Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Titilfux Malajr ir-Raġuni Tagħkom”!

“Titilfux Malajr ir-Raġuni Tagħkom”!

“Aħwa, . . . nitolbukom biex ma titilfux malajr ir-raġuni tagħkom.”—2 TESS. 2:1, 2.

1, 2. Il-qerq għala hu komuni ferm, u llum liema tip taʼ qerq naraw? (Ara l-ewwel stampa.)

L-IMBROLJI, l-inganni, u l-qerq huma komuni ferm f’din is-sistema. Dan m’għandux għalfejn jissorprendina. Il-Bibbja tagħmilha ċara li Satana x-Xitan hu espert f’li jqarraq bin-nies, u hu l-ħakkiem taʼ din is-sistema. (1 Tim. 2:14; 1 Ġw. 5:19) Hekk kif nersqu lejn it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar, ir-rabja taʼ Satana qed tiżdied għaliex hu baqagħlu biss “żmien qasir.” (Riv. 12:12) Għalhekk, nistgħu nistennew li dawk li huma influwenzati mix-Xitan isiru iktar u iktar diżonesti, speċjalment lejn dawk li jippromwovu l-qima vera.

2 Meta l-mezzi tax-xandir isemmu lill-qaddejja taʼ Ġeħova u t-twemmin tagħhom, kultant jirrapportaw biss nofs veritajiet jew saħansitra jgħidu gideb sfaċċat. Titli fil-gazzetti, dokumentarji fuq it-televixin, u paġni fuq l-Internet jintużaw biex ixerrdu stejjer foloz. Xi nies jiddiżappuntaw ruħhom jew saħansitra jirrabjaw għaliex jemmnu dan il-gideb mingħajr ma l-ewwel jiċċekkjaw il-fatti.

3. X’jistaʼ jgħinna biex ma niġux imqarrqin?

3 Għall-grazzja t’Alla, aħna nistgħu niddefendu ruħna mill-gideb taʼ Satana. Biex tgħinna ħalli ma niġux imqarrqin għandna l-Bibbja, li “tiswa biex . . . tikkoreġi.” (2 Tim. 3:16) Hu sinifikanti li mill-kitbiet tal-appostlu Pawlu nitgħallmu li xi Kristjani f’Tessalonika tal-ewwel seklu ġew żvijati għax aċċettaw dak li ma kienx veru. Hu ħeġġiġhom ‘biex ma jitilfux malajr ir-raġuni tagħhom.’ (2 Tess. 2:1, 2) Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mit-twissija kollha mħabba taʼ Pawlu, u kif nistgħu napplikawhom għas-sitwazzjoni tagħna?

TWISSIJIET F’WAQTHOM

4. Il-Kristjani f’Tessalonika kif ġew imwissijin dwar il-miġja taʼ “jum Ġeħova,” u aħna kif qed niġu mwissijin?

4 Fl-ewwel ittra tiegħu lill-kongregazzjoni f’Tessalonika,  Pawlu wissieha dwar il-miġja taʼ “jum Ġeħova.” Hu ma riedx li ħutu jkunu fid-dlam u mhux preparati. Minflok, ħeġġiġhom bħala “wlied id-dawl” biex ‘jibqgħu mqajmin u f’sensihom.’ (Aqra l-1 Tessalonikin 5:1-6.) Illum, aħna nistennew il-qerda taʼ Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Din se tkun il-bidu tal-jum il-kbir taʼ Ġeħova. B’ħajr lil Alla, aħna nifhmu kif Ġeħova se jwettaq l-iskop tiegħu. Ukoll, permezz tal-kongregazzjoni, nirċievu regolarment tfakkiriet f’waqthom li jgħinuna nibqgħu f’sensina. Jekk dawn it-twissijiet ripetuti nisimgħuhom bir-reqqa, nistgħu nsaħħu d-determinazzjoni tagħna biex naqdu lil Alla “bil-qawwa tar-raġuni” tagħna.—Rum. 12:1.

