Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħu Deċiżjonijiet Personali bil-Għaqal

Ħu Deċiżjonijiet Personali bil-Għaqal

“Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess.”—PROV. 3:5.

1, 2. (a) Tħobb tieħu deċiżjonijiet? (b) Kif tħossok dwar xi deċiżjonijiet li ħadt?

KULJUM irridu nieħdu ħafna deċiżjonijiet. Kif tħossok dwar id-deċiżjonijiet li normalment tiffaċċja? Xi nies ikunu ħerqanin biex jiddeċiedu kollox għalihom infushom. Huma jinsistu fuq id-dritt tagħhom li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess, u jobogħdu saħansitra l-ħsieb li xi ħadd ieħor jiddeċiedi għalihom. Madankollu, hemm dawk li jibżgħu li jkollhom jiddeċiedu dwar affarijiet li ma jkunux tas-soltu. Uħud jieħdu l-pariri mill-kotba jew mingħand min jagħti l-pariri u forsi jonfqu flejjes kbar biex jingħataw l-għajnuna li jħossu li għandhom bżonn.

2 Ħafna minna jirrealizzaw li għalkemm hemm xi deċiżjonijiet li m’għandniex id-dritt li nieħdu, hemm ħafna deċiżjonijiet personali li nistgħu nieħdu fil-ħajja. (Gal. 6:5) Madankollu, x’aktarx li aħna nafu li mhux id-deċiżjonijiet kollha li nieħdu huma għaqlin jew taʼ benefiċċju.

3. X’direzzjonijiet għandna biex nieħdu d-deċiżjonijiet, imma xi sfidi jibqaʼ?

3 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova nistgħu nkunu ferħanin li tana direzzjonijiet ċari rigward ħafna mill-affarijiet importanti fil-ħajja tagħna. Aħna nafu li jekk insegwu direzzjonijiet bħal dawn, inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova kif ukoll li jkunu taʼ ġid għalina. Sadattant, għandna mnejn niffaċċjaw problemi u sitwazzjonijiet li l-Kelma t’Alla ma titkellimx dwarhom b’mod speċifiku. Mela, kif niddeċiedu x’għandna nagħmlu? Pereżempju, nafu li m’għandniex nisirqu. (Efes. 4:28) Imma eżattament x’inhu s-serq? Huwa dan determinat mill-valur tal-oġġett misruq, il-motiv, jew xi ħaġa oħra? Kif niddeċiedu x’se nagħmlu f’affarijiet li xi wħud jgħidu li mhumiex ċari? X’hemm x’jiggwidana?

 IDDEĊIEDI B’MOĦĦ F’LOKU

4. Liema parir x’aktarx li ngħatajna meta ffaċċjajna xi deċiżjoni?

4 Meta ngħidu li se jkollna nieħdu deċiżjoni importanti, xi Kristjan seħibna għandu mnejn jissuġġerixxi li jeħtieġ nimxu b’moħħ f’loku. M’għandniex xi ngħidu, dan ikun parir tajjeb. Il-Bibbja twissina b’dan il-mod kontra li naġixxu bl-għaġla: “Kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-bżonn.” (Prov. 21:5) Iżda xi jfisser li tiddeċiedi b’moħħ f’loku? Ifisser dan sempliċement li għandna naħsbu sew dwar is-sitwazzjoni, inkunu raġunevoli, u nipprovaw nifhmu l-fatti kollha qabel niddeċiedu? Dan kollu hu importanti, imma hemm iżjed involut f’li jkollna moħħ f’loku.—Rum. 12:3; 1 Pt. 4:7.

5. Għala m’għandniex moħħ f’loku perfettament?

5 Irridu nammettu li ħadd minna ma jitwieled b’moħħ f’loku perfettament. Għala? Għaliex ilkoll kemm aħna twelidna bid-dnub u l-imperfezzjoni, u b’hekk aħna ’l bogħod milli jkollna ġisem perfett u moħħ f’loku għalkollox. (Salm 51:5; Rum. 3:23) Iktar minn hekk, ħafna minna konna fost dawk li moħħhom kien ‘mogħmi’ minn Satana; darba ma konniex nafu b’Ġeħova u l-livelli ġusti tiegħu. (2 Kor. 4:4; Titu 3:3) Allura, kieku kellna nibbażaw id-deċiżjonijiet tagħna fuq dak li naħsbu li hu tajjeb u raġunevoli biss, għandna mnejn inkunu qed inqarrqu bina nfusna, minkejja kemm inkunu ħsibna fil-fond dwar id-deċiżjoni tagħna.—Prov. 14:12.

