Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Tjassru Għal Ġeħova”

“Tjassru Għal Ġeħova”

“Titnikkrux f’xogħolkom. . . . Tjassru għal Ġeħova.”—RUM. 12:11.

1. Iddeskrivi l-kuntrast li hemm bejn il-ħarsa komuni lejn il-jasar u l-jasar imsemmi f’Rumani 12:11.

IL-JASAR Kristjan huwa differenti ferm minn dak li jaħsbu ħafna nies meta jisimgħu l-kelma jasar. Jiġuhom f’moħħhom ħsibijiet taʼ nies dominati bl-aħrax, mgħakksin, u trattati b’mod inġust. Imma l-Kelma mnebbħa t’Alla titkellem dwar jasar li jinvolvi servizz mill-qalb lejn Sid kollu mħabba. Fil-fatt, meta l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani tal-ewwel seklu biex ‘jitjassru għal Ġeħova,’ hu kien qed jgħidilhom biex jaqdu lil Alla għax iħobbuh. (Rum. 12:11) Dan it-tip taʼ jasar x’jinvolvi? Kif nistgħu nevitaw li nsiru lsiera taʼ Satana u d-dinja tiegħu? U liema barkiet jiġu meta wieħed ikun ilsir taʼ Ġeħova u jaqdih lealment?

“JIEN TASSEW INĦOBB LIL SIDI”

2. (a) Iżraeli għala kellu mnejn jiddeċiedi li jkompli jkun ilsir? (b) Jekk ilsir kien ikun lest li tittaqqablu widintu, x’kien ifisser?

2 Mil-Liġi li Alla ta lil Iżrael, nitgħallmu dwar liema xorta taʼ jasar jirrikjedi minna Ġeħova. Ilsir Ebrew kellu jinħeles fis-sebaʼ sena tal-jasar tiegħu. (Eżo. 21:2) Madankollu, għal ilsir li tassew kien iħobb lil sidu u li xtaq jibqaʼ fis-servizz tiegħu, Ġeħova għamel provvediment mill-aqwa. Is-sid kellu jġib lill-ilsir tiegħu ħdejn il-bieb jew il-koxxa tal-bieb u jtaqqablu widintu b’xifa. (Eżo. 21:5, 6) Huwa sinifikanti li din il-proċedura kienet tinvolvi l-widna. Fil-lingwa Ebrajka, l-idea bażika tal-ubbidjenza tiġi espressa b’kelma li għandha x’taqsam mas-smigħ u maʼ li tagħti widen. Għalhekk, billi tittaqqablu widintu, ilsir kellu juri li ried ikompli jaqdi lil sidu b’ubbidjenza. Dan hu simili għad-dedikazzjoni tagħna. Meta niddedikaw lilna nfusna lil Ġeħova, inkunu qed ngħidu li aħna lesti li nobduh għax inħobbuh.

3. X’inhi l-bażi tad-dedikazzjoni tagħna lil Alla?

3 Meta ppreżentajna ruħna għall-magħmudija Kristjana, konna diġà ddeċidejna li naqdu lil Ġeħova, u li nkunu lsiera tiegħu. Id-dedikazzjoni tagħna nibtet mix-xewqa li nobdu lil Ġeħova u li nagħmlu  r-rieda tiegħu. Ħadd ma sforzana biex nagħmlu dan. Tabilħaqq, anke ż-żgħażagħ li jitgħammdu, jagħmlu dan biss wara li jkunu għamlu dedikazzjoni personali lil Ġeħova, u mhux sempliċement biex jogħġbu lill-ġenituri tagħhom. Il-bażi tad-dedikazzjoni Kristjana hi l-imħabba għal Sidna tas-sema, Ġeħova. L-appostlu Ġwanni kiteb: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu.”—1 Ġw. 5:3.

ĦELSIN IŻDA XORTA LSIERA

4. X’inhu meħtieġ biex insiru “lsiera tal-ġustizzja”?

4 Kemm aħna grati lejn Ġeħova talli għamilhielna possibbli li nkunu lsiera tiegħu! Il-fidi tagħna fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Kristu tippermettilna ma nkunux ilsiera tad-dnub, jiġifieri, ma nkunux kontrollati għalkollox minnu. Għalkemm għadna imperfetti, aħna nagħżlu li nobdu lil Ġeħova u lil Ġesù bħala s-Sidien tagħna. Pawlu spjega dan biċ-ċar f’waħda mill-ittri mnebbħin li kiteb: “Għoddu ruħkom li intom veru mejtin għad-dnub imma ħajjin għal Alla bi Kristu Ġesù.” Imbagħad hu wissa: “Ma tafux li jekk tibqgħu tippreżentaw ruħkom lil xi ħadd bħala lsiera biex tobduh tkunu lsiera tiegħu għax tobduh, tad-dnub li jwassal għall-mewt jew taʼ l-ubbidjenza li twassal għall-ġustizzja? Imma ħajr lil Alla li kontu l-ilsiera tad-dnub iżda sirtu tobdu mill-qalb dik l-għamla taʼ tagħlim li ġejtu mogħtijin għaliha. Iva, ladarba nħlistu mid-dnub, sirtu lsiera tal-ġustizzja.” (Rum. 6:11, 16-18) Innota li l-appostlu jirreferi għall-‘ubbidjenza mill-qalb.’ Tabilħaqq, id-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova tagħmilna “lsiera tal-ġustizzja.”