Pawlu kiteb ittri li taw twissijiet f’waqthom lill-Kristjani (Ara paragrafi 4, 5)

5, 6. (a) Fit-tieni ittra tiegħu lit-Tessalonikin, Pawlu dwar xiex tkellem? (b) Alla x’se jagħmel dalwaqt permezz taʼ Ġesù, u x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

5 Ftit wara li bagħat l-ewwel ittra tiegħu lill-Kristjani Tessalonikin, Pawlu bagħtilhom it-tieni ittra. F’din l-ittra ġibed l-attenzjoni lejn it-tribulazzjoni li kienet ġejja meta l-Mulej Ġesù kellu jwettaq ġudizzju divin fuq “dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba.” (2 Tess. 1:6-8) Dak li issa hu kapitlu 2 taʼ din l-ittra jirrivela li xi wħud f’dik il-kongregazzjoni kienu ‘eċċitaw ruħhom’ dwar jum Ġeħova sal-punt li kienu jemmnu li l-wasla tiegħu kienet imminenti. (Aqra t-2 Tessalonikin 2:1, 2.) Dawn il-Kristjani tal-bidu kellhom biss fehma limitata dwar it-twettiq tal-iskop taʼ Ġeħova. Pawlu dan ammettieh meta iktar tard kiteb dan li ġej dwar il-profezija: “L-għarfien li għandna hu limitat u l-ipprofetizzar tagħna hu limitat; imma meta jasal dak li hu sħiħ, dak li hu limitat jinġieb fix-xejn.” (1 Kor. 13:9, 10) Imma t-twissijiet imnebbħin miktubin minn Pawlu, l-appostlu Pietru, u aħwa leali oħrajn taʼ dak iż-żmien setgħu jarmawhom biex iżommu l-fidi tagħhom.

6 Biex jikkoreġi l-affarijiet, Pawlu ġie mnebbaħ ħalli jispjega li apostasija kbira u “l-bniedem bla liġi” kellhom jidhru qabel jum Ġeħova. * Wara dan, fiż-żmien magħżul minn Alla, il-Mulej Ġesù kellu  ‘jġib fix-xejn’ lil dawk kollha li jkunu ġew imqarrqin. L-appostlu spjega r-raġuni għal dan il-ġudizzju fuqhom; kien għax “m’aċċettawx l-imħabba għall-verità.” (2 Tess. 2:3, 8-10) Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Kemm inħobbha l-verità? Nistudja jien din ir-rivista u pubblikazzjonijiet oħrajn provduti għan-nies t’Alla mad-dinja kollha sabiex inżomm ruħi aġġornat mal-fehma preżenti tat-tagħlim tal-Bibbja?’

AGĦŻEL LIL SĦABEK BL-GĦAQAL

7, 8. (a) Il-Kristjani tal-bidu maʼ liema perikli kellhom jissieltu? (b) Illum, x’inhu taʼ periklu speċjalment għall-Kristjani veri?

7 Irridu nammettu li l-Kristjani kellhom jiffaċċjaw perikli oħrajn minbarra dawk mill-apostati u t-tagħlim tagħhom. Pawlu kiteb lil Timotju li “l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.” L-appostlu indika li “billi rawmu din l-imħabba, xi wħud ġew żvijati mill-fidi u ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.” (1 Tim. 6:10) “L-għemejjel tal-laħam” ukoll dejjem kellhom ikunu taʼ periklu.—Gal. 5:19-21.

