Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Lezzjonijiet Minn Talba Mħejjija Sew

Lezzjonijiet Minn Talba Mħejjija Sew

“Ħa jbierku l-isem glorjuż tiegħek.”—NEĦ. 9:5.

1. Dwar liema assemblea tal-poplu t’Alla se nitgħallmu, u liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw?

“QUMU, bierku lil Ġeħova Alla tagħkom minn dejjem għal dejjem.” B’dan il-kliem kommoventi, il-poplu t’Alla tal-qedem inġabar biex jingħaqad f’waħda mill-itwal talbiet li jidhru fil-Bibbja. (Neħ. 9:4, 5) L-assemblea saret f’Ġerusalemm fl-24 ġurnata tas-sebaʼ xahar Lhudi, Tixri (Settembru/Ottubru), tas-sena 455 Q.E.K. Hekk kif nikkunsidraw il-ġrajjiet li wasslu għal dik il-ġurnata speċjali, staqsi lilek innifsek: ‘Liema drawwa tajba għenet biex l-okkażjoni tkun waħda taʼ suċċess? Liema lezzjonijiet oħra nistaʼ nitgħallem minn din it-talba mħejjija sew?’—Salm 141:2.

XAHAR SPEĊJALI

2. L-Iżraelin kif ħallewlna eżempju tajjeb?

2 Xahar qabel din l-assemblea speċjali, il-Lhud kienu lestew il-bini mill-ġdid tas-swar taʼ Ġerusalemm. (Neħ. 6:15) In-nies t’Alla lestew ix-xogħol fi 52 ġurnata biss, u mbagħad tefgħu l-attenzjoni fuq li jissodisfaw il-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Għalhekk, fl-ewwel ġurnata tax-xahar ġdid, Tixri, inġabru flimkien fil-pjazza pubblika biex jisimgħu lil Esdra, flimkien maʼ Leviti oħrajn, jaqra b’leħen għoli l-Liġi t’Alla u jispjegaha. Familji sħaħ, inkluż “dawk kollha intelliġenti biżżejjed biex jisimgħu,” qagħdu bilwieqfa u taw widen “minn kif sebaħ sa nofsinhar.” X’eżempju mill-aħjar għal dawk minna li jattendu l-laqgħat fi Swali tas-Saltna komdi! Imma, issib li matul il-laqgħat moħħok jibda jhewden fuq affarijiet inqas importanti? Jekk iva, erġaʼ ikkunsidra l-eżempju taʼ dawk l-Iżraelin tal-qedem li mhux talli taw widen imma talli dak li semgħu tant laqathom fil-laħam il-ħaj li bdew jibku minħabba  l-fatt li bħala ġens ma kinux qed jobdu l-Liġi t’Alla.—Neħ. 8:1-9.

3. L-Iżraelin obdew liema kmand?

3 Madanakollu, dan ma kienx il-waqt biex jistqarru dnubiethom quddiem kulħadd. Peress li kien jum taʼ festa, kellu jkun żmien ferrieħi fil-qima taʼ Ġeħova. (Num. 29:1) Għalhekk, Neħemija qal lin-nies: “Morru, kulu ikel rikk u ixorbu affarijiet ħelwin, u ibagħtu porzjonijiet lil dak li m’għandu xejn imħejji; għax dan il-jum hu qaddis għall-Mulej tagħna, u tħossukomx imweġġgħin, għax il-ferħ taʼ Ġeħova hu l-fortizza tagħkom.” In-nies obdew, u dakinhar kien hemm ‘ferħ kbir.’—Neħ. 8:10-12.

4. (a) Il-kapijiet tal-familji Iżraelin x’għamlu? (b) Il-Leviti x’għamlu kull jum taʼ din il-Festa tal-Għerejjex?