6. X’jistaʼ jgħinna nitgħallmu jkollna moħħ f’loku?

6 Għalkemm aħna imperfetti, Ġeħova, Missierna tas-sema, hu perfett b’kull mod. (Dt. 32:4) Hu tana dak li neħtieġu sabiex inbiddlu l-mod kif naħsbu u sabiex nitgħallmu jkollna moħħ f’loku. (Aqra t-2 Timotju 1:7.) Bħala Kristjani, irridu naħsbu u nirraġunaw bis-sens u naġixxu skont dan. Għandna lliġġmu, jew nikkontrollaw, il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna u nimitaw il-mod kif Ġeħova jaħseb, iħoss, u jaġixxi.

7, 8. Liema esperjenza turi li nistgħu nieħdu deċiżjoni tajba anke meta niġu ssikkati jew ikollna l-problemi?

7 Ikkunsidra dan l-eżempju. Prattika komuni fost ċerti immigranti hi li jibagħtu t-trabi tagħhom tat-twelid lil qrabathom biex jieħdu ħsiebhom, u b’hekk il-ġenituri immigranti jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu u jaqilgħu l-flus. * Mara li tgħix f’pajjiż barrani wildet tifel il-ġmiel tiegħu. Madwar dak iż-żmien, bdiet tistudja l-Bibbja u għamlet progress spiritwali mill-aħjar. Ħbieb u qraba bdew jissikkaw lilha u lil żewġha biex jibagħtu lit-tarbija għand in-nanniet. Madankollu, permezz tal-istudju tagħha, il-mara partikularment irrealizzat li bħala ġenitur, kienet ir-responsabbiltà tagħha mogħtija minn Alla biex trabbi lil binha. (Salm 127:3; Efes. 6:4) Għandha hi tkompli bid-drawwa għax kulħadd ħaseb li kienet l-aħjar ħaġa li tagħmel? Jew għandha ssegwi dak li kienet qed titgħallem mill-Bibbja u tissogra li tistaʼ tbati finanzjarjament kif ukoll il-kritika taʼ xi wħud? X’kont tagħmel int kieku kont minflokha?

8 Il-mara żagħżugħa kienet taħt pressjoni għaliex oħrajn kienu qed jissikkawha. Għalhekk, fetħet qalbha maʼ Ġeħova, qaltlu kif ħassitha, u talbitu jidderiġiha. Meta kellmet lil min kien qed jgħallimha dwar il-Bibbja u lil oħrajn fil-kongregazzjoni, hi bdiet tifhem x’inhi l-ħarsa taʼ Ġeħova dwar din is-sitwazzjoni. Irrealizzat ukoll li setgħet issir ħsara emozzjonali lil binha kieku dan kellu jiġi  separat mill-ġenituri tiegħu hu u jikber. Wara li ħasbet sew dwar x’kellha x’tgħid il-Bibbja dwar is-sitwazzjoni tagħha, hi ddeċidiet li ma kienx xieraq li tibgħat lit-tarbija. Meta żewġha ra kemm il-membri tal-kongregazzjoni kienu pronti biex jgħinuhom u kemm binhom kien kuntent u b’saħħtu, hu aċċetta studju tal-Bibbja u beda jattendi l-laqgħat maʼ martu.

9, 10. Xi jfisser li jkollna moħħ f’loku, u kif nistgħu nagħmlu dan?

9 Dan hu biss każ wieħed, imma juri li biex ikollna moħħ f’loku ma jfissirx li sempliċement nagħmlu dak li aħna jew oħrajn jaħsbu li hu raġunevoli jew l-eħfef. Il-moħħ u l-qalb imperfetta tagħna jistgħu jkunu bħal arloġġ li jew imur wisq ’il quddiem jew lura. Nistgħu niġu f’inkwiet serju jekk nimxu miegħu. (Ġer. 17:9) Għandna bżonn nirregolaw lil moħħna u lil qalbna skont il-livelli t’Alla li huma taʼ min joqgħod fuqhom.—Aqra Isaija 55:8, 9.

10 Bir-raġun, il-Bibbja twissina: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” (Prov. 3:5, 6) Innota l-espressjoni “tistrieħx fuq fehmtek stess.” Hija segwita mill-kliem ‘agħti kas Ġeħova.’ Hu l-Wieħed li tassew għandu moħħ f’loku. Allura, kull meta niġu ffaċċjati b’xi deċiżjoni, ikollna bżonn niftħu l-Bibbja biex naraw xi tkun il-ħarsa t’Alla. Imbagħad għandna nibbażaw id-deċiżjoni tagħna fuq dan. B’dan il-mod ikollna moħħ f’loku—meta nimitaw il-moħħ taʼ Ġeħova.

