Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġejt Imqaddes

Ġejt Imqaddes

“Ġejtu maħsulin, . . . ġejtu mqaddsin.”—1 KOR. 6:11.

1. Liema sitwazzjonijiet inkwetanti sab Neħemija meta reġaʼ lura Ġerusalemm? (Ara l-istampa tal-bidu.)

IN-NIES taʼ Ġerusalemm jinsabu maħsudin. Għala? Opponent magħruf taʼ Ġeħova qed jitħalla joqgħod f’kamra fit-tempju. Il-Leviti qed jitilqu l-inkarigu tagħhom. Minflok ma qed jieħdu t-tmexxija fil-qima, il-mexxejja Lhud qed jinnegozjaw fis-Sabat. Ħafna Iżraelin qegħdin jiżżewġu lil dawk li mhumiex Lhud. Dawn huma biss ftit mis-sitwazzjonijiet inkwetanti li Neħemija jsib meta jerġaʼ lura Ġerusalemm xi żmien wara s-sena 443 Q.E.K.—Neħ. 13:6.

2. Iżrael kif sar qaddis u separat minn ġnus oħra?

2 Iżrael kien ġens dedikat lil Alla. Fis-sena 1513 Q.E.K., l-Iżraelin kienu ħerqanin li jimxu skont ir-rieda taʼ Ġeħova. Huma qalu: “Aħna lesti li nagħmlu l-kliem kollu li qal Ġeħova.” (Eżo. 24:3) Alla għażilhom biex ikunu l-poplu tiegħu u riedhom ikunu qaddisin u separati minn ġnus oħra. Xi privileġġ kien dan! Erbgħin sena wara, Mosè fakkarhom: “Int poplu qaddis għal Ġeħova Alla tiegħek. Lilek għażel Ġeħova Alla tiegħek biex issir il-poplu tiegħu, proprjetà speċjali, mill-popli kollha li hemm fuq wiċċ l-art.”—Dt. 7:6.

3. X’kien l-istat spiritwali tal-Lhud meta Neħemija ġie lura Ġerusalemm għat-tieni darba?

3 B’sogħba, l-entużjażmu li Iżrael kellu fil-bidu dwar li jkun ġens qaddis ma damx wisq. Għalkemm dejjem kien hemm xi individwi li qdew lil Alla, spiss il-Lhud inġenerali iżjed kien ħsiebhom biex jidhru qaddisin, jew devoti, milli jagħmlu r-rieda t’Alla. Sa meta Neħemija ġie Ġerusalemm għat-tieni darba, laħqu għaddew madwar mitt sena minn meta fdal leali kien ġie lura minn Babilonja biex tiġġedded il-qima vera. Għal darb’oħra, iż-żelu tal-ġens għal affarijiet spiritwali kien qed ibatti.

4. Liema fatturi li jistgħu jgħinuna nibqgħu poplu qaddis se nikkunsidraw?

4 Bħall-Iżraelin, ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum ġew imqaddsin minn Alla f’sens ġenerali. Kemm il-Kristjani midlukin u kemm dawk tal-“folla kbira” huma  qaddisin, magħżulin għal servizz sagru. (Riv. 7:9, 14, 15; 1 Kor. 6:11) Ħadd minna ma jrid jitlef il-waqfa qaddisa li għandu quddiem Alla, bħalma ġara lill-Iżraelin. X’jistaʼ jgħinna nevitaw li jiġrilna dan, biex b’hekk inkunu nistgħu nibqgħu qaddisin u utli fis-servizz taʼ Ġeħova? F’dan l-istudju, se nikkunsidraw erbaʼ fatturi enfasizzati f’Neħemija kapitlu 13: (1) evita sħubija ħażina; (2) appoġġa l-arranġamenti teokratiċi; (3) poġġi l-affarijiet spiritwali l-ewwel; u (4) ipproteġi l-identità Kristjana tiegħek. Issa ejja neżaminaw kull wieħed minn dawn il-punti.

EVITA SĦUBIJA ĦAŻINA

Neħemija kif wera l-lealtà tiegħu lejn Ġeħova? (Ara paragrafi 5, 6)

5, 6. Min kienu Eljasib u Tobija, u għala għandu mnejn Eljasib kien qed jissieħeb maʼ Tobija?

