Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?”

“Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?”

“X’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?” —MT. 24:3.

1. Bħall-appostli, x’aħna ħerqanin li nsiru nafu?

IL-MINISTERU taʼ Ġesù fuq l-art kien riesaq lejn tmiemu, u d-dixxipli tiegħu kienu ħerqanin li jsiru jafu x’kien se jiġri fil-futur. Allura ftit jiem qabel mewtu, erbgħa mill-appostli tiegħu saqsewh: “Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?” (Mt. 24:3; Mk. 13:3) Ġesù wieġeb permezz taʼ profezija dettaljata, miktuba f’Mattew kapitli 24 u 25. F’din il-profezija, Ġesù bassar ħafna ġrajjiet, u dak li qal għandu tifsir profond għalina għaliex aħna wkoll irridu nkunu nafu x’se jiġri fil-futur.

2. (a) Matul is-snin, stinkajna biex ikollna fehma iktar ċara taʼ xiex? (b) Liema tliet mistoqsijiet se nikkunsidraw?

2 Matul is-snin, il-qaddejja taʼ Ġeħova bit-talb studjaw il-profezija taʼ Ġesù dwar l-aħħar jiem. Huma stinkaw biex ikollhom fehma iktar ċara dwar meta se jitwettaq kliem Ġesù. Dan l-artiklu se jwieġeb dawn it-tliet mistoqsijiet: It-“tribulazzjoni kbira” meta tibda? Ġesù meta jiġġudika “n-nagħaġ” u “l-mogħoż”? Ġesù meta “jasal,” jew jiġi?—Mt. 24:21; 25:31-33.

IT-TRIBULAZZJONI L-KBIRA META TIBDA?

3. Fil-passat, x’konna nemmnu dwar it-tribulazzjoni l-kbira?

3 Fil-passat, aħna ħsibna li t-tribulazzjoni l-kbira bdiet fl-1914 bl-Ewwel Gwerra Dinjija. Ħsibna li Ġeħova ‘qassar’ il-gwerra fl-1918 biex il-fdal tal-midlukin fuq l-art ikunu jistgħu jippritkaw l-aħbar tajba lill-ġnus kollha. (Mt. 24:21, 22) Wara li jitlesta dan ix-xogħol tal-ippritkar, aħna stennejna li d-dinja taʼ Satana kienet se tinqered. B’hekk, ħsibna li t-tribulazzjoni l-kbira kien se jkollha tliet fażijiet. Kellha tibda fl-1914, kellha titwaqqaf fl-1918, u kellha tispiċċa f’Armageddon.

4. X’sirna nifhmu dwar il-profezija taʼ Ġesù?

4 Madankollu, hekk kif eżaminajna iktar il-profezija taʼ Ġesù, fhimna li parti mill-profezija dwar  l-aħħar jiem għandha żewġ twettiqiet. (Mt. 24:4-22) Kien hemm l-ewwel twettiq fil-Lhudija fl-ewwel seklu E.K., u kellu jkun hemm twettiq mad-dinja kollha fi żmienna. Allura kellna bżonn inbiddlu l-fehma tagħna taʼ partijiet oħrajn tal-profezija. *

5. (a) X’beda fl-1914? (b) Dan il-perijodu taʼ wġigħ jaqbel maʼ liema perijodu taʼ żmien fl-ewwel seklu E.K.?

5 Fhimna wkoll li l-ewwel parti tat-tribulazzjoni l-kbira ma bdietx fl-1914. Għala le? Għax il-profezija tal-Bibbja turi li t-tribulazzjoni l-kbira mhix se tibda bi gwerra fost il-ġnus, imma b’attakk fuq ir-reliġjon falza. B’hekk, il-gwerra li bdiet fl-1914 ma kinitx il-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira, imma “l-bidu taʼ l-uġigħ, bħall-uġigħ tal-ħlas.” (Mt. 24:8) Dan “l-uġigħ tal-ħlas” jaqbel maʼ dak li seħħ f’Ġerusalemm u fil-Lhudija mis-sena 33 E.K. sas-sena 66 E.K.