8 Iżda, int tistaʼ tapprezza għala Pawlu kellu jwissi b’mod sod lit-Tessalonikin dwar kemm kienu taʼ theddida serja dawk l-irġiel li f’post ieħor sejħilhom “appostli foloz.” Fosthom kien hemm irġiel li qalu “affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (2 Kor. 11:4, 13; Atti 20:30) Ġesù iktar tard faħħar lill-kongregazzjoni f’Efesu għax ma setgħux ‘iġerrgħu lill-ħżiena.’ Dawn l-Efesin ‘għarblu’ lil individwi li attwalment kienu appostli foloz, fil-fatt, giddibin. (Riv. 2:2) Huwa taʼ interess li fit-tieni ittra tiegħu lit-Tessalonikin, Pawlu ta din it-twissija: “Issa qed nordnawlkom, aħwa, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex twarrbu minn kull ħu li hu miexi bid-diżordni.” Imbagħad semma speċifikament lill-Kristjani li ‘ma ridux jaħdmu.’ (2 Tess. 3:6, 10) Mela jekk kellhom jevitaw lil xi ħadd li kien għażżien u li ma riedx jaħdem, kemm iktar kellhom jevitaw lil xi ħadd li beda jġib ruħu bħal apostata! Iva, sħubija mill-qrib maʼ individwi bħal dawn lura f’dak iż-żmien kienet speċjalment perikoluża u riedet tiġi evitata—u dan hu veru wkoll illum.—Prov. 13:20.

9. Għala għandna noqogħdu attenti jekk xi ħadd jibda jaqtaʼ dwar affarijiet li mhumiex spjegati fil-Bibbja jew jikkritika lill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

9 Qed noqorbu lejn it-tribulazzjoni l-kbira u t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Għalhekk, dawk it-twissijiet imnebbħin li ngħataw fl-ewwel seklu huma iktar sinifikanti. Aħna żgur li ma rridux ‘nitilfu l-iskop’ tal-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova u nitilfu ċ-ċans taʼ ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-sema u kemm jekk fuq l-art. (2 Kor. 6:1) Għandna noqogħdu attenti ferm jekk xi ħadd li jattendi l-laqgħat tagħna jipprova jħajjarna naqtgħu dwar affarijiet li mhumiex spjegati fil-Bibbja jew biex nikkritikaw lill-anzjani u lil oħrajn li jaqdu lil Alla.—2 Tess. 3:13-15.

“IBQGĦU FIT-TRADIZZJONIJIET”

10. Il-Kristjani f’Tessalonika ġew imħeġġin biex iżommu maʼ liema tradizzjonijiet?

10 Pawlu ħeġġeġ lil ħutu f’Tessalonika biex ‘iżommu sod’ u biex ikomplu jagħmlu dak li kienu tgħallmu. (Aqra t-2 Tessalonikin 2:15.) X’kienu “t-tradizzjonijiet” li kienu ġew mgħallmin? Ċertament li mhux dawk li tħaddan ir-reliġjon falza u li jiġu mgħallmin bħallikieku huma taʼ valur daqs dak li nsibu fl-Iskrittura. Minflok, Pawlu kien qed jirreferi għat-tagħlim li hu u oħrajn kienu rċivew mingħand Ġesù kif ukoll dak li Alla qanqal  lill-appostlu biex jikteb, u li ħafna minnu sar parti mill-Iskrittura mnebbħa. Pawlu faħħar lil ħutu fil-kongregazzjoni f’Korintu għax, bħalma kiteb, “f’kollox tiftakru fija u qed iżżommu sod mat-tradizzjonijiet eżatt kif għaddejthomlkom.” (1 Kor. 11:2) Dan it-tagħlim ġie minn sors taʼ min jorbot fuqu u tabilħaqq setaʼ jiġi fdat.

11. Xi wħud b’liema modi jistgħu jiġu effettwati mill-qerq?

11 Meta kien qed jikteb lill-Ebrej, Pawlu ġibed l-attenzjoni lejn żewġ modi kif Kristjan jistaʼ jitlef il-fidi u ma jibqax sod. (Aqra Ebrej 2:1; 3:12.) Hu tkellem dwar li “ninġarru mal-kurrent” u li ‘nitbiegħdu.’ Għall-ewwel, lanqas biss tinduna li dgħajsa tkun qed tinġarr mal-kurrent. Bil-mod il-mod, id-distanza bejn id-dgħajsa u x-xatt tiżdied. Mill-banda l-oħra, ir-raġel li jimbotta d-dgħajsa tiegħu minn max-xatt ikun qed ibegħedha bl-azzjonijiet tiegħu stess. Iż-żewġ eżempji juru dak li jistaʼ jiġri jekk xi ħadd iħalli lilu nnifsu jiġi mqarraq u jħalli l-fiduċja tiegħu fil-verità tiddgħajjef.