5 Aqra Neħemija 13:4-9. Aħna mdawrin b’influwenzi mhux nodfa, allura mhuwiex faċli għalina li nibqgħu qaddisin, jew nodfa. Ikkunsidra lil Eljasib u lil Tobija. Eljasib kien il-qassis il-kbir, u Tobija kien Għammoni u x’aktarx uffiċjal fl-amministrazzjoni Persjana tal-Lhudija. Tobija u sħabu kienu opponew l-isforzi taʼ Neħemija biex dan jibni mill-ġdid is-swar taʼ Ġerusalemm. (Neħ. 2:10) L-Għammonin ma tħallewx jidħlu fit-tempju. (Dt. 23:3) Mela l-qassis il-kbir għala pprovda spazju fis-sala tal-ikel tat-tempju għal raġel bħal Tobija?

6 Tobija sar ħabib tal-qalb taʼ Eljasib. Tobija u ibnu Ġeħoħanan kienu żżewġu nisa Lhud, u ħafna Lhud kienu jitkellmu affarijiet tajbin dwar Tobija. (Neħ. 6:17-19) Wieħed min-neputijiet taʼ Eljasib kien miżżewweġ lil bint Sanballat, gvernatur tas-Samarija, li kien wieħed mill-iktar ħbieb tal-qalb taʼ Tobija. (Neħ. 13:28) Dawn ir-rabtiet għandhom mnejn jispjegaw għala l-Qassis il-Kbir Eljasib ħalla lil wieħed li ma kienx Iżraeli u li kien jopponi biex jinfluwenzah. Iżda Neħemija wera lealtà maʼ Ġeħova billi rema l-għamara kollha barra mis-sala tal-ikel.

7. L-anzjani u oħrajn kif jevitaw li jniġġsu l-pożizzjoni qaddisa tagħhom quddiem Ġeħova?

7 Bħala poplu dedikat lil Alla, l-ewwel m’għandna nkunu leali hu lejn Ġeħova. Iżda, kultant għandna mnejn niġu ttantati biex ninjoraw prinċipji Bibliċi minħabba li rridu nkunu leali lejn il-familja tagħna. Imma jekk aħna ma ngħixux skont il-prinċipji Bibliċi, Ġeħova jibda jqisna bħala li m’aħniex qaddisin. L-anzjani Kristjani huma gwidati bil-ħsibijiet taʼ Ġeħova, mhux bl-opinjonijiet jew bis-sentimenti tagħhom stess. (1 Tim. 5:21) L-anzjani joqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex ma jagħmlux xi ħaġa li tistaʼ tikkomprometti l-waqfa tagħhom m’Alla.—1 Tim. 2:8.

8. Il-qaddejja dedikati kollha taʼ Ġeħova x’għandhom jiftakru dwar is-sħubija tagħhom?

8 Nagħmlu tajjeb niftakru li “kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Kor. 15:33) Xi wħud minn qrabatna għandhom mnejn ma jkollhomx effett tajjeb fuq ħajjitna. Eljasib kien t’eżempju tajjeb għan-nies billi appoġġa bis-sħiħ lil Neħemija fil-bini mill-ġdid tas-swar taʼ Ġerusalemm. (Neħ. 3:1) Madankollu, maż-żmien, l-influwenza ħażina taʼ Tobija u oħrajn milli jidher wasslet lil Eljasib biex jagħmel affarijiet li għamluh imniġġes quddiem Ġeħova. Ħbieb tajbin jinkuraġġuna nieħdu sehem f’miri Kristjani utli, bħall-qari tal-Bibbja, l-attendenza għal-laqgħat, u l-parteċipazzjoni tagħna fis-servizz tal-għalqa. Membri tal-familja li jinfluwenzawna biex nagħmlu t-tajjeb huma speċjalment maħbubin u apprezzati.

APPOĠĠA L-ARRANĠAMENTI TEOKRATIĊI

9. (a) X’kienet is-sitwazzjoni fit-tempju? (b) X’għamel Neħemija biex jirranġa s-sitwazzjoni?

