Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Agħmel għażliet għaqlin matul żgħożitek

Agħmel għażliet għaqlin matul żgħożitek

‘Ġuvintur u xebbiet, faħħru isem Ġeħova.’​—SALM 148:12, 13.

1. Liema opportunitajiet tal-​għaġeb qed igawdu ħafna żgħażagħ Kristjani?

 QED ngħixu fi żminijiet eċċitanti. Issa iktar minn qatt qabel fl-​istorja, miljuni taʼ nies mill-​ġnus kollha qed iduru lejn il-​qima vera. (Riv. 7:9, 10) Ħafna żgħażagħ qed igawdu esperjenzi mill-​isbaħ hekk kif jgħinu lil oħrajn jifhmu veritajiet Bibliċi li jsalvaw il-​ħajjiet. (Riv. 22:17) Xi żgħażagħ qed jikkonduċu studji tal-​Bibbja, u b’hekk qed jgħinu lin-​nies itejbu ħajjithom. Oħrajn b’żelu qed iwasslu l-​aħbar tajba f’territorji taʼ lingwa barranija. (Salm 110:3; Is. 52:7) X’għandek tagħmel int biex ikollok sehem f’dan ix-​xogħol sodisfaċenti?

2. L-​eżempju taʼ Timotju kif juri li Ġeħova hu lest li jafda liż-​żgħażagħ b’responsabbiltajiet? (Ara l-​ewwel stampa.)

2 Bħala żagħżugħ jew żagħżugħa, tistaʼ tagħmel għażliet issa li iktar ’il quddiem se jwittulek it-​triq għal iktar opportunitajiet pjaċevoli fis-​servizz t’Alla. Pereżempju, jidher li Timotju għamel għażliet għaqlin li wassluh biex jirċievi inkarigu ħalli jaqdi bħala missjunarju meta kellu madwar 20 sena. (Atti 16:1-​3) Ftit xhur biss wara, l-​appostlu Pawlu kellu jitlaq mill-​kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet ifformata f’Tessalonika minħabba li qamet oppożizzjoni vjolenti. Pawlu fada liż-​żagħżugħ Timotju bl-​inkarigu li jerġaʼ jmur lura Tessalonika biex isaħħaħ lill-​aħwa. (Atti 17:5-​15; 1 Tess. 3:1, 2, 6) Tistaʼ timmaġina kif ħassu Timotju xħin irċieva dan l-​inkarigu?

L-​IKTAR DEĊIŻJONI IMPORTANTI TIEGĦEK

3. X’inhi l-​iktar deċiżjoni importanti li tistaʼ tieħu f’ħajtek, u meta tistaʼ tiħodha?

3 Issa hu l-​waqt li tieħu deċiżjonijiet importanti, issa li għadek żagħżugħ jew żagħżugħa. Imma hemm deċiżjoni li hi bil-​wisq iktar importanti mill-​oħrajn kollha—id-​deċiżjoni tiegħek li taqdi lil Ġeħova. Meta jkun l-​aħjar żmien biex tieħu din id-​deċiżjoni? Ġeħova jgħid: “Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.” (Ekk. 12:1) L-​uniku mod aċċettabbli kif tistaʼ ‘tiftakar’ f’Ġeħova hu billi taqdih bis-​sħiħ. (Dt. 10:12) Id-​deċiżjoni tiegħek li taqdi lil Alla b’qalbek kollha hi l-​iktar għażla importanti li qatt se tagħmel. Din se teffettwa l-​bqija taʼ ħajtek.—Salm 71:5.

4. Minbarra l-​għażla li taqdi lil Ġeħova, liema għażliet importanti oħra se jeffettwaw il-​mod kif taqdi lil Alla?

4 Naturalment, l-​għażla tiegħek biex taqdi lil Ġeħova mhix l-​unika għażla li teffettwa l-​futur tiegħek. Pereżempju, taf taħseb ukoll dwar jekk intix se tiżżewweġ, lil min se tiżżewweġ, u kif se taqlaʼ l-​ħobża taʼ kuljum. Dawn huma deċiżjonijiet vitali, imma jkun għaqli li l-​ewwel tagħżel jekk tridx taqdi lil Ġeħova b’qalbek kollha. (Dt. 30:19, 20) Għala? Għax l-​għażliet huma konnessi mill-​qrib maʼ xulxin. Dak li tiddeċiedi dwar iż-​żwieġ u l-​impjieg se jeffettwa l-​mod kif taqdi lil Alla. (Qabbel Luqa 14:16-​20.) Min-​naħa l-​oħra, ix-​xewqa tiegħek li taqdi lil Alla se teffettwa l-​għażliet tiegħek dwar iż-​żwieġ u l-​impjieg. Għalhekk, l-​ewwel iddeċiedi x’se jkun l-​iktar importanti f’ħajtek.—Flp. 1:10.