4 L-għada stess, il-kapijiet tal-familji kollha ltaqgħu biex jistudjaw il-Liġi ħalli jaċċertaw ruħhom li qed jobdu l-kmandi kollha t’Alla. Huma u jistudjaw l-Iskrittura saru jafu li fis-sebaʼ xahar kellhom jiċċelebraw il-Festa tal-Għerejjex bl-assemblea solenni tal-għeluq tagħha. Dan kellu jsir mill-15 sat-22 taʼ Tixri, u għalhekk mill-ewwel bdew jippreparaw għaliha. Din il-festa kienet l-iktar Festa tal-Għerejjex taʼ suċċess minn żmien Ġożwè, u kulħadd kien qed “jifraħ bil-kbir.” Kull jum tal-festa, il-Leviti qraw il-Liġi t’Alla lin-nies kollha.—Neħ. 8:13-18.

JUM BIEX JISTQARRU DNUBIETHOM

5. In-nies t’Alla x’għamlu eżatt qabel ma l-Leviti rrappreżentawhom fit-talb lil Ġeħova?

5 Jumejn wara kien wasal il-waqt biex in-nies jistqarru dnubiethom. Dan ma kienx jum biex jieklu u jifirħu. Minflok, in-nies t’Alla samu u libsu lbies tal-ixkora biex juru kemm kien iddispjaċiehom talli m’obdewx il-Liġi t’Alla. Għal darb’oħra, il-Liġi t’Alla nqrat lin-nies għal madwar tliet sigħat filgħodu. Waranofsinhar, “stqarrew [dnubiethom] u mielu quddiem Ġeħova Alla tagħhom.” Kien f’dan il-mument li l-Leviti bdew jitolbu għan-nies kollha. —Neħ. 9:1-4.

6. X’għen lil-Leviti joffru talba sinifikanti, u dan x’jgħallimna?

6 Bla dubju, il-fatt li l-Leviti regolarment kienu jaqraw il-Liġi t’Alla għenhom iħejju din it-talba sinifikanti. L-ewwel għaxar versi jiffokaw biss fuq l-għemejjel u l-kwalitajiet taʼ Ġeħova. Fil-bqija tat-talba, il-Leviti ddeskrivew il-ħafna dnubiet tal-poplu u biċ-ċar spjegaw għala l-Iżraelin ma kienx ħaqqhom “il-ħniena abbundanti” t’Alla. (Neħ. 9:19, 27, 28, 31) It-talb tagħna lil Ġeħova wkoll se jkun oriġinali u sinifikanti jekk, bħal dawn il-Leviti, kuljum nimmeditaw  fuq il-Kelma t’Alla, u b’hekk inħallu lil Ġeħova jkellimna qabel ma nitolbu lilu fit-tul.—Salm 1:1, 2.

7. Il-Leviti liema rikjesta għamlulu lil Alla, u x’nitgħallmu minn dan?

7 It-talba fiha biss rikjesta modesta waħda. Din insibuha lejn l-aħħar taʼ vers 32, li jgħid: “Issa, O Alla tagħna, l-Alla kbir, setgħan u li jqanqal il-biżaʼ, li jħares il-patt u l-qalb tajba bl-imħabba, tħallix li t-tbatija kollha li ġiet fuqna, fuq is-slaten tagħna, il-prinċpijiet tagħna u l-qassisin tagħna u l-profeti tagħna u missirijietna u l-poplu kollu tiegħek minn żmien is-slaten taʼ l-Assirja sa llum, tidher żgħira quddiemek.” B’hekk, il-Leviti ħallewlna eżempju tajjeb biex l-ewwel infaħħru u niżżuħajr lil Ġeħova qabel ma nagħmlu rikjesti persunali fit-talb tagħna.

HUMA FAĦĦRU L-ISEM GLORJUŻ T’ALLA

8, 9. (a) Il-Leviti b’liema mod umli bdew it-talba tagħhom? (b) Milli jidher, il-Leviti rreferew għal liema żewġ armati tas-smewwiet?

8 Il-Leviti kienu umli. Avolja qalu talba mill-isbaħ, ma ħassewx li kliemhom kien tajjeb biżżejjed biex jagħti lil Ġeħova t-tifħir li jistħoqqlu. Għaldaqstant, it-talba tibda b’dan l-appell modest rigward in-nies t’Alla: “Ħa jbierku l-isem glorjuż tiegħek, li hu ogħla minn kull barka u tifħir.”—Neħ. 9:5.