12. X’jistaʼ jagħmel ħsara lill-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

12 Xi wħud mit-Tessalonikin forsi ħallew lilhom infushom jiġu mqarrqin. U xi ngħidu għal-lum? Ħafna attivitajiet jistgħu jiħdulna ħafna mill-ħin. Aħseb dwar kemm tqattaʼ ħin biex iżżomm kuntatt permezz tan-netwerks soċjali, biex taqra u twieġeb l-e-mails u l-messaġġi, biex tieħu sehem f’xi passatemp, jew biex iżżomm ruħek aġġornat mal-isports. Kwalunkwe waħda minn dawn l-attivitajiet tistaʼ tfixkel lil Kristjan u ddgħajjiflu ż-żelu. Xi jkun ir-riżultat? Jistgħu jmorru minn taħt it-talb mill-qalb, l-istudju tal-Kelma t’Alla, l-attendenza għal-laqgħat, u l-ippritkar tal-aħbar tajba. X’nistgħu nagħmlu sabiex ma nitilfux malajr ir-raġuni tagħna?

PROTEZZJONI KONTRA LI NITILFU R-RAĠUNI

13. Kif tbassar il-Bibbja, x’inhi l-attitudni taʼ ħafna nies, u x’jistaʼ jipproteġi l-fidi tagħna?

13 Ħaġa waħda li żgur li jeħtieġ nagħmlu hi li nibqgħu konxji taż-żmien li qed ngħixu fih u l-effett li jistaʼ jkun hemm jekk nassoċjaw maʼ dawk li ma jirrikonoxxux li dawn huma “l-aħħar jiem.” L-appostlu Pietru kiteb hekk rigward dan il-perijodu: “Jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-ċajt u jieħdu kollox biż-żuffjett, u jimxu skond ix-xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dakinhar li missirijietna raqdu fil-mewt, kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-bidu tal-ħolqien.’” (2 Pt. 3:3, 4) Il-qari tagħna taʼ kuljum u l-istudju regulari tal-Kelma t’Alla se jgħinuna niffokaw fuq fejn aħna fil-medda taż-żmien—iżommuna konxji li qegħdin “fl-aħħar jiem.” L-apostasija mbassra bdiet żmien twil ilu u għadha tippersisti sal-lum. “Il-bniedem bla liġi” għadu jeżisti u jopponi lill-qaddejja t’Alla. Għaldaqstant, m’għandna qatt ninsew li jum Ġeħova hu qrib.—Sof. 1:7.

Preparazzjoni tajba u sehem fil-ministeru jistgħu jgħinuna biex ma nitilfux malajr ir-raġuni tagħna (Ara paragrafi 14, 15)

14. Li jkollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz t’Alla, kif inhu taʼ protezzjoni?

14 L-esperjenza wriet li mod primarju kif noqogħdu attenti u ma nitilfux ir-raġuni tagħna hu li nieħdu sehem regolarment fl-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna. B’hekk, meta Kristu Ġesù, il-Kap tal-kongregazzjoni, ikkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, u jgħallmuhom josservaw l-affarijiet li kien għallimhom, kien qed jagħti parir li kellu jipproteġi lis-segwaċi tiegħu. (Mt. 28:19, 20) Biex nobdu dan il-kmand jeħtieġ li nkunu żelużi fix-xogħol tal-ippritkar. Tistaʼ int timmaġina li l-aħwa f’Tessalonika jkunu sodisfatti li jippritkaw u jgħallmu biss għax  bilfors kellhom jagħmlu hekk? Ftakar fil-kliem li qalilhom Pawlu: “Titfux in-nar taʼ l-ispirtu. Tiddisprezzawx l-ipprofetizzar.” (1 Tess. 5:19, 20) U kemm huma eċċitanti l-profeziji li nistudjaw u naqsmu m’oħrajn!