X’SE TAGĦMEL F’ŻGĦOŻITEK?

5, 6. Irrakkonta esperjenza li turi li meta tieħu deċiżjonijiet tajbin, dan jistaʼ jwassal għal esperjenzi mill-​isbaħ iktar ’il quddiem. (Ara wkoll l-​artiklu “Dak li għażilt bħala tifel” f’din il-​ħarġa.)

5 La tiddeċiedi li taqdi lil Alla, tistaʼ taħseb fil-​fond dwar x’inhu dak li jridek tagħmel, u tistaʼ tiddeċiedi kif se taqdih. Ħu Ġappuniż jikteb: “Meta kelli 14-​il sena, kont fil-​ministeru maʼ anzjan tal-​kongregazzjoni u dan induna li ma kontx qed nieħu pjaċir. B’ġentilezza qalli: ‘Mur id-​dar, Yuichiro. Oqgħod bilqiegħda u aħseb sew dwar dak li Ġeħova għamel għalik.’ Għamilt kif qalli. Infatti, bqajt naħseb u nitlob għal diversi ġranet. Bil-​mod il-​mod, l-​attitudni tiegħi tbiddlet. Ma domtx ma sibt li kont qed nieħu gost naqdi lil Ġeħova. Ħadt pjaċir naqra dwar il-​missjunarji, u bdejt naħseb bis-​serjetà dwar li naqdi iktar lil Alla.

6 “Iddeċidejt li nibda nieħu deċiżjonijiet li xi darba kienu se jgħinuni naqdi lil Ġeħova barra minn pajjiżi,” ikompli jgħid Yuichiro. “Pereżempju, għażilt li nitgħallem l-​Ingliż. Meta spiċċajt l-​iskola, għażilt li naħdem partajm bħala għalliem tal-​Ingliż ħalli nkun nistaʼ naqdi bħala pijunier. Meta kelli 20 sena, bdejt nitgħallem il-​Mongoljan u kelli l-​opportunità li nżur lil grupp taʼ pubblikaturi Mongoljani. Sentejn wara, fl-​2007, żort il-​Mongolja. Meta ħriġt fil-​ministeru maʼ xi pijunieri u rajt li ħafna nies kienu għatxana għall-​verità, ridt immur ngħix hemm ħalli nagħti daqqa t’id. Mort lura l-​Ġappun biex infassal il-​pjanijiet tiegħi. Ili naqdi bħala pijunier fil-​Mongolja minn April tal-​2008. Il-​ħajja hawn mhix kollha ward u żahar. Imma n-​nies qed jaċċettaw l-​aħbar tajba, u jien nistaʼ ngħinhom jersqu qrib taʼ Ġeħova. Inħoss li għażilt l-​aqwa tip taʼ ħajja.”

7. Xi trid tiddeċiedi għalik innifsek, u Mosè x’eżempju ħallielna?

7 Kulħadd għandu jiddeċiedi għalih innifsu kif se jqattaʼ ħajtu bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. (Ġoż. 24:15) Ma nistgħux ngħidulek jekk għandekx tiżżewweġ, lil min għandek tiżżewweġ, jew liema xogħol għandek tagħżel. Se tagħżel xogħol li jirrikjedi biss ftit taħriġ? Xi wħud minnkom, żgħażagħ Kristjani, tgħixu fi rħula foqra; oħrajn fi bliet sinjuri. Madwar id-​dinja, intom differenti ħafna fil-​personalità, l-​abbiltà, l-​esperjenza, l-​interessi, u l-​miri spiritwali. Abbli intom differenti daqskemm kienu differenti l-​Ebrej żgħażagħ fl-​Eġittu tal-​qedem miż-​żagħżugħ Mosè. Dan kellu l-​opportunitajiet kollha li kienu disponibbli fil-​palazz irjali, filwaqt li l-​Ebrej l-​oħra kienu lsiera. (Eżo. 1:13, 14; Atti 7:21, 22) L-​istess bħalek, huma għexu fi żminijiet eċċitanti ħafna. (Eżo. 19:4-​6) Kull wieħed u waħda minnhom kellu jiddeċiedi x’kien se jagħmel b’ħajtu. Mosè ħa d-​deċiżjoni t-​tajba.—Aqra Ebrej 11:24-​27.