9 Aqra Neħemija 13:10-13. Il-Leviti ma kinux qed jagħmlu x-xogħol inkarigat lilhom fit-tempju. Għala? In-nies kienu qed  jagħtu ftit li xejn flus għat-tempju, għalhekk il-Leviti kellhom jaħdmu fl-għelieqi tagħhom stess biex jieħdu ħsieb il-familji tagħhom. U l-mexxejja li kienu inkarigati biex jiġbru l-għexur jew ma kinux qed jiġbruhom jew inkella ma kinux qed jibagħtuhom għat-tempju. (Neħ. 12:44) Neħemija għamel ċert li dawn il-kontribuzzjonijiet kienu qed jinġabru u ħatar irġiel leali biex jagħtu l-għexur lil-Leviti.

10, 11. Liema privileġġ għandu l-poplu t’Alla f’li jappoġġa l-qima vera?

10 Hemm xi lezzjoni f’dan għalina? Iva, għaliex aħna qed niġu mfakkrin li għandna l-privileġġ li nonoraw lil Ġeħova bl-affarijiet prezzjużi tagħna. (Prov. 3:9) Meta nagħtu kontribuzzjonijiet biex nappoġġaw ix-xogħol tiegħu, aħna sempliċement inkunu qed nagħtu lil Ġeħova dak li diġà huwa tiegħu. (1 Kron. 29:14-16) Jistaʼ jkun li naħsbu li m’għandniex wisq x’nagħtu, iżda jekk għandna x-xewqa, ilkoll kemm aħna nistgħu nagħtu milli għandna.—2 Kor. 8:12.

11 Għal ħafna snin, familja kbira stiednet lil koppja anzjana li kienu pijunieri speċjali biex jieklu magħhom darba fil-ġimgħa. Għalkemm il-ġenituri kellhom tmint itfal, l-omm kienet tgħid, “X’inhuma żewġ platti oħra fuq mejda preparata għal għaxra?” Ikla fil-ġimgħa ma tantx tidher li hi xi ħaġa kbira, imma kemm kienu grati dawn il-pijunieri għall-ospitalità li ntwerew! Min-naħa tagħhom, il-pijunieri wrew li kienu barka għall-mistidnin tagħhom. Il-kliem u l-esperjenzi inkuraġġanti tal-koppja għenu biex iqanqlu lit-tfal ħalli jagħmlu progress spiritwali. Iktar tard, ilkoll kemm huma bdew jaqdu fil-ministeru full-time.

12. L-anzjani u l-qaddejja ministerjali liema eżempju mill-aħjar qed jagħtu fil-kongregazzjoni?

12 Lezzjoni oħra hi din: Bħal Neħemija, l-anzjani u l-qaddejja ministerjali llum jieħdu t-tmexxija f’li jappoġġaw l-arranġamenti teokratiċi. Oħrajn fil-kongregazzjoni jibbenefikaw mill-eżempju tagħhom. F’dan ir-rigward, l-anzjani jimitaw ukoll lill-appostlu Pawlu. Hu appoġġa l-qima vera u ta direzzjoni t’għajnuna. Pereżempju, hu ta diversi suġġerimenti prattiċi dwar kif nikkontribwixxu.—1 Kor. 16:1-3; 2 Kor. 9:5-7.

POĠĠI L-AFFARIJIET SPIRITWALI L-EWWEL

13. Xi Lhud kif ma kinux qed jirrispettaw is-Sabat?

13 Aqra Neħemija 13:15-21. Jekk inħallu lilna nfusna nsiru preokkupati b’affarijiet materjali, nistgħu nitilfu r-relazzjoni  tagħna maʼ Ġeħova. Skont Eżodu 31:13, is-Sabat taʼ kull ġimgħa kellu jfakkar lill-Iżraelin li kienu poplu mqaddes. Il-ġurnata tas-Sabat kellha titħalla għall-qima tal-familja, għat-talb, u għall-meditazzjoni fuq il-Liġi t’Alla. Iżda għal uħud mill-Iżraelin fi żmien Neħemija, is-Sabat kien sar sempliċement ġurnata oħra—negozju bħas-soltu. Il-qima kienet qed titwarrab fil-ġenb. Peress li ra x’kien qed jiġri, Neħemija ordna li jingħalqu l-bibien tal-belt meta jibda jidlam fis-sitt jum, u li jitkeċċew ’il barra n-negozjanti barranin qabel jibda s-Sabat.

