedu juru li nidmu, allura ma kilux u libsu lbies tal-ixkora. Anki s-sultan “qam minn fuq it-tron tiegħu u neħħa l-libsa uffiċjali tiegħu minn fuqu u tgħatta bl-ilbies taʼ l-ixkora u poġġa fuq l-irmied.” In-Ninwin ħallew lilhom infushom jissawru minn Ġeħova u nidmu. B’hekk, Ġeħova ma qeridx il-belt.—Ġona 3:5-10.

11. X’nitgħallmu minn kif Ġeħova ttratta ’l-Iżraelin u n-Ninwin?

11 Avolja l-Iżraelin kienu l-poplu speċjali taʼ Ġeħova, hu kellu jiddixxiplinahom. In-Ninwin ma kinux il-poplu speċjali t’Alla, iżda huma rreaġixxew sew għat-tiswir tiegħu. Għalhekk, Ġeħova wriehom ħniena u għażel li ma jeqridhomx. Ġeħova mhuwiex parzjali. Hu jiġġudika lin-nies skont kif jaġixxu.—Dt. 10:17.

ĠEĦOVA HU RAĠUNEVOLI U JADATTA RUĦU

12, 13. (a) Alla għala jbiddel id-deċiżjonijiet tiegħu skont kif in-nies iwieġbu għat-tiswir tiegħu? (b) Xi jfisser li Ġeħova ddispjaċieh għal Sawl u Ninwe?

12 Il-mod kif Alla huwa lest li jsawwarna juri li hu raġunevoli u jadatta ruħu. Dan nistgħu narawh f’sitwazzjonijiet li fihom Ġeħova jiddeċiedi li jieħu azzjoni bbażata fuq il-ġudizzju ġust tiegħu tan-nies, imma mbagħad ibiddel fehmtu minħabba kif iwieġbu. L-Iskrittura tgħid dwar l-ewwel sultan t’Iżrael li Ġeħova ‘ddispjaċieh li għamel lil Sawl sultan.’ (1 Sam. 15:11) Meta n-nies taʼ Ninwe nidmu u waqfu milli jagħmlu l-ħażen, il-Bibbja tgħid: “L-Alla l-veru ddispjaċieh mill-gwaj li kien qal li se jġib fuqhom; u ma ġabux.”—Ġona 3:10.

13 Meta l-Bibbja tgħid li Ġeħova “ddispjaċieh,” ifisser li biddel il-mod kif ħassu dwar persuna jew li biddel dak li kien iddeċieda li jagħmel. Xi darba Ġeħova kien japprova lil Sawl. Imma meta Sawl kien diżubbidjenti, hu ċaħad lil Sawl milli jkun sultan. Dan ma kienx minħabba li Ġeħova ħa żball meta għażel lil Sawl bħala sultan. Minflok, kien minħabba li Sawl m’obdiehx. U meta n-Ninwin nidmu, Ġeħova kien lest li jbiddel id-deċiżjoni tiegħu u jħallihom jgħixu. Ifarraġna li nkunu nafu li Ġeħova qalbu tajba u ħanin u li hu lest li jbiddel id-deċiżjoni tiegħu meta n-nies ibiddlu l-mod kif jaġixxu!

JALLA QATT MA NIRRIFJUTAW ID-DIXXIPLINA TAʼ ĠEĦOVA

14. (a) Illum, Ġeħova kif isawwarna? (b) Kif għandna nwieġbu għat-tiswir t’Alla?

14 Illum, Ġeħova jsawwarna primarjament permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, u l-organizzazzjoni tiegħu. (2 Tim. 3:16, 17) Għandna nkunu kuntenti li naċċettaw kull parir jew dixxiplina li nirċievu b’dan il-mod. Ilna kemm ilna mgħammdin jew għandna kemm għandna privileġġi fil-kongregazzjoni, għandna nibqgħu nwieġbu għall-pariri taʼ Ġeħova, billi nħalluhom isawruna f’reċipjenti għal użu onorabbli.

15, 16. (a) Liema sentimenti negattivi jistgħu jqumu meta d-dixxiplina tinvolvi telf taʼ privileġġi? Agħti eżempju. (b) X’jistaʼ jgħinna nkampaw maʼ emozzjonijiet negattivi li huma assoċjati mad-dixxiplina?