8. X’għajnuna hi disponibbli għaż-​żgħażagħ li qed itellgħu u jniżżlu x’deċiżjonijiet se jieħdu fil-​ħajja?

8 Ġeħova jgħinek tagħmel għażliet għaqlin matul żgħożitek. Jagħtik pariri permezz taʼ prinċipji li tistaʼ tapplika fiċ-​ċirkustanzi persunali tiegħek. (Salm 32:8) Ukoll, il-​ġenituri Kristjani tiegħek u l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jistgħu jgħinuk tirraġuna fuq kif għandek tapplika dawn il-​prinċipji. (Prov. 1:8, 9) Ejja nikkunsidraw tliet prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinuk tieħu deċiżjonijiet tajbin issa.

TLIET PRINĊIPJI BIBLIĊI BIEX JIGGWIDAWK

9. (a) Ġeħova kif jonorak bil-​libertà tal-​għażla? (b) Liema opportunitajiet se jkollok jekk ‘tfittex l-​ewwel is-​saltna’?

9 Fittex l-​ewwel is-​Saltna t’Alla u s-​sewwa tiegħu. (Aqra Mattew 6:19-​21, 24-​26, 31-​34.) Ġeħova jonorak billi jagħtik il-​libertà tal-​għażla. Ma jgħidlekx li għandek tqattaʼ l-​ħin kollu tiegħek tipprietka dwar is-​Saltna. Imma Ġesù tana l-​prinċipju utli li nfittxu l-​ewwel is-​Saltna. Il-​mod kif tapplika dak li qal se jwittilek it-​triq għal opportunitajiet biex tesprimi mħabbtek lejn Alla, tħassib għall-​proxxmu, u apprezzament għat-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem. Hekk kif taħseb dwar iż-​żwieġ u l-​impjieg, ikkunsidra jekk l-​għażliet tiegħek hux se jġegħluk tinkwieta fuq il-​bżonnijiet materjali jew jekk hux se jagħtu prova taż-​żelu li għandek għas-​Saltna t’Alla u s-​sewwa tiegħu.

10. X’ferraħ lil Ġesù, u liema għażliet se jferrħu lilek?

10 Ikseb l-​hena f’li taqdi lil ħaddieħor. (Aqra Atti 20:20, 21, 24, 35.) Ġesù b’qalb tajba għallimna dan il-​prinċipju fundamentali tal-​ħajja. Kien raġel ferħan ħafna għax għamel ir-​rieda taʼ Missieru minflok m’għamel ir-​rieda tiegħu stess. Kienet l-​għaxqa taʼ Ġesù li jara n-​nies ġwejdin jaċċettaw l-​aħbar tajba. (Lq. 10:21; Ġw. 4:34) Forsi diġà esperjenzajt l-​hena li tikseb meta tgħin lil ħaddieħor. Jekk tibbaża d-​deċiżjonijiet kbar f’ħajtek fuq il-​prinċipji li għallem Ġesù, żgur li se tifraħ int kif ukoll tferraħ lil Ġeħova.—Prov. 27:11.

11. Baruk għala tilef il-​ferħ, u Ġeħova x’parir tah?

11 L-​akbar ferħ niksbuh billi naqdu lil Ġeħova. (Prov. 16:20) Is-​segretarju taʼ Ġeremija, Baruk, milli jidher nesa dan. Għal xi żmien, ma kienx għadu qed jieħu pjaċir jaqdi lil Ġeħova. Ġeħova qallu: “Int qed tfittex ħwejjeġ kbar għalik innifsek. Tibqax tfittixhom. Għax, ara, se nġib gwaj kbir fuq kull ħliqa tal-​laħam, . . . u lilek nagħtik ruħek bħala priża kulfejn tmur.” (Ġer. 45:3, 5) Int x’taħseb? X’kien se jferraħ lil Baruk—li jfittex ħwejjeġ kbar jew li jibqaʼ ħaj wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm bħala qaddej leali t’Alla?—Ġak. 1:12.