9 It-talba tkompli: “Int biss Ġeħova; int innifsek għamilt is-smewwiet, iva, is-sema tas-smewwiet, u l-armata kollha tagħhom, l-art u kulma hemm fuqha, l-ibħra u kulma fihom; u int qed iżżommhom kollha ħajjin; u l-armata tas-smewwiet qed tmil quddiemek.” (Neħ. 9:6) Iva, Alla Ġeħova ħalaq l-univers kollu li hu magħmul minn numru bla għadd taʼ galassji miżgħudin bl-istilel. Ukoll, ħalaq b’mod meraviljuż kulma hawn fuq il-pjaneta mill-isbaħ tagħna, inkluż l-abbiltà tal-għaġeb tal-pjaneta li ssostni varjetà enormi taʼ ħajjiet, li jibqgħu joktru. Xhieda taʼ dan kollu hemm l-anġli qaddisin t’Alla, li wkoll jistgħu jiġu deskritti bħala ‘l-armata tas-smewwiet.’ (1 Slat. 22:19; Ġob 38:4, 7) Iktar minn hekk, l-anġli b’umiltà jagħmlu r-rieda t’Alla billi jaqdu lill-bnedmin midinbin “li se jirtu s-salvazzjoni.” (Ebr. 1:14) X’eżempju tajjeb ħallewlna l-anġli hekk kif naqdu lil Ġeħova f’unità bħal armata mħarrġa sew!—1 Kor. 14:33, 40.

10. X’nitgħallmu mill-mod kif Alla ttratta lil Abraham?

10 Imbagħad il-Leviti ffokaw fuq il-mod kif Alla ttratta lil Abram, li sakemm għalaq 99 sena kien għadu ma kellux tfal mill-mara ħawlija tiegħu, Saraj. Kien f’dan iż-żmien li Ġeħova biddillu ismu għal Abraham, li jfisser “missier kotra.” (Ġen. 17:1-6, 15, 16) Ukoll, Alla wiegħed lil Abraham li nislu kien se  jiret l-art taʼ Kangħan. Il-bnedmin spiss jinsew xi jkunu wiegħdu; imma Ġeħova le. Kif tirrakkonta t-talba tal-Leviti: “Int Ġeħova l-Alla l-veru, li għażilt lil Abram u ħriġtu minn Ur tal-Kaldin u semmejtu Abraham. U f’qalbu int sibt il-fedeltà lejk; u għalhekk intrabatt b’patt miegħu biex tagħtih l-art tal-Kangħanin, . . . biex tagħtiha lil nislu; u wettaqt kliemek, għaliex int ġust.” (Neħ. 9:7, 8) Jalla aħna wkoll nimitaw lil Alla ġust tagħna billi dejjem nistinkaw biex inżommu kelmitna.—Mt. 5:37.

AFFARIJIET TAL-GĦAĠEB LI ĠEĦOVA GĦAMEL GĦALL-POPLU TIEGĦU

11, 12. Spjega xi jfisser isem Ġeħova u kif dan jintwera fil-mod kif Alla ttratta mad-dixxendenti t’Abraham.

11 L-isem Ġeħova jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Dan ifisser li Alla jibqaʼ jaħdem biex iseħħu l-wegħdi tiegħu. Dan jintwera b’mod mill-isbaħ fil-mod kif Alla ttratta mad-dixxendenti t’Abraham meta kienu lsiera taħt l-Eġizzjani. F’dak iż-żmien, kien jidher li hu impossibbli li l-ġens kollu kemm hu jinħeles u jissetilja fl-Art Imwiegħda. Imma Alla baqaʼ jagħmel dak li kien meħtieġ sakemm fl-aħħar seħħet il-wegħda tiegħu. B’dan il-mod, hu wera li jistħoqqlu l-isem kbir Ġeħova.