6. Kif se nkunu nafu li bdiet it-tribulazzjoni l-kbira?

6 Kif se nkunu nafu li bdiet it-tribulazzjoni l-kbira? Ġesù bassar: “Meta taraw wieqfa f’post qaddis il-ħaġa moqżieża li ġġib ħerba u li tkellem dwarha l-profeta Danjel (ħa juża moħħu l-qarrej), imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji.” (Mt. 24:15, 16) Fl-ewwel twettiq, ‘il-waqfa f’post qaddis’ seħħet fis-sena 66 E.K. meta l-armata Rumana (“il-ħaġa moqżieża”) attakkat lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha (post qaddis f’għajnejn il-Lhud). Fit-twettiq akbar, ‘il-waqfa’ se sseħħ meta l-Ġnus Magħquda (“il-ħaġa moqżieża” taʼ żmienna) tattakka lill-Kristjaneżmu (li hu qaddis f’għajnejn is-segwaċi tiegħu) u lill-kumplament taʼ Babilonja l-Kbira. L-istess attakk hu deskritt f’Rivelazzjoni 17:16-18. Din il-ġrajja se tkun il-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira.

7. (a) Il-Kristjani midlukin kif ‘ġew salvati’ fl-ewwel seklu? (b) X’nistgħu nistennew li se jiġri fil-futur?

 7 Ġesù bassar ukoll: “Dawk il-jiem jitqassru.” Fl-ewwel twettiq, dan seħħ fis-sena 66 E.K. meta l-armata Rumana ‘qassret’ l-attakk tagħha. Imbagħad, il-Kristjani midlukin f’Ġerusalemm u l-Lhudija ħarbu biex ‘jiġu salvati.’ (Aqra Mattew 24:22; Mal. 3:17) Allura, x’nistgħu nistennew li se jiġri matul it-tribulazzjoni l-kbira li riesqa? Ġeħova se ‘jqassar’ l-attakk tal-Ġnus Magħquda fuq ir-reliġjon falza, u b’hekk ma jħallix lir-reliġjon vera tinqered flimkien maʼ dik falza. Dan se jaċċerta li l-poplu t’Alla se jiġi salvat.

8. (a) Liema ġrajjiet se jseħħu wara li tgħaddi l-ewwel parti tat-tribulazzjoni l-kbira? (b) Milli jidher, l-aħħar membru tal-144,000 meta se jirċievi l-premju tiegħu fis-sema? (Ara n-nota fl-aħħar.)

8 X’se jiġri wara li tgħaddi l-ewwel parti tat-tribulazzjoni l-kbira? Ġesù spjega li se jseħħu diversi ġrajjiet qabel ma tibda Armageddon. Dawn il-ġrajjiet huma msemmijin f’Eżekjel 38:14-16 u Mattew 24:29-31. (Aqra.) * Wara dan, aħna se ngħaddu minn Armageddon, il-quċċata tat-tribulazzjoni l-kbira, li taqbel mal-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. (Mal. 4:1) Bil-battalja t’Armageddon bħala l-quċċata tagħha, din it-tribulazzjoni l-kbira li ġejja se tkun unika—ġrajja “li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa.” (Mt. 24:21) Meta din tgħaddi, se tibda l-Ħakma Millennjali taʼ Kristu.

9. Il-profezija taʼ Ġesù dwar it-tribulazzjoni l-kbira kif teffettwana?

9 Din il-profezija dwar it-tribulazzjoni l-kbira ssaħħaħna. Għala? Għax tassigurana li jkunu xi jkunu t-tbatijiet li niffaċċjaw, il-poplu taʼ Ġeħova, bħala grupp, se jgħaddi mit-tribulazzjoni l-kbira. (Riv. 7:9, 14) Fuq kollox, aħna nifirħu għax f’Armageddon, Ġeħova se  juri li għandu d-dritt li jaħkem u li hu l-aqwa Ħakkiem, u se jqaddes l-isem qaddis tiegħu.—Salm 83:18; Eżek. 38:23.

ĠESÙ META JIĠĠUDIKA N-NAGĦAĠ U L-MOGĦOŻ?

