Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Ara s-sbuħija ta’ Ġeħova’

‘Ara s-sbuħija ta’ Ġeħova’

Iċ-ċirkustanzi taʼ niket jistaʼ jkollhom impatt terribbli fuqna. Nistgħu l-ħin kollu naħsbu fihom, u dawn jistgħu jixorbulna saħħitna, u jeffettwaw il-mod kif inħarsu lejn il-ħajja. Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem għadda minn ħafna tbatijiet. Kif iffaċċjahom? F’salm li jmiss il-qalb, David iwieġeb: “B’leħni sejjaħt lil Ġeħova għall-għajnuna; b’leħni bdejt ngħajjat lil Ġeħova għall-ħniena. Quddiemu bqajt inferraʼ t-tħassib tiegħi; lilu għedt dwar in-niket tiegħi, meta l-ispirtu tiegħi nfena fija. Dakinhar int kont taf triqti.” Iva, bl-umiltà, David talab lil Alla għall-għajnuna.—Salm 142:1-3.

Matul żminijiet taʼ prova, David talab bl-umiltà lil Ġeħova għall-għajnuna

F’salm ieħor, David kanta: “Ħaġa waħda tlabt mingħand Ġeħova—lilha se nfittex, li ngħammar fid-dar taʼ Ġeħova l-jiem kollha taʼ ħajti, biex nara s-sbuħija taʼ Ġeħova u biex inħares b’apprezzament lejn it-tempju tiegħu.” (Salm 27:4) David ma kienx Levita, imma immaġinah bilwieqfa barra l-bitħa qaddisa qrib it-tabernaklu, iċ-ċentru tal-qima vera. Qalb David tant hi mimlija gratitudni li jkun irid iqattaʼ l-bqija taʼ jiemu hemmhekk, u b’hekk ‘jara s-sbuħija taʼ Ġeħova.’

Il-kelma “sbuħija” hi assoċjata maʼ xi ħaġa li “togħġob il-moħħ, is-sentimenti, jew is-sensi, u tkun sabiħa għalihom.” David dejjem ħares b’apprezzament lejn l-arranġament taʼ qima t’Alla. Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Inħossni jien kif ħassu David?ʼ

‘ĦARES B’APPREZZAMENT LEJN’ L-ARRANĠAMENT T’ALLA

Fi żmienna, l-arranġament taʼ Ġeħova biex nersqu lejh mhuwiex ċentrat fuq xi struttura fiżika. Minflok, jinvolvi t-tempju spiritwali u kbir t’Alla—l-arranġament sagru tal-qima vera. * Jekk ‘inħarsu b’apprezzament lejn’ dan l-arranġament, aħna wkoll inkunu nistgħu ‘naraw is-sbuħija taʼ Ġeħova.’

Ikkunsidra l-artal tar-ram aħmar tal-offerta tal-ħruq li kien wieqaf quddiem id-daħla tat-tabernaklu. (Eżo. 38:1, 2; 40:6) Dan l-artal irrappreżenta l-fatt li Alla kien lest li jaċċetta l-ħajja umana taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju. (Ebr. 10:5-10) Aħseb dwar xi jfisser dan għalina! L-appostlu Pawlu kiteb: “Meta konna għedewwa, erġajna tħabbibna m’Alla permezz tal-mewt taʼ Ibnu.” (Rum. 5:10) Billi neżerċitaw il-fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù, aħna nistgħu ngawdu l-approvazzjoni u l-fiduċja li jiġu milli nkunu ħbieb t’Alla. Minħabba f’hekk, nesperjenzaw “l-intimità maʼ Ġeħova.”—Salm 25:14.

Peress li ‘dnubietna jitħassrulna,’ nesperjenzaw “staġuni taʼ serħan mingħand Ġeħova.” (Atti 3:19) Is-sitwazzjoni tagħna hi simili għal dik taʼ ħabsi li jiddispjaċih minn dak li għamel qabel u jagħmel bidliet drastiċi hekk kif jistenna l-esekuzzjoni tiegħu. Meta jara dan, imħallef ġust u ħanin jitqanqal biex iħalli lill-ħabsi jibda paġna ġdida billi jneħħilu s-sentenza tal-mewt. Min jaf kemm il-ħabsi jħoss serħan il-moħħ u jkun se jtir bil-ferħ! Bħal dak l-imħallef, Ġeħova juri l-approvazzjoni tiegħu lejn il-bnedmin li jindmu u jneħħilhom il-kundanna tal-mewt.