15. Liema affarijiet li jgħinuna nistgħu nikkunsidraw matul il-qima tal-familja?

15 Ovvjament, aħna rridu ngħinu lill-familji tagħna jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom fis-servizz tal-għalqa. Ħafna aħwa sabu li mod wieħed kif iwettqu dan hu billi jwarrbu parti mill-qima tal-familja biex jiffokaw fuq il-ministeru. Tistaʼ ssibu t’għajnuna li tiddiskuti kif membri tal-familja se jikkultivaw l-interess li jkunu sabu. Fuqiex se jitkellmu fiż-żjara li jmiss? X’jistgħu jgħidu li se jġiegħel lill-inkwilin biex ikun irid jitgħallem iktar? Meta jkun l-aħjar ħin biex jagħmlu ż-żjajjar? Ħafna jiddedikaw ukoll ftit mill-ħin matul il-qima tal-familja għal-laqgħat tal-kongregazzjoni sabiex ikunu konxji taʼ dak li se jiġi kunsidrat f’dawn il-laqgħat. Tistaʼ tagħmel iktar biex tipprepara ħalli tipparteċipa? Il-parteċipazzjoni tiegħek se ssaħħaħlek il-fidi, u b’hekk tgħinek biex ma titlifx ir-raġuni tiegħek. (Salm 35:18) Iva, il-qima tal-familja se tipproteġina milli naqtgħu dwar affarijiet li mhumiex spjegati fil-Bibbja u milli jkollna d-dubji.

16. Il-Kristjani midlukin x’inċentiv għandhom biex ma jitilfux il-qawwa tar-raġuni tagħhom?

16 Meta nirriflettu fuq il-mod kif Ġeħova bierek lill-poplu tiegħu matul is-snin biex jifhmu iktar il-profezija tal-Bibbja, aħna nistgħu napprezzaw xi premju meraviljuż għandna quddiemna. Il-midlukin għandhom il-prospett li jissieħbu maʼ Kristu fis-sema. X’inċentiv biex ma jitilfux il-qawwa tar-raġuni tagħhom! Ċertament li nistgħu napplikaw għalihom il-kliem taʼ Pawlu miktub lit-Tessalonikin: “Aħna obbligati li dejjem irroddu ħajr lil Alla għalikom, aħwa maħbubin minn Ġeħova, għax Alla għażilkom . . . billi qaddiskom bl-ispirtu u bil-fidi tagħkom fil-verità.”—2 Tess. 2:13.

17. X’inkuraġġiment issib fil-kliem tat-2 Tessalonikin 3:1-5?

17 Dawk li jħarsu ’l quddiem lejn ħajja taʼ dejjem fuq l-art għandhom bl-istess mod jistinkaw biex ma jitilfux malajr ir-raġuni tagħhom. Jekk għandek it-tama li tgħix fuq l-art, daħħal f’qalbek l-inkuraġġiment taʼ mħabba li kiteb Pawlu għal sħabu l-midlukin f’Tessalonika. (Aqra t-2 Tessalonikin 3:1-5.) Kull wieħed u waħda minna għandu japprezza profondament dan il-kliem taʼ mħabba. Iva, l-ittri lit-Tessalonikin fihom twissijiet vitali kontra li naqtgħu dwar affarijiet li mhumiex spjegati fil-Bibbja u li nemmnu ideat dubjużi. Peress li qed ngħixu qrib ferm it-tmiem, dawn huma twissijiet li l-Kristjani japprezzawhom ħafna llum.

^ Par. 6 Kif naqraw f’Atti 20:29, 30, Pawlu indika li minn ġol-kongregazzjonijiet Kristjani, kellhom “iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” L-istorja tikkonferma li maż-żmien żviluppat distinzjoni bejn il-kleru u bejn il-lajċi. Wara s-sena 200 E.K., kien diġà ċar li l-kleru tal-Kristjaneżmu bħala grupp kien “il-bniedem bla liġi.”—Ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Mejju, 1990, paġni 3-7.