ĦARREĠ IS-SENSI TIEGĦEK

11. Wieħed x’għandu bżonn jagħmel biex jieħu deċiżjonijiet għaqlin?

11 Mhuwiex faċli li nitgħallmu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u nwettquhom. Dan jistaʼ jkun speċjalment taʼ sfida għal dawk ġodda fil-verità jew għal dawk li għadhom kif bdew jagħmlu progress lejn il-maturità spiritwali. Madankollu, progress ġenwin hu possibbli għal trabi spiritwali bħal dawn, bħalma tirreferi għalihom il-Bibbja. Ikkunsidra kif tarbija titgħallem timxi mingħajr ma taqaʼ. Ġeneralment, biex din jirnexxilha trid tagħmel passi żgħar ripetutament. L-istess  hu minnu għal tarbija spiritwali meta tiġi biex tieħu deċiżjonijiet għaqlin. Ftakar li l-appostlu Pawlu ddeskriva lil nies maturi bħala “dawk li bl-użu għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” Il-kliem “bl-użu” u “mħarrġin” it-tnejn jagħtuna x’nifhmu li għandu jsir sforz kontinwu u ripetut, u dan hu li għandhom bżonn jagħmlu dawk ġodda.—Aqra Ebrej 5:13, 14.

Meta nagħmlu għażliet tajbin f’affarijiet taʼ kuljum, aħna nħarrġu s-sensi tagħna (Ara paragrafu 11)

12. Kif nistgħu nitgħallmu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin?

12 Bħalma ssemma qabel, kuljum ikollna nieħdu ħafna deċiżjonijiet, żgħar u kbar. Skont studju, ’il fuq minn 40 fil-mija tal-azzjonijiet tagħna ma jsirux għax noqogħdu naħsbu sew dwarhom imma jsiru minħabba drawwiet li jkollna. Pereżempju, kull filgħodu forsi jkollok tiddeċiedi xi ħwejjeġ se tilbes. Għandek mnejn taħseb li din hi ħaġa żgħira, u tagħmel l-għażla tiegħek bla telf taʼ żmien, speċjalment jekk tkun mgħaġġel. Imma hu importanti li taħseb jekk dak li se tilbes ikunx xieraq għal qaddej taʼ Ġeħova. (2 Kor. 6:3, 4) Meta tmur tixtri l-ħwejjeġ, forsi taħseb dwar l-istil u l-moda, iżda xi ngħidu dwar il-modestja u kemm jiswew flus? Li nagħmlu l-għażla t-tajba f’dawn l-affarijiet se jgħin biex inħarrġu s-sensi tagħna, u dawn jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin f’affarijiet iktar importanti.—Lq. 16:10; 1 Kor. 10:31.

KABBAR IX-XEWQA BIEX TAGĦMEL IT-TAJJEB

13. X’hemm bżonn biex nagħmlu ċert li se nimxu skont dak li ddeċidejna?

13 Ilkoll nafu illi li nieħdu d-deċiżjoni t-tajba huwa ħaġa, imma li nżommu magħha u nimxu skont dak li ddeċidejna hu oħra. Pereżempju, xi wħud li jridu jieqfu jpejpu ma jirnexxilhomx għax ma jkollhomx rieda biżżejjed. Dak li hemm bżonn hu d-determinazzjoni li tkompli bid-deċiżjoni li ħadt. Hemm min jemmen li r-rieda qawwija tagħna tixbah ħafna lil muskolu. Iktar ma nużawh jew inħaddmuh, iktar jissaħħaħ. Jekk rari nużawh, se jiddgħajjef. Mela, x’jistaʼ jgħinna niżviluppaw jew insaħħu r-rieda tagħna biex inżommu maʼ dak li ddeċidejna u naġixxu fuqu? Li nduru lejn Ġeħova jistaʼ jgħinna.—Aqra Filippin 2:13.

14. Pawlu għala kellu s-saħħa jagħmel dak li kien jaf li kellu jagħmel?

14 Pawlu kien jaf dan mill-esperjenza personali tiegħu. Hu darba qal b’dispjaċir: “Fija għandi abbiltà biex nixtieq, imma abbiltà biex nagħmel dak li hu tajjeb m’għandix.” Hu kien jaf x’ried jagħmel jew x’kellu jagħmel, iżda xi drabi xi ħaġa żammitu lura milli jwettaqha. Hu stqarr: “Jien tassew nitgħaxxaq bil-liġi t’Alla skond il-bniedem li jien minn ġewwa, imma fil-membri taʼ ġismi nara liġi oħra tiġġieled kontra l-liġi taʼ moħħi u tjassarni għal-liġi tad-dnub li hemm fil-membri taʼ ġismi.” Kienet bla tama s-sitwazzjoni tiegħu? Bl-ebda mod. Hu ddikjara: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!” (Rum. 7:18, 22-25) Hu kiteb ukoll: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.”—Flp. 4:13.