14, 15. (a) X’jistaʼ jiġri jekk inqattgħu wisq ħin nipprovaw naqilgħu l-flus? (b) Kif nistgħu nidħlu fil-mistrieħ t’Alla?

14 X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Neħemija? Tagħlima minnhom hi li m’għandniex niġu aljenati u nqattgħu ħafna ħin nipprovaw naqilgħu l-flus. Ix-xogħol tagħna jistaʼ jaljenana speċjalment jekk nieħdu gost nagħmluh. Iżda ftakar li Ġesù qal li ma nistgħux inkunu lsiera taʼ żewġ sidien. (Aqra Mattew 6:24.) Neħemija setaʼ qalaʼ ħafna flus u setaʼ uża ħinu jinnegozja mat-Tirin u negozjanti oħra. Iżda x’għamel minflok? (Neħ. 5:14-18) Hu ħadem iebes biex jgħin lil ħutu u jonora l-isem taʼ Ġeħova. Bl-istess mod illum, anzjani Kristjani u qaddejja ministerjali jiffokaw fuq li jagħmlu affarijiet għall-benefiċċju tal-kongregazzjoni, u sħabhom fit-twemmin iħobbuhom għal dan. B’hekk, hemm l-imħabba, il-paċi, u s-sigurtà fost il-poplu t’Alla.—Eżek. 34:25, 28.

15 Għalkemm il-Kristjani mhumiex meħtiġin josservaw is-Sabat taʼ kull ġimgħa, Pawlu jgħidilna li “baqaʼ mistrieħ tas-Sabat għan-nies t’Alla.” Hu żied jgħid: “Il-bniedem li daħal fil-mistrieħ t’Alla wkoll straħ mill-għemejjel tiegħu stess, bħalma Alla straħ minn tiegħu.” (Ebr. 4:9, 10) Bħala Kristjani, aħna nistgħu nidħlu fil-mistrieħ t’Alla billi b’ubbidjenza naħdmu fi qbil mal-iskop tiegħu. Qegħdin int u l-familja tiegħek tpoġġu l-qima tal-familja, l-attendenza għal-laqgħat, u s-servizz tal-għalqa fl-ewwel post f’ħajjitkom? Għandna mnejn irridu nkunu sodi mal-imgħallem tagħna jew sħabna tax-xogħol speċjalment jekk huma ma jirrispettawx il-prijoritajiet teokratiċi tagħna. Dan hu simili għal dak li għamel Neħemija meta keċċa lit-Tirin ’il barra u għalaq il-bibien tal-belt. Hu kien qed ipoġġi lil Ġeħova l-ewwel. Minħabba li aħna l-poplu separat u qaddis t’Alla, għandna bżonn nistaqsu lilna nfusna, ‘Nuri bil-mod li ngħix li npoġġi lil Ġeħova l-ewwel?ʼ—Mt. 6:33.

IPPROTEĠI L-IDENTITÀ KRISTJANA TIEGĦEK

16. L-istess identità tal-ġens bħala poplu separat u qaddis kif kienet qed tiġi mhedda fi żmien Neħemija?

16 Aqra Neħemija 13:23-27. Fi żmien Neħemija, irġiel Iżraelin kienu qed jiżżewġu nisa barranin. Matul l-ewwel żjara tiegħu f’Ġerusalemm, Neħemija ġiegħel lill-irġiel xjuħ kollha jiffirmaw ftehim bil-miktub li fih wiegħdu li l-irġiel Iżraelin ma kinux se jiżżewġu lill-pagani. (Neħ. 9:38; 10:30) Madankollu, ftit snin wara, hu sab li rġiel Lhud mhux biss ħadu nisa barranin, imma wkoll kienu kważi se jitilfu l-istess identità tagħhom bħala l-poplu separat u qaddis t’Alla! Ulied dawn in-nisa barranin ma kinux jaqraw bil-lingwa Ebrajka jew jitkellmuha. Meta kienu se jikbru fl-età, kienu huma se jidentifikaw ruħhom bħala Iżraelin? Jew minflok kienu se jqisu lilhom infushom bħala Asdodin, Għammonin, jew Mowabin? Kienu se jkunu kapaċi jifhmu l-Liġi t’Alla jekk ma kinux jafu bil-lingwa Ebrajka? Kif setgħu jsiru jafu lil Ġeħova u jagħżlu li jaqdu lilu minflok l-allat foloz li ommijiethom qiemu? Kien hemm  bżonn li tittieħed azzjoni deċiżiva u bla dewmien, u Neħemija hekk għamel.—Neħ. 13:28.

