Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nieħdu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-żmien

Nieħdu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-żmien

“Ulied ċkejknin, ħa ma nħobbu la bil-kliem u lanqas bl-ilsien