5. Kontra xiex irridu niġġieldu lkoll, u għala?

5 Minkejja dan, hemm xi ostakli li rridu negħlbu sabiex ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna. Il-ġlieda tagħna hi kontra żewġ affarijiet. L-ewwel, għandna l-konflitt li ffaċċja Pawlu. Hu kiteb: “Jien tassew nitgħaxxaq bil-liġi t’Alla skond il-bniedem li jien minn ġewwa, imma fil-membri taʼ ġismi nara liġi oħra tiġġieled kontra l-liġi taʼ moħħi u tjassarni għal-liġi tad-dnub li hemm fil-membri taʼ ġismi.” (Rum. 7:22, 23) Peress li aħna imperfetti, irridu nkomplu nissieltu kontra x-xewqat taʼ ġisimna, jiġifieri, ix-xewqat tagħna bħala bnedmin li nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla. L-appostlu Pietru ħeġġiġna: “Kunu bħal nies ħelsin, iżda żżommux il-libertà tagħkom bħala għata għall-ħażen, imma bħala lsiera t’Alla.”—1 Pt. 2:16.

6, 7. Satana kif jagħmel din id-dinja tidher attraenti?

6 Għandna ġlieda oħra x’nikkumbattu—ġlieda kontra din id-dinja influwenzata mid-demonji. Satana, il-ħakkiem tad-dinja, jimmira l-attakki tiegħu lejna biex jipprova jkisser il-lealtà tagħna lejn Ġeħova u Ġesù. Hu jipprova ijassarna billi jħajjarna nċedu għall-influwenza qerrieda tiegħu. (Aqra Efesin 6:11, 12.) Mod wieħed kif Satana jħajjarna hu billi jagħmel id-dinja tiegħu tidher attraenti u li tiġbed l-għajn. L-appostlu Ġwanni wissa: “Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier mhix fih; għax kulma hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja—ma joriġinax mill-Missier, imma mid-dinja.”—1 Ġw. 2:15, 16.

7 In-nies madwar id-dinja kollha dejjem jixtiequ iktar affarijiet materjali. Satana jridna nemmnu li l-flus jagħmluna kuntenti. Kull fejn tħares tara iktar ħwienet kbar. Ir-reklamar jippromwovi stil taʼ ħajja ffokata fuq il-materjaliżmu  u d-divertiment. L-aġenziji tal-ivvjaġġar joffru vjaġġi lejn destinazzjonijiet eżotiċi, li spiss ikunu fil-kumpanija taʼ nies tad-dinja. Iva, id-dinja l-ħin kollu tipprova tħajjarna “ntejbu” lilna nfusna, imma dejjem skont il-livelli tagħha.

8, 9. Liema periklu kbir jeżisti, u għala?

8 Fl-ewwel seklu, Pietru wissa lill-Kristjani dwar dawk fil-kongregazzjonijiet li bdew jaħsbuha bħan-nies tad-dinja. Hu qal: “Għalihom hu taʼ pjaċir li bi nhar jgħixu fil-lussu. Huma tbajjaʼ u difetti, u jitgħaxxqu bla rażan bit-tagħlim qarrieq tagħhom waqt li jiffesteġġaw flimkien magħkom. Għax huma jlissnu kliem li jneffaħ u bla siwi, u bix-xewqat tal-laħam u bid-drawwiet laxki jħajru lil dawk li għadhom kif ħarbu min-nies li jgħixu fl-iżball. Waqt li jwegħduhom il-libertà, huma nfushom ilsiera tal-korruzzjoni. Għax kulmin jintrebaħ minn ħaddieħor jitjassar minnu.”—2 Pt. 2:13, 18, 19.

9 Jekk nipprovaw nissodisfaw “ix-xewqa taʼ l-għajnejn,” jiġifieri, ikollna kulma nkunu nixtiequ, ma jkollniex ħelsien. Minflok, se nsiru lsiera tas-sid inviżibbli taʼ din id-dinja, Satana x-Xitan. (1 Ġw. 5:19) Huwa taʼ periklu kbir li nsiru lsiera tal-materjaliżmu—jasar li diffiċli taħrab minnu.