12. Liema għażla wasslet biex Ramiro jgawdi ħajja hienja?

12 Ħu li kiseb l-​hena milli jaqdi lil ħaddieħor jismu Ramiro. Hu jgħid: “Trabbejt f’familja fqira f’raħal fil-​Muntanji Andes. Għalhekk, meta ħija l-​kbir offra li jħallasli biex nattendi l-​università, din kienet opportunità kbira. Imma kont għadni kif tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u kont irċivejt offerta oħra—pijunier kien stidinni biex immur nipprietka miegħu ġo raħal żgħir. Mort hemmhekk, tgħallimt kif naqtaʼ x-​xagħar, u ftaħt ħanut biex naqlaʼ l-​għajxien bħala barbier. Hekk kif offrejna li ngħallmu lin-​nies l-​Iskrittura, ħafna wieġbu b’apprezzament. Maż-​żmien, isseħibt maʼ kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet ifformata b’lingwa indiġena. Ili naqdi bħala ministru fultajm dawn l-​aħħar 10 snin. L-​ebda impjieg ieħor ma setaʼ jagħtini l-​ferħ li nikseb hekk kif ngħin lin-​nies jistudjaw l-​aħbar tajba bi lsien pajjiżhom.”

Ramiro kiseb il-ferħ f’li jaqdi lil Ġeħova minn żgħożitu ’l quddiem (Ara paragrafu 12)

13. Iż-​żgħożija għala hi żmien tajjeb biex taqdi lil Ġeħova bis-​sħiħ?

13 Ħu pjaċir f’li taqdi lil Ġeħova matul żgħożitek. (Aqra Ekkleżjasti 12:1.) Taħsibx li bilfors irid ikollok xogħol tajjeb qabel ma tibda taqdi lil Ġeħova fultajm. Issa hu l-​aqwa żmien biex tibda taqdi lil Ġeħova b’qalbek kollha, qabel ma jkollok responsabbiltajiet tal-​familja. Int għandek is-​saħħa u l-​enerġija biex tieħu ħsieb inkarigi taʼ sfida. X’tixtieq tagħmel int għal Ġeħova matul żgħożitek? Forsi l-​mira tiegħek hi li tkun pijunier. Forsi tixtieq taħdem f’territorju taʼ lingwa barranija. Jew forsi tara xi modi kif tistaʼ taqdi iktar bis-​sħiħ fil-​kongregazzjoni tiegħek. Hi x’inhi l-​mira tiegħek fis-​servizz t’Alla, se jkollok bżonn mezz biex tmantni lilek innifsek. Kemm se jkollok bżonn taħriġ? X’se tagħżel?

IL-​PRINĊIPJI BIBLIĊI JGĦINUK TIEĦU DEĊIŻJONIJIET GĦAQLIN

14. Minn xiex għandek toqgħod attent meta tkun qed tfittex xogħol?

14 It-​tliet prinċipji Bibliċi li kkunsidrajna jistgħu jgħinuk tiddeċiedi liema xogħlijiet jistgħu jkunu tajbin għalik. Wisq probabbli, l-​għalliema tiegħek jew xi aġenziji tal-​gvern jafu liema xogħlijiet huma disponibbli fl-​inħawi tiegħek jew fl-​inħawi fejn tixtieq tmur taqdi. Dawn in-​nies jistgħu jkunu t’għajnuna—imma oqgħod attent. Nies li ma jħobbux lil Ġeħova jistgħu jipprovaw inaqqxu f’qalbek imħabba għad-​dinja. (1 Ġw. 2:15-​17) Meta tħares lejn dak li għandha x’toffri d-​dinja, qalbek faċilment tistaʼ tqarraq bik.—Aqra Proverbji 14:15; Ġer. 17:9.

15, 16. Min jistaʼ jagħtik pariri għaqlin dwar ix-​xogħol?