12 It-talba miktuba minn Neħemija tgħid hekk dwar Ġeħova: “Int rajt is-sofferenza taʼ missirijietna fl-Eġittu, u smajt l-għajta tagħhom ħdejn il-Baħar l-Aħmar. Imbagħad tajt sinjali u mirakli kontra l-Fargħun u l-qaddejja kollha tiegħu u n-nies kollha t’artu, għax int kont taf li huma aġixxew bil-prużunzjoni kontrihom; u għamilt isem għalik bħalma hu llum. U l-baħar fraqtu quddiemhom, u b’hekk huma qasmu għan-naħa l-oħra minn nofs il-baħar fuq art niexfa; u lil dawk li ġrew warajhom xħetthom fil-fond bħal ġebla fl-ilmijiet qawwijin.” Imbagħad it-talba tkompli dwar x’għamel iktar Ġeħova għan-nies tiegħu: “Int rażżant quddiemhom lill-abitanti tal-pajjiż, il-Kangħanin . . . U huma rebħu bliet fortifikati u ħamrija għammiela u ħadu f’idejhom djar mimlijin b’kull tip t’affarijiet tajbin, ġwiebi mħaffrin, għelieqi tad-dwieli u msaġar taż-żebbuġ u siġar għall-ikel bl-abbundanza, u bdew jieklu u jixbgħu u jeħxienu u jkunu fil-lussu bit-tjubija kbira tiegħek.”—Neħ. 9:9-11, 24, 25.

13. Ġeħova kif ipprovda l-bżonnijiet spiritwali taʼ Iżrael, imma n-nies kif irreaġixxew?

13 Ġeħova għamel ħafna affarijiet oħra biex iwettaq il-wegħdi tiegħu. Pereżempju, ftit wara li l-Iżraelin telqu mill-Eġittu, Ġeħova pprovda l-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Fit-talba, il-Leviti qalu: “Inżilt fuq il-Muntanja Sinaj u kellimthom mis-sema u tajthom deċiżjonijiet ġudizzjarji retti u liġijiet taʼ verità, regolamenti u kmandamenti tajbin.” (Neħ. 9:13) Ġeħova kien għażel lill-Iżraelin biex ikunu l-poplu tiegħu u kien se jagħtihom l-Art Imwiegħda. Għalhekk, għallimhom iġibu ruħhom b’mod li jonora lil ismu. Imma ma damux ma bdew jinjoraw il-kmandi taʼ Ġeħova.—Aqra Neħemija 9:16-18.

IL-ĦTIEĠA GĦAD-DIXXIPLINA

14, 15. (a) Ġeħova kif wera ħniena bil-mod kif ħa ħsieb il-poplu midneb tiegħu? (b) X’nitgħallmu mill-mod kif Alla ttratta mal-ġens magħżul tiegħu?

14 It-talba tal-Leviti tirreferi għal żewġ dnubiet speċifiċi li għamlu l-Iżraelin ftit wara li fuq il-Muntanja Sinaj kienu wiegħdu li jobdu l-Liġi t’Alla. Minħabba dawn id-dnubiet, l-Iżraelin kien ħaqqhom imutu fix-xagħri. Imma t-talba tfaħħar lil Ġeħova: “Fil-ħniena abbundanti  tiegħek ma rħejthomx fix-xagħri. . . . Għal erbgħin sena pprovdejtilhom l-ikel . . . Ma kien jonqoshom xejn. Lanqas ilbieshom ma qdiem, u saqajhom ma ntefħulhomx.” (Neħ. 9:19, 21) Illum, Ġeħova jipprovdilna wkoll kulma għandna bżonn biex naqduh lealment. Jalla qatt ma nkunu bħall-eluf t’Iżraelin li mietu fix-xagħri minħabba d-diżubbidjenza u n-nuqqas taʼ fidi tagħhom. Infatti, dan “inkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-tmiem tas-sistemi.”—1 Kor. 10:1-11.