TGĦAXXAQ BIL-QIMA VERA

Fost l-aspetti tal-qima vera li David setaʼ josserva fid-dar taʼ Ġeħova kien hemm il-ġbir taʼ  folol kbar taʼ sħabu l-Iżraelin, il-qari u l-ispjegazzjoni tal-Liġi fil-pubbliku, il-ħruq tal-inċens, u l-għoti taʼ servizz sagru mill-qassisin u mil-Leviti. (Eżo. 30:34-38; Num. 3:5-8; Dt. 31:9-12) Dawn l-aspetti tal-qima vera f’Iżrael tal-qedem jagħtu stampa bil-quddiem taʼ xi affarijiet fi żmienna.

Fi żmienna, bħal fl-imgħoddi, “kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħammru flimkien f’unità!” (Salm 133:1) Żieda fenomenali seħħet fil-“fratellanza kollha” tagħna madwar id-dinja. (1 Pt. 2:17) Il-Kelma t’Alla tinqara u tiġi spjegata pubblikament fil-laqgħat tagħna. Permezz tal-organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova pprovda programm abbundanti taʼ istruzzjoni. Hemm ukoll ħafna ikel spiritwali li hu disponibbli permezz taʼ pubblikazzjonijiet stampati biex nużawhom fl-istudju persunali tagħna u bħala familja. Membru mill-Ġemgħa li Tiggverna qal: “Li nimmedita dwar il-Kelma taʼ Ġeħova, li nirrifletti fuq it-tifsira tagħha, u li nfittex id-dehen u l-fehma mlewli ħajti b’rikkezzi u b’kuntentizza spiritwali.” Iva, ‘ruħek tistaʼ tibda tieħu pjaċir bl-għarfien.’—Prov. 2:10.

Illum, it-talb aċċettabbli tal-qaddejja t’Alla jinstemaʼ minn Ġeħova kuljum. Għal Ġeħova, dan it-talb hu bħar-riħa pjaċevoli tal-inċens li jfuħ ħafna. (Salm 141:2) Kemm nieħdu pjaċir nirrealizzaw li Alla Ġeħova jitgħaxxaq bina meta nersqu lejh b’talb umli!

Mosè talab: “Ħa tkun fuqna s-sbuħija taʼ Ġeħova Alla tagħna, u xogħol idejna stabbilih fis-sod għalina.” (Salm 90:17) Hekk kif inwettqu l-ministeru tagħna biż-żelu, Ġeħova jbierek xogħolna. (Prov. 10:22) Forsi għenna lil xi wħud biex jitgħallmu l-verità. Forsi ssaportejna fil-ministeru għal bosta snin minkejja l-apatija, is-saħħa batuta, l-uġigħ emozzjonali, jew il-persekuzzjoni. (1 Tess. 2:2) Minkejja dan, ma rajniex aħna “s-sbuħija taʼ Ġeħova” u rrealizzajna li Missierna tas-sema jieħu pjaċir ħafna bl-isforzi tagħna?

David kanta: “Ġeħova huwa s-sehem tiegħi, u l-kies tiegħi jimlihuli sew. Sehmi fil-ħajja int iżżommu tajjeb f’idejk. Jien kuntent bil-postijiet li messni bil-ħbula tal-kejl.” (Salm 16:5, 6) David kien grat għas-“sehem” tiegħu, jiġifieri, li jkollu relazzjoni approvata maʼ Ġeħova u li jkollu l-privileġġ li jaqdih. Bħal David, forsi nsofru xi tbatijiet, imma tinsewx, ara kemm għandna barkiet spiritwali! Għalhekk, ejja nkomplu nitgħaxxqu bil-qima vera u dejjem ‘inħarsu b’apprezzament lejn it-tempju’ spiritwali taʼ Ġeħova.

^ par. 6 Ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Lulju, 1996, paġni 21-32.