Għin lil uliedek jiżviluppaw relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova (Ara paragrafi 17, 18)

17. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom biex ikollhom relazzjoni personali maʼ Ġeħova?

17 Illum, għandna bżonn nieħdu azzjoni biex ngħinu lil uliedna jkollhom identità Kristjana. Ġenituri, staqsu lilkom infuskom, ‘Uliedi kemm jafu jitkellmu l-“lingwa pura” tal-verità Skritturali? (Sof. 3:9) Juri d-diskors taʼ wliedi li ġie effettwat mill-ispirtu t’Alla jew inkella minn dak tad-dinja?’ Tiskuraġġix ruħek malajr jekk tara li hemm fejn jagħmlu progress. Trid iż-żmien biex titgħallem lingwa, speċjalment meta aħna mdawrin b’affarijiet li jaljenawna. Uliedek qed jiffaċċjaw pressjonijiet kbar biex jikkompromettu ruħhom. Għalhekk, bil-paċenzja uża s-sessjonijiet tal-Qima tal-Familja u opportunitajiet oħra biex tgħin lil uliedek jiżviluppaw relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova. (Dt. 6:6-9) Enfasizza l-benefiċċji taʼ li jkunu differenti mid-dinja taʼ Satana. (Ġw. 17:15-17) U aħdem biex tilħaq il-qalb.

18. Il-ġenituri Kristjani għala qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jippreparaw lil uliedhom ħalli jiddedikaw ruħhom lil Ġeħova?

18 Fl-aħħar mill-aħħar, it-tfal kollha se jieħdu d-deċiżjoni tagħhom dwar li jaqdu lil Alla. Madankollu, hemm ħafna x’jistgħu jagħmlu l-ġenituri. Dan jinkludi li jagħtu eżempju tajjeb lil uliedhom, jispjegawlhom tajjeb liema mġiba mhix aċċettabbli, u jiddiskutu magħhom il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li jieħdu. Ġenituri, ħadd mhu f’pożizzjoni aħjar minnkom biex jipprepara lil uliedkom għal dedikazzjoni lil Ġeħova. Huma għandhom bżonn l-għajnuna tagħkom biex ikollhom u jipproteġu l-identità Kristjana tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna neħtieġu li noqogħdu attenti sabiex ma nitilfux il-‘ħwejjeġ’ figurattivi tagħna—il-kwalitajiet u l-prinċipji li jidentifikawna bħala s-segwaċi taʼ Kristu.—Riv. 3:4, 5; 16:15.

ĠEĦOVA JIFTAKAR FINA “B’MOD TAJJEB”

19, 20. X’nistgħu nagħmlu biex Ġeħova jiftakar fina “b’mod tajjeb”?

19 Wieħed li għex fi żmien Neħemija kien il-profeta Malakija, li ħabbar li “ktieb it-tifkira beda jinkiteb . . . dwar dawk li għandhom il-biżaʼ taʼ Ġeħova u dwar dawk li jaħsbu fuq ismu.” (Mal. 3:16, 17) Alla qatt mhu se jinsa lil dawk li għandhom biżaʼ lejh u mħabba għal ismu.—Ebr. 6:10.

20 Neħemija talab: “Ftakar fija, O Alla tiegħi, b’mod tajjeb.” (Neħ. 13:31) Bħal Neħemija, isimna se jkun fi ktieb it-tifkira t’Alla jekk inkomplu nevitaw sħubija ħażina, nappoġġaw l-arranġamenti teokratiċi, nagħtu prijorità lill-affarijiet spiritwali, u nipproteġu l-identità Kristjana tagħna. Ejja ‘nibqgħu ngħarblu jekk aħniex fil-fidi.’ (2 Kor. 13:5) Jekk inżommu r-relazzjoni mqaddsa tagħna maʼ Ġeħova, hu se jiftakar fina “b’mod tajjeb.”