15 La tkun taf liema xogħlijiet huma disponibbli għalik, ikollok bżonn tieħu pariri prattiċi. (Prov. 1:5) Min jistaʼ jgħinek tuża l-​prinċipji Bibliċi biex tevalwa x-​xogħlijiet li huma disponibbli għalik? Ismaʼ min-​nies li jħobbu lil Ġeħova, iħobbu lilek, u jafu sew lilek u ċ-​ċirkustanzi tiegħek. Se jgħinuk tkun onest miegħek innifsek dwar x’kapaċi tagħmel u xi trid tagħmel. Forsi dak li jgħidu se jgħinek terġaʼ taħsibha dwar xi miri milli għandek. X’barka għandek jekk il-​ġenituri tiegħek iħobbu lil Ġeħova! Ukoll, l-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħek huma rġiel spiritwali u kwalifikati li jistgħu jiggwidawk. Barra minn hekk, tkellem maʼ pijunieri u indokraturi li jivvjaġġaw. Għala għażlu li jidħlu fis-​servizz fultajm? Kif bdew jaqdu bħala pijunieri, u kif imantnu lilhom infushom? X’sodisfazzjon jiksbu mill-​ministeru tagħhom?—Prov. 15:22.

16 Dawk li jafuk sew jistgħu jagħtuk pariri għaqlin. Pereżempju, ejja ngħidu li trid titlaq mill-​iskola sekondarja qabel iż-​żmien u tibda taqdi bħala pijunier jew pijuniera għas-​sempliċi raġuni li ma tħobbx ix-​xogħol iebes li ġġib magħha l-​iskola. Xi ħadd li jħobbok abbli jinduna x’inhu l-​motiv tiegħek u jgħinek tirrealizza li l-​iskola tistaʼ tgħinek titgħallem kif ma taqtax qalbek malajr, kwalità vitali jekk trid taqdi lil Ġeħova bis-​sħiħ.—Salm 141:5; Prov. 6:6-​10.

17. Liema deċiżjonijiet għandek tevita?

17 Kull min jaqdi lil Ġeħova se jħabbat wiċċu maʼ perikli spiritwali—influwenzi li jistgħu jbegħduh minn Ġeħova. (1 Kor. 15:33; Kol. 2:8) Imma xi tipi taʼ xogħol jistgħu jkunu iktar perikolużi spiritwalment minn xogħlijiet oħra. Probabbli nnotajt li xi wħud esperjenzaw “nawfraġju fil-​fidi tagħhom” wara li għażlu tip taʼ xogħol partikulari. (1 Tim. 1:19) Ikun għaqli jekk tevita deċiżjonijiet li jistgħu jipperikolaw ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla.—Prov. 22:3.

GAWDI L-​FATT LI INT KRISTJAN ŻAGĦŻUGĦ

18, 19. Jekk għad m’għandekx ħajra taqdi lil Ġeħova fultajm, x’għandek tagħmel?

18 Jekk kabbart xewqa f’qalbek biex taqdi lil Ġeħova, gawdi l-​opportunitajiet li jiġu milli tkun qaddej żagħżugħ t’Alla. Agħmel għażliet li bis-​saħħa tagħhom tkun tistaʼ tieħu pjaċir taqdi lil Ġeħova f’dawn iż-​żminijiet eċċitanti.—Salm 148:12, 13.

19 Mill-​banda l-​oħra, x’għandek tagħmel jekk għad m’għandekx ħajra taqdi lil Ġeħova fultajm? Tiqafx tipprova ssaħħaħ il-​fidi tiegħek. Wara li l-​appostlu Pawlu ddeskriva x’għamel biex ikun imbierek minn Alla, hu kiteb: “Jekk intom b’xi mod taħsbuha differenti, Alla se jirrivelalkom l-​attitudni xierqa. Għalhekk, għamilna kemm għamilna progress, ejjew inkomplu mexjin bl-​ordni b’din l-​istess rutina.” (Flp. 3:15, 16) Tinsiex li Ġeħova jħobbok, u ibqaʼ agħti kas il-​pariri għaqlin tiegħu. Iktar minn kwalunkwe persuna oħra, Ġeħova jistaʼ jgħinek tagħmel għażliet għaqlin matul żgħożitek.