KARRIERA SODISFAĊENTI

10, 11. Min huma l-iktar uħud li Satana jħobb jattakka, u l-edukazzjoni tad-dinja kif tistaʼ tkun taʼ xkiel għalihom?

10 Bħalma għamel fl-Għeden, Satana anke llum jimmira lejn dawk taʼ bla esperjenza. Iż-żgħażagħ huma l-iktar uħud li jħobb jattakka. Satana ma jkunx ferħan meta xi ħadd żagħżugħ, jew xi ħadd ieħor, joffri minn jeddu li jkun ilsir taʼ Ġeħova. L-għedewwa t’Alla jridu li dawk kollha li jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova jiksru d-devozzjoni tagħhom u ma jibqgħux leali.

11 Ejja nerġgħu nieħdu l-eżempju tal-ilsir li aċċetta li tittaqqablu widintu. Dan l-ilsir żgur ħass xi wġigħ għal ftit ħin, imma s-sinjal tal-jasar tiegħu baqaʼ b’mod permanenti. Jistaʼ jkun diffiċli jew taʼ wġigħ għaż-żgħażagħ li jagħmlu għażliet fil-ħajja li jkunu differenti minn dawk tan-nies taʼ madwarhom. Satana jippromwovi l-idea li karriera fid-dinja tiegħu se tissodisfa lil dak li jkun, imma l-Kristjani għandhom iżommu f’moħħhom l-importanza li jissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħhom. Ġesù għallem: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mt. 5:3) Il-Kristjani jiddedikaw ħajjithom  biex jagħmlu r-rieda t’Alla, u mhux taʼ Satana. L-għaxqa tagħhom hi fil-liġi taʼ Ġeħova, u jimmeditaw fuqha lejl u nhar. (Aqra Salmi 1:1-3.) Madankollu, ħafna mit-taħriġ edukattiv tal-lum iħalli ftit ħin għal qaddej taʼ Ġeħova biex jimmedita u jissodisfa l-bżonn spiritwali tiegħu.

12. Ħafna żgħażagħ liema għażla jiffaċċjaw illum?

12 Sid uman jistaʼ jagħmel il-ħajja taʼ lsir Kristjan diffiċli. Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu staqsa: “Kont ilsir meta ġejt imsejjaħ?” Imbagħad ta l-parir: “Tħallihx jinkwetak dan; imma jekk tistaʼ ssir ħieles ukoll, aħtaf l-opportunità.” (1 Kor. 7:21) Kien ikun aħjar jekk l-ilsir ikun ħieles. Illum, f’ħafna pajjiżi, l-iskola hi obbligatorja sa ċerta età. Imbagħad l-istudenti jiġu offruti għażla. Meta Kristjan jagħżel edukazzjoni ogħla sempliċement biex jikseb karriera f’din id-dinja, jistaʼ jsir diffiċli ferm li jkun ħieles li jaqdi lil Ġeħova fis-servizz full-time.Aqra l-1 Korintin 7:23.

Taʼ liema sid se tkun ilsir?

EDUKAZZJONI OGĦLA JEW L-AQWA EDUKAZZJONI?

13. Liema xorta taʼ edukazzjoni hi l-iktar taʼ benefiċċju għall-qaddejja taʼ Ġeħova?

13 Pawlu wissa lill-Kristjani Kolossin: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.” (Kol. 2:8) Ħafna għalliema jgħallmu l-“filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin.” L-edukazzjoni ogħla, li spiss tkun tinkludi dan it-tagħlim, mhux dejjem tipprovdi l-abbiltajiet prattiċi lill-istudenti, u jistgħu ma jkunux imħejjijin biex jiffaċċjaw il-ħajja taʼ kuljum. Għall-kuntrarju, il-qaddejja taʼ Ġeħova jagħżlu edukazzjoni li tgħinhom jiżviluppaw l-abbiltajiet neċessarji sabiex jgħixu ħajja sempliċi f’servizz lil Alla. Huma jieħdu bis-serjetà l-parir li Pawlu ta lil Timotju: “Tabilħaqq, hi mezz taʼ qligħ kbir din id-devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ li wieħed ikun kuntent b’dak li għandu. Għalhekk, la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-affarijiet.” (1 Tim. 6:6, 8) Minflok ma jiksbu xi lawrja u ittri wara isimhom, il-Kristjani veri jiffokaw fuq li jiksbu “ittri taʼ rakkomandazzjoni” billi jieħdu sehem kemm jistaʼ jkun fil-ministeru tal-għalqa.—Aqra t-2 Korintin 3:1-3.

