Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħalli l-Kuntrasti Jgħinuk

Ħalli l-Kuntrasti Jgħinuk

Ma taqbilx li Ġesù kien l-aqwa Għalliem li qatt għex fuq l-art? Forsi ġieli pprovajt timita xi modi taʼ kif għallem, bħall-użu taʼ mistoqsijiet u tixbihat. Imma qatt ikkunsidrajt li fit-tagħlim tiegħu hu spiss uża kuntrasti?

Ħafna nies jużaw il-kuntrasti waqt li jitkellmu. Forsi int ukoll tagħmel dan, spiss mingħajr lanqas biss taħsibha. Forsi tgħid xi ħaġa hekk, “Qalu li l-frott kollu kien misjur; però dan għadu iebes.” Jew, “Xi darba kienet tifla mistħija, imma issa dħulija ħafna.”

F’każijiet bħal dawn, l-ewwel tesprimi fatt jew idea; imbagħad tgħid kuntrast billi tuża espressjonijiet bħal imma, però, anzi, jew mill-banda l-oħra. Tistaʼ wkoll tagħmel il-kuntrast billi żżid l-informazzjoni jew billi ssaħħaħ l-idea. Meta titkellem b’dan il-mod, tinstemaʼ naturali u tistaʼ tgħin lil oħrajn jifhmu l-punt tiegħek.

Anki jekk il-kuntrasti ma jintużawx ħafna f’xi lingwi jew kulturi, nagħmlu tajjeb li nirrikonoxxu l-valur tagħhom. Għala? Għax insibu ħafna minnhom fil-Kelma ispirata t’Alla. Ġesù spiss uża l-kuntrasti. Ara tiftakarx f’dawn: “In-nies ma jixegħlux musbieħ biex iqegħduh taħt xi qoffa, imma fuq il-gandlier.” “Ma ġejtx biex neqred [il-Liġi] imma biex inwettaq.” “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’ Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara . . . ” “Intqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna.’ Madankollu, jien ngħidilkom: Tirreżistux lil min hu mill-agħar; imma kulmin jagħtik daqqa taʼ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll.”—Mt. 5:15, 17, 27, 28, 38, 39.

Hemm kuntrasti simili f’kotba Bibliċi oħrajn. Jistgħu jgħinuk tifhem punt jew tenfasizza mod aħjar taʼ kif tagħmel xi ħaġa. Jekk int ġenitur, irrifletti fuq dan il-kuntrast: “Intom, missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Kien ikun għaqli u veru kieku l-appostlu Pawlu sempliċement kiteb li missier (jew omm) għandu jrabbi lit-tfal fid-dixxiplina t’Alla. Iżda l-idea tinftiehem b’mod ċar bil-kuntrast ‘iddejquhomx imma rabbuhom fil-gwida mentali taʼ Ġeħova.’

Iktar ’il quddiem f’dan il-kapitlu, Pawlu kiteb: “Aħna ma nissarawx kontra d-demm u l-laħam, imma kontra . . . l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.” (Efes. 6:12) Aktarx li dan il-kuntrast jgħinek tifhem li għandek ġlieda serja ħafna. Mhix waħda kontra sempliċi bnedmin; imma kontra l-forzi tal-ispirti mill-agħar.

 IBBENEFIKA MILL-KUNTRASTI

F’dan l-istess ktieb Bibliku tal-Efesin, se ssib ħafna siltiet oħra fejn Pawlu għamel użu minn kuntrasti. Il-fatt li naħsbu dwarhom jistaʼ jgħinna nifhmu l-punt taʼ Pawlu u aktarx nifhmu aħjar x’għandna nagħmlu.

Għandu mnejn tieħu pjaċir u ssibha t’għajnuna li tikkunsidra ċ-ċart f’paġni 4 u 5. Din fiha ftit kuntrasti li hemm f’kapitli 4 u 5 taʼ Efesin. Hekk kif tikkunsidra kull kuntrast, aħseb dwar il-ħajja tiegħek stess. Saqsi lilek innifsek: ‘Bl-onestà kollha, x’inhi l-attitudni tiegħi? Kif nirreaġixxi f’sitwazzjoni bħal din jew f’waħda simili? Ħaddieħor maʼ liema naħa tal-kuntrast iqabbilni?’ Jekk kuntrast jgħinek tirrealizza li hemm xi ħaġa fuqiex taħdem, ipprova applika dak li tgħallimt. Ħalli lil dan il-kuntrast jgħinek.

Jew tistaʼ tuża ċ-ċart bħala parti mill-qima tal-familja tiegħek. L-ewwel, il-membri kollha tal-familja tiegħek jistgħu jaqraw il-kuntrasti. Imbagħad xi ħadd minnkom jistaʼ jsemmi l-ewwel parti taʼ kuntrast, u jħalli lil xi ħadd ieħor fil-familja jipprova jiftakar il-punt importanti tat-tieni parti. Dan jistaʼ jwassal għal diskussjoni pjaċevoli fil-familja dwar kif tkun tistaʼ tapplika t-tieni parti iktar aħjar. Iva, meta jiġu eżaminati l-kuntrasti b’dan il-mod, dan jistaʼ jgħin liż-żgħar u l-kbar jistinkaw biex juru kwalitajiet Kristjani fil-familja u f’postijiet oħrajn.

Tistaʼ tiftakar it-tieni parti tal-kuntrast?

Hekk kif issir iktar konxju tal-valur tal-kuntrasti, għandu mnejn issir aħjar f’li tagħrafhom fil-Bibbja, u tistaʼ ssib li huma t’għajnuna ħafna għall-ministeru Kristjan tiegħek. Pereżempju, lil inkwilin tistaʼ tgħidlu: “Ħafna nies jgħidu li kull persuna għandha ruħ immortali, imma nnota x’tgħid il-Kelma t’Alla hawn.” Jew waqt studju tal-Bibbja tistaʼ tistaqsi: “Il-maġġorparti tan-nies f’din l-akkwata jemmnu li Alla u Ġesù huma persuna waħda; iżda, x’sibna li tgħid il-Bibbja? U int x’temmen?”

Iva, l-Iskrittura tagħtina ħafna kuntrasti li jgħallmuna u jgħinuna nimxu fit-triq t’Alla. U nistgħu nużaw il-kuntrasti biex ngħinu lil oħrajn isiru jafu l-verità tal-Bibbja.