10. Fil-passat, x’kienet il-fehma tagħna dwar iż-żmien tal-ġudizzju tan-nagħaġ u l-mogħoż?

10 Parti oħra mill-profezija taʼ Ġesù kienet it-tixbiha tan-nagħaġ u l-mogħoż. Ġesù meta jiġġudika n-nagħaġ u l-mogħoż? (Mt. 25:31-46) Fil-passat konna naħsbu li Ġesù kien qed jiġġudika n-nies bħala nagħaġ jew mogħoż mill-1914 ’il quddiem. Aħna ħsibna li dawk li m’aċċettawx il-messaġġ tas-Saltna u li mietu qabel il-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira kienu se jmutu bħala mogħoż—mingħajr it-tama taʼ rxoxt.

11. Għala ma jistax ikun li l-ġudizzju tan-nies bħala nagħaġ jew mogħoż beda fl-1914?

11 Fl-1995, It-Torri tal-Għassa ta spjegazzjoni ġdida taʼ Mattew 25:31, li jgħid: “Meta Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu, u l-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu.” It-Torri tal-Għassa qal li Ġesù sar Sultan tas-Saltna t’Alla fl-1914, imma hu ma qagħadx “bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu” bħala Mħallef tal-“ġnus kollha.” (Mt. 25:32; qabbel Danjel 7:13.) Madankollu, il-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż tiddeskrivi lil Ġesù primarjament bħala Mħallef. (Aqra Mattew 25:31-34, 41, 46.) Ladarba Ġesù ma kienx l-Imħallef tal-ġnus kollha fl-1914, il-ġudizzju tiegħu taʼ nies bħala nagħaġ jew mogħoż ma setax beda dik is-sena. * Allura, Ġesù meta se jibda jiġġudika lill-ġnus kollha?

12. (a) Ġesù meta se jaġixxi bħala Mħallef tal-ġnus kollha għall-ewwel darba? (b) Liema ġrajjiet huma deskritti f’Mattew 24:30, 31 u Mattew 25:31-33, 46?

12 Il-profezija taʼ Ġesù dwar l-aħħar jiem tirrivela li hu se jaġixxi bħala Mħallef tal-ġnus kollha proprju għall-ewwel darba wara l-qerda tar-reliġjon falza. Bħalma ssemma f’paragrafu 8, ftit mill-ġrajjiet li se jseħħu matul dak iż-żmien huma miktubin f’Mattew 24:30, 31. Meta teżamina dawn il-versi, se tinnota li Ġesù hemmhekk ibassar ġrajjiet li huma simili għal dawk li jsemmi fil-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż. Pereżempju, Bin il-bniedem jiġi bil-glorja u bl-anġli miegħu; jinġabru t-tribujiet u l-ġnus kollha; dawk ġudikati li huma nagħaġ ‘jgħollu rashom’ għaliex hemm tistenniehom il-“ħajja taʼ dejjem.” * Dawk ġudikati li huma mogħoż “jibku u jħabbtu fuq sidirhom,” għax jirrealizzaw li quddiemhom hemm il-“qtugħ taʼ dejjem,” jiġifieri, il-qerda.—Mt. 25:31-33, 46.

13. (a) Ġesù meta se jiġġudika lin-nies bħala nagħaġ jew mogħoż? (b) Din il-fehma kif teffettwa l-mod kif inqisu l-ministeru tagħna?

13 Allura, x’nistgħu nikkonkludu? Ġesù se jiġġudika n-nies tal-ġnus kollha bħala li huma nagħaġ jew mogħoż meta jiġi matul it-tribulazzjoni l-kbira. Imbagħad, f’Armageddon, il-quċċata tat-tribulazzjoni l-kbira, dawk li huma bħal mogħoż se ‘jinqatgħu,’ jiġifieri, se jinqerdu għal dejjem. Din il-fehma kif teffettwa l-mod kif inqisu l-ministeru tagħna? Tgħinna naraw kemm hu importanti x-xogħol tal-ippritkar tagħna. Sakemm tibda t-tribulazzjoni l-kbira, in-nies għad għandhom ċans ibiddlu l-mod kif jaħsbu u jibdew jimxu fit-triq imħarbta “li tieħu għall-ħajja.” (Mt. 7:13, 14) Huwa minnu li xi nies issa għandhom mnejn juru attitudni li forsi ġġegħelna naħsbu li huma nagħaġ jew mogħoż. Minkejja dan, għandna niftakru li l-aħħar ġudizzju taʼ min hu nagħġa u min hu mogħża se jsir waqt it-tribulazzjoni  l-kbira. Għalhekk, għandna raġunijiet tajbin biex inkomplu nagħtu lil kemm jistaʼ jkun nies l-opportunità li jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna u jwieġbu għalih.