 15 Nistgħu ningħataw dixxiplina f’forma taʼ istruzzjoni jew korrezzjoni. Imma drabi oħra, għandu mnejn ikollna bżonn dixxiplina minħabba li ma nkunux għamilna dak li hu tajjeb. Dixxiplina bħal din tistaʼ tinvolvi t-telf taʼ privileġġi. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Dennis * li kien qed jaqdi bħala anzjan. Hu ġie mwiddeb fil-privat minħabba li ma ħax deċiżjonijiet għaqlin fin-negozju. Dennis kif ħassu fil-lejla li ġie mħabbar lill-kongregazzjoni li hu ma baqax jaqdi bħala anzjan? Hu jgħid li ħassu ma jiswa għal xejn. “Matul dawn l-aħħar 30 sena kelli ħafna privileġġi. Kont pijunier regulari, qdejt f’Betel, ġejt maħtur bħala qaddej ministerjali u mbagħad bħala anzjan. Barra minn hekk, kont għadni kif tajt l-ewwel taħdita tiegħi f’konvenzjoni distrettwali. F’daqqa waħda, dan kollu spiċċa. Apparti li ħassejtni nistħi u imbarazzat, ħsibt li ma kienx għad fadal post għalija fl-organizzazzjoni.”

16 Dennis kellu jbiddel l-imġiba tiegħu. Imma x’għenu jkampa maʼ sentimenti negattivi? Hu jispjega: “Kont determinat li nżomm rutina spiritwali tajba. Bl-istess mod, l-appoġġ li rċivejt mill-fratellanza Kristjana u l-inkuraġġiment li ħadt mill-pubblikazzjonijiet tagħna kien importanti. L-artiklu ‘Kont Taqdi Qabel? Tistaʼ Terġaʼ Taqdi?’ fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 t’Awwissu, 2009, kien bħal ittra personali bi tweġiba għat-talb tiegħi. L-iktar parir li għożżejt kien, ‘Sakemm m’għandekx iktar responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni, stinka biex issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek.’” Dennis kif ibbenefika mid-dixxiplina? Wara xi snin, hu jgħid, “Ġeħova reġaʼ berikni bil-privileġġ li naqdi bħala qaddej ministerjali.”

17. Il-qtugħ mis-sħubija kif jistaʼ jgħin lil midneb jindem? Agħti eżempju.

17 Il-qtugħ mis-sħubija huwa tip ieħor taʼ dixxiplina mingħand Ġeħova. Jipproteġi l-kongregazzjoni minn influwenza ħażina u jistaʼ jgħin lill-midneb jindem. (1 Kor. 5:6, 7, 11) Robert kien ilu kważi 16-il sena maqtugħ mis-sħubija. F’dan iż-żmien il-ġenituri tiegħu u ħutu segwew il-parir tal-Bibbja u m’assoċjawx miegħu, lanqas ma sellmulu. Issa Robert ilu ftit tas-snin li ġie aċċettat lura u qed jagħmel progress ġmielu spiritwalment. Hu spjega li waħda mir-raġunijiet għala ġie lura fil-verità wara ħafna żmien kienet minħabba li l-familja tiegħu rrifjutat li tassoċja miegħu. Hu qal li kieku familtu qattgħet anki ftit ħin miegħu jew sempliċement saqsietu kif inhu, ma kienx se jimmissjahom daqstant. Dan għenu jkun irid idur lura lejn Ġeħova u l-poplu Tiegħu.”

18. X’tip taʼ tafal għandna nkunu f’idejn il-Fuħħari l-Kbir?

18 Għandu mnejn ma jkollniex bżonn din l-istess dixxiplina, imma x’tip taʼ tafal se nkunu f’idejn il-Fuħħari l-Kbir? Kif se nirreaġixxu meta niġu dixxiplinati? Se nkunu bħal David jew bħal Sawl? Il-Fuħħari l-Kbir huwa Missierna. Qatt tinsa li “Ġeħova jwiddeb lil min iħobb, bħalma jagħmel missier lil ibnu li bih jitgħaxxaq.” Għaldaqstant, ‘tirrifjutax id-dixxiplina taʼ Ġeħova, u tistmerrx it-twiddib tiegħu.’—Prov. 3:11, 12.

^ Par. 15 L-ismijiet ġew mibdulin.