15. Azzjoni deċiżiva jew in-nuqqas tagħha kif jistaʼ jeffettwa lil dawk involuti?

15 Biċ-ċar, biex nogħġbu lil Alla, azzjoni deċiżiva hija meħtieġa. Ftakar fil-kliem t’Elija lill-aduraturi taʼ Bagħal u lill-Iżraelin apostati ħdejn il-Muntanja Karmel: “Kemm se ddumu zzappu fuq żewġ opinjonijiet differenti? Jekk Ġeħova hu l-Alla l-veru, morru warajh; imma jekk hu Bagħal il-wieħed veru, morru warajh.” (1 Slat. 18:21) Ulied Iżrael kienu jafu x’kellhom jagħmlu, imma kienu qed ‘izappu’ b’indeċiżjoni. B’kuntrast kbir,  snin qabel, Ġożwè kien tahom eżempju mill-aħjar meta qal lill-Iżraelin: “Jekk hu ħażin f’għajnejkom li taqdu lil Ġeħova, agħżlu għalikom infuskom illum lil min se taqdu . . . Ngħid għalija u għan-nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.” (Ġoż. 24:15) Xi rriżulta mid-determinazzjoni li kellu? Ġożwè u dawk li żammew miegħu tbierku meta ssetiljaw fl-Art Imwiegħda, “art li tnixxi ħalib u għasel.”—Ġoż. 5:6.

ĦU DEĊIŻJONIJIET GĦAQLIN U KUN IMBIEREK

16, 17. Semmi l-benefiċċji li jiġu milli jittieħdu deċiżjonijiet fi qbil mar-rieda t’Alla.

16 Ikkunsidra sitwazzjoni moderna. Ħu li għadu kif tgħammed hu miżżewweġ u hu u martu għandhom tlett itfal żgħar. Darba minnhom, wieħed li jaħdem miegħu ssuġġerielu biex imorru jaħdmu maʼ kumpanija oħra li kienet tħallas aħjar u li kienet toffri iżjed benefiċċji. Il-ħu ħaseb u talab dwar il-kwistjoni. Oriġinarjament hu kien għażel l-impjieg li kellu, li ma kienx iħallas tajjeb ħafna, biex ma jaħdimx fi tmiem il-ġimgħa, u b’hekk kien ikun jistaʼ jattendi l-laqgħat u jkun fil-ministeru maʼ familtu. Hu rrifletta fuq ir-realtà li ma kienx se jkollu skeda bħal din kieku ħa l-impjieg il-ġdid—għall-inqas għal ċertu żmien. Kieku x’kont tagħmel int?

17 Billi qabbel il-benefiċċji spiritwali maʼ dħul ikbar, il-ħu m’aċċettax l-impjieg l-ieħor. Taħseb li mbagħad iddispjaċieh mid-deċiżjoni li kien ħa? Lanqas xejn! Hu ħass li l-barkiet spiritwali kienu bil-wisq iżjed taʼ benefiċċju għalih u għal familtu milli kienet se tkun paga ogħla. Hu u martu kienu ferħanin se jtiru meta binthom il-kbira, taʼ għaxar snin, qaltilhom li tħobbhom, tħobb lill-aħwa, u tħobb ħafna lil Ġeħova. Qalet li riedet tiddedika ħajjitha lil Ġeħova u titgħammed. Min jaf kemm apprezzat l-eżempju tajjeb taʼ missierha f’li jpoġġi l-qima taʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajtu!

Ħu deċiżjonijiet għaqlin u sib il-ferħ fost il-poplu t’Alla (Ara paragrafu 18)

18. Għala hu importanti li kuljum nieħdu deċiżjonijiet għaqlin?

18 L-istess bħalma Mosè mexxa lill-Iżraelin mix-xagħri, hekk ukoll Ġesù Kristu ilu jmexxi lill-poplu t’Alla minn ġos-sistema taʼ Satana għal ħafna snin. Din dalwaqt se tinqered. U l-istess bħalma Ġożwè mexxa lill-Iżraelin lejn l-Art Imwiegħda, hekk ukoll Ġesù se jmexxi lis-segwaċi tiegħu lejn id-dinja l-ġdida mwiegħda, fejn se jkun hemm il-ġustizzja. (2 Pt. 3:13) Għalhekk, issa mhuwiex iż-żmien li nerġgħu lura għall-mod taʼ kif konna naħsbuha fil-passat, għad-drawwiet, il-valuri, u l-miri li kellna qabel. Huwa ż-żmien li nifhmu dejjem iżjed ċar x’inhi r-rieda t’Alla għalina. (Rum. 12:2; 2 Kor. 13:5) Ħalli d-deċiżjonijiet li tieħu u l-għażliet li tagħmel kuljum juru li int it-tip taʼ persuna li jistħoqqilha l-barka eterna t’Alla.—Aqra Ebrej 10:38, 39.

^ Par. 7 Raġuni oħra għala ssir din il-prattika hi biex in-nanniet ikunu jistgħu juru n-neputijiet tagħhom lil ħbieb u qraba.