15 B’sogħba, wara li wirtu l-Art Imwiegħda, l-Iżraelin ma baqgħux leali lejn Ġeħova. Bdew iqimu allat Kangħanin, u dan inkluda li jagħmlu affarijiet immorali u li saħansitra joffru lil uliedhom bħala sagrifiċċju. Għalhekk, Ġeħova ppermetta li l-ġens magħżul tiegħu jinħaqar mill-ġnus taʼ madwarhom. Meta l-Iżraelin nidmu, Ġeħova bi ħniena ħafrilhom u salvahom mill-għedewwa tagħhom. Dan ġara “darba wara l-oħra.” (Aqra Neħemija 9:26-28, 31.) Il-Leviti stqarrew: “Int issaportejthom għal bosta snin u bqajt tixhed kontrihom bl-ispirtu tiegħek permezz tal-profeti tiegħek, u huma ma tawx widen. Fl-aħħarnett, int tajthom f’idejn in-nies tal-pajjiżi.”—Neħ. 9:30.

16, 17. (a) Wara l-eżilju, is-sitwazzjoni tal-Iżraelin kif kienet differenti minn meta missirijiethom l-ewwel wirtu l-Art Imwiegħda? (b) L-Iżraelin x’ammettew, u x’wiegħdu li kienu se jagħmlu?

16 Anke wara li rritornaw mill-eżilju, l-Iżraelin reġgħu bdew ma jobdux lil Ġeħova. X’kienet id-differenza? Il-Leviti komplew jitolbu: “Ara! Illum aħna lsiera; u l-art li int tajt lil missirijietna biex jieklu frottha u l-affarijiet tajbin tagħha, ara, aħna lsiera fiha, u l-prodott tagħha huwa kotran għas-slaten li int qegħedtilna fuqna minħabba dnubietna, u . . . aħna għandna niket kbir.”—Neħ. 9:36, 37.

17 Kienu l-Leviti qed jagħtu x’jifhem li Alla kien inġust talli ppermetta dan in-niket? Dażgur li le! Huma ammettew: “Int ġust f’dak kollu li ġie fuqna, għax aġixxejt fedelment, imma aħna konna li għamilna affarijiet mill-agħar.” (Neħ. 9:33) Imbagħad din it-talba mhix egoistika tagħlaq b’wegħda solenni li l-ġens, minn dakinhar ’il quddiem, se jobdi l-Liġi t’Alla. (Aqra Neħemija 9:38; 10:29) Għal dan l-għan, dokument bil-miktub jiġi ffirmat bis-siġilli t’84 mexxej Lhudi.—Neħ. 10:1-27.

18, 19. (a) X’neħtieġu jekk irridu nkunu fid-dinja ġdida t’Alla? (b) Għal liema ħaġa m’għandniex nieqfu nitolbu, u għala?

18 Jekk irridu nkunu t-tip taʼ persuna li Ġeħova jrid ġod-dinja l-ġdida tiegħu, neħtieġu niġu dixxiplinati minnu. “Liema iben ma jiġix dixxiplinat minn missieru?” staqsa l-appostlu Pawlu. (Ebr. 12:7) Nuru li naċċettaw id-direzzjoni t’Alla f’ħajjitna billi nissaportu b’fedeltà fis-servizz tiegħu u billi nħallu l-ispirtu tiegħu jirfinana. U jekk nagħmlu xi dnub serju, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jaħfrilna jekk nindmu verament u naċċettaw id-dixxiplina b’umiltà.

19 Ġeħova dalwaqt se jagħmel isem saħansitra ikbar għalih minn meta ħeles lill-Iżraelin mill-Eġittu. (Eżek. 38:23) U sewwasew bħalma l-poplu tiegħu tal-qedem wiret l-Art Imwiegħda, hekk ukoll il-Kristjani kollha li jissaportu bħala aduraturi leali taʼ Ġeħova se jirtu l-ħajja fid-dinja ġdida u ġusta t’Alla. (2 Pt. 3:13) B’tama daqstant sabiħa quddiemna, jalla ma niqfux nitolbu għat-taqdis tal-isem glorjuż t’Alla. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti talba oħra li rridu naġixxu fi qbil magħha sabiex ingawdu l-barka t’Alla issa u għal dejjem.