Sakemm tibda t-tribulazzjoni l-kbira, in-nies għad għandhom iċ-ċans li jbiddlu l-mod kif jaħsbu (Ara paragrafu 13)

ĠESÙ META JASAL, JEW JIĠI?

14, 15. Liema erbaʼ referenzi Skritturali japplikaw għall-miġja taʼ Kristu fil-futur bħala Mħallef?

 14 Hekk kif inkomplu neżaminaw il-profezija taʼ Ġesù, se jkun hemm bżonn li nbiddlu l-fehma tagħna dwar iż-żmien taʼ ġrajjiet importanti oħra fil-profezija taʼ Ġesù? Il-profezija nfisha tagħtina t-tweġiba. Ejja naraw kif.

15 Fil-parti tal-profezija tiegħu li hi miktuba f’Mattew 24:29–25:46, Ġesù jiffoka primarjament fuq dak li se jiġri matul dawn l-aħħar jiem u matul it-tribulazzjoni l-kbira li riesqa. Hemmhekk, Ġesù jirreferi tmien darbiet għall-‘miġja,’ jew wasla, tiegħu. * Rigward it-tribulazzjoni l-kbira, hu jgħid: “Jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema.” “Ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom.” “F’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-bniedem.” U fil-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż, Ġesù jgħid: “Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu.” (Mt. 24:30, 42, 44; 25:31) Kull waħda minn dawn l-erbaʼ referenzi tapplika għall-miġja taʼ Kristu fil-futur bħala Mħallef. Fejn insibuhom l-erbaʼ referenzi l-oħra fil-profezija taʼ Ġesù?

16. F’liema skritturi oħrajn hija msemmija l-miġja taʼ Ġesù?

16 Rigward l-ilsir leali u għaqli, Ġesù jgħid: “Hieni hu dak l-ilsir li sidu, meta jasal, [“jiġi,” Għaqda Biblika Maltija] isibu jagħmel hekk!” Fil-parabbola tal-verġnijiet, Ġesù jgħid: “Huma u sejrin jixtru, wasal [“ġie,” Kingdom Interlinear] l-għarus.” Fil-parabbola tat-talenti, Ġesù jirrakkonta: “Wara żmien twil ġie sid dawk l-ilsiera.” Fl-istess parabbola, is-sid jgħid: “Meta nasal [“xħin niġi,” Kingdom Interlinear] kont nieħu bl-imgħax dak li hu tiegħi.” (Mt. 24:46; 25:10, 19, 27) Għal liema żmien jirreferu dawn l-erbaʼ referenzi dwar il-miġja taʼ Ġesù?

17. X’għedna dwar il-wasla msemmija f’Mattew 24:46?

 17 Fil-passat, fil-pubblikazzjonijiet tagħna għedna li dawn l-aħħar erbaʼ referenzi japplikaw għall-wasla, jew miġja, taʼ Ġesù fl-1918. Pereżempju, ikkunsidra dak li qal Ġesù dwar “l-ilsir leali u għaqli.” (Aqra Mattew 24:45-47.) Aħna fhimna li l-‘wasla’ msemmija f’vers 46 kienet konnessa maż-żmien meta Ġesù ġie biex jispezzjona l-kundizzjoni spiritwali tal-midlukin fl-1918 u li l-ħatra tal-ilsir fuq kulma għandu s-Sid seħħet fl-1919. (Mal. 3:1) Madankollu, hemm bżonn li naġġustaw il-fehma tagħna dwar iż-żmien meta kienu se jseħħu ċerti ġrajjiet imbassrin minn Ġesù. Għala?