14. Skont Filippin 3:8, Pawlu kif kien iqisu l-privileġġ tiegħu li jkun ilsir t’Alla u taʼ Kristu?

 14 Ikkunsidra l-każ tal-appostlu Pawlu. Hu ġie mgħallem mill-għalliem Lhudi tal-Liġi, Gamaljel. L-edukazzjoni li rċieva Pawlu tistaʼ titqabbel mal-edukazzjoni universitarja tal-lum. Imma Pawlu kif kien iqisu dan meta mqabbel mal-privileġġ tiegħu li jkun ilsir t’Alla u taʼ Kristu? Hu kiteb: “Inqis . . . kollox bħala telf minħabba l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù l-Mulej tiegħi.” Imbagħad żied jgħid: “Minħabba fih aċċettajt li nitlef l-affarijiet kollha u nqishom bħala qabda skart, sabiex nirbaħ lil Kristu.” (Flp. 3:8) Il-ħarsa taʼ Pawlu tgħin liż-żgħażagħ Kristjani u lill-ġenituri tagħhom li għandhom il-biżaʼ t’Alla biex jagħmlu għażla għaqlija rigward l-edukazzjoni. (Ara l-istampi.)

IBBENEFIKA MILL-AQWA EDUKAZZJONI

15, 16. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova liema edukazzjoni tipprovdi, u x’inhu l-iskop tagħha?

15 Kif inhi l-atmosfera f’ħafna mill-istituzzjonijiet taʼ din id-dinja fejn tingħata edukazzjoni ogħla? In-nies f’dawn il-postijiet spiss iħossuhom liberi li jirribellaw u jipprotestaw kontra l-gvern u awtoritajiet oħrajn. (Efes. 2:2) B’kuntrast, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprovdi l-aqwa tip taʼ edukazzjoni f’ambjent taʼ paċi fil-kongregazzjoni Kristjana. Kull wieħed u waħda minna għandu l-opportunità li jibbenefika kull ġimgħa mill-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Imbagħad hemm taħriġ speċjalizzat għal aħwa rġiel mhux miżżewġin li jkunu pijunieri (Skola tal-Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin) u għal koppji miżżewġin li jkunu pijunieri (Skola tal-Bibbja Għal Koppji Kristjani). Din l-edukazzjoni teokratika tgħinna nobdu lil Ġeħova, Sidna tas-sema.

16 Nistgħu nħaffru għal teżori spiritwali prezzjużi 2201fil-Librerija Onlajn. L-iskop ewlieni tal-edukazzjoni Biblika tagħna hu li nqimu lil Ġeħova. Din tgħallimna kif ngħinu lil ħaddieħor isir ħabib t’Alla. (2 Kor. 5:20) Imbagħad min-naħa tagħhom se jiġu megħjunin jgħallmu lil oħrajn.—2 Tim. 2:2.

IL-BARKA TAL-ILSIR

17. Jekk tagħżel l-aqwa edukazzjoni, ikollok liema barkiet?

17 Fil-parabbola taʼ Ġesù dwar it-talenti, iż-żewġ ilsiera leali ġew imfaħħrin. Dan ferraħ lilhom u lil sidhom. Biex jurihom l-approvazzjoni tiegħu, tahom iktar xogħol. (Aqra Mattew 25:21, 23.) Jekk illum tagħżel l-aqwa edukazzjoni jkollok il-ferħ u l-barkiet. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Michael. Tant kien imur tajjeb fl-iskola li l-għalliema tiegħu stidnuh jiltaqaʼ magħhom biex jiddiskutu l-possibbiltà li jidħol l-università. B’sorpriża għalihom, Michael għażel li, minflok, jieħu kors qasir taʼ sengħa li ma damx ma ppermettielu li jmantni lilu nnifsu bħala pijunier regulari. Iħoss li b’xi mod ħa deċiżjoni żbaljata? “L-edukazzjoni teokratika li rċivejt bħala pijunier—u issa bħala anzjan fil-kongregazzjoni—m’hemmx prezzha,” jirrakkonta hu. “Il-barkiet u l-privileġġi li ngawdi jisbqu bil-kbir kwalunkwe ammont taʼ flus li stajt naqlaʼ. Tassew jien kuntent li għażilt li ma niħux edukazzjoni ogħla.”

18. Xi jqanqlek tagħżel l-aqwa edukazzjoni?

18 L-aqwa edukazzjoni tgħallimna x’inhi r-rieda t’Alla u tgħinna nitjassru għal Ġeħova. Tagħtina l-prospett li ‘ninħelsu mill-jasar tat-taħsir’ u fl-aħħar niksbu “l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rum. 8:21) Fuq kollox, nitgħallmu kif l-aħjar nuru li tassew inħobbu lil Sidna tas-sema, Ġeħova.—Eżo. 21:5.