18. Konsiderazzjoni tal-profezija taʼ Ġesù kollha kemm hi twassalna għal liema konklużjoni dwar il-miġja taʼ Ġesù?

18 Fil-versi taʼ qabel Mattew 24:46, il-kelma “ġej” dejjem tirreferi għaż-żmien meta Ġesù jiġi biex jiddikjara u jagħmel ġudizzju matul it-tribulazzjoni l-kbira. (Mt. 24:46, 30, 42, 44) Ukoll, bħalma rajna f’paragrafu 12, il-‘wasla’ taʼ Ġesù msemmija f’Mattew 25:31 tirreferi għal dan l-istess żmien taʼ ġudizzju fil-futur. Allura hu raġunevoli li nikkonkludu li l-wasla taʼ Ġesù biex jaħtar lill-ilsir leali fuq kulma għandu, imsemmija f’Mattew 24:46, 47, tapplika wkoll għall-miġja tiegħu fil-futur, matul it-tribulazzjoni l-kbira. * Tabilħaqq, konsiderazzjoni tal-profezija taʼ Ġesù kollha kemm hi tagħmilha ċara li kull waħda minn dawn it-tmien referenzi għall-miġja tiegħu tapplika għaż-żmien taʼ ġudizzju fil-futur matul it-tribulazzjoni l-kbira.

19. Liema aġġustamenti fil-fehma tagħna kkunsidrajna, u liema mistoqsijiet se jitwieġbu fl-artikli li ġejjin?

19 Bħala reviżjoni, x’tgħallimna? Weġibna tliet mistoqsijiet dwar meta għandhom iseħħu ċerti ġrajjiet. L-ewwel ikkunsidrajna li t-tribulazzjoni l-kbira ma bdietx fl-1914 imma se tibda meta l-Ġnus Magħquda tattakka lil Babilonja l-Kbira. Imbagħad, irrivedejna għala l-ġudizzju taʼ Ġesù tan-nagħaġ u l-mogħoż ma bediex fl-1914 imma se jseħħ matul it-tribulazzjoni l-kbira. Fl-aħħar, eżaminajna għala l-wasla taʼ Ġesù biex jaħtar l-ilsir leali fuq kulma għandu ma seħħitx fl-1919 imma se sseħħ matul it-tribulazzjoni l-kbira. Allura t-tliet ġrajjiet imsemmijin fil-bidu taʼ dan l-artiklu se jseħħu matul it-tribulazzjoni l-kbira. Din il-ħarsa aġġustata kif teffettwa iktar il-fehma tagħna tat-tixbiha tal-ilsir leali? Ukoll, kif teffettwa l-fehma tagħna taʼ parabboli, jew tixbihat, oħrajn taʼ Ġesù li qed jitwettqu f’dan iż-żmien tat-tmiem? Dawn il-mistoqsijiet importanti se jitwieġbu fl-artikli li ġejjin.

 

^ Par. 4 Paragrafu 4: Għal iktar informazzjoni, ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Marzu, 1994, paġni 6-18 u   u tal-1 taʼ Mejju, 1999, paġni 8-20.

^ Par. 8 Paragrafu 8: Waħda mill-ġrajjiet imsemmijin f’dawn il-versi hi ‘l-ġbir flimkien tal-magħżulin.’ (Mt. 24:31) Għalhekk, jidher li l-midlukin kollha li jkunu għadhom fuq l-art se jittieħdu fis-sema qabel ma tfaqqaʼ l-battalja t’Armageddon. Dan jaġġusta dak li ntqal fuq dan is-suġġett fil-“Mistoqsijiet mill-Qarrejja” fit-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 t’Awwissu, 1990, paġna 30.

^ Par. 11 Paragrafu 11: Ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Novembru, 1995, paġni 12-22.

^ Par. 12 Paragrafu 12: Ara r-rakkont simili f’Luqa 21:28.

^ Par. 15 Paragrafu 15: Il-kliem “ġej” u “jasal” hu traduzzjoni taʼ forom tal-istess verb Grieg, erkomaj.

^ Par. 18 Paragrafu 18: Bħalma rajna, il-kelma Griega tradotta “meta jasal” f’Mattew 24:46 hija forma tal-istess verb Grieg li hu tradott “ġej” f’Mattew 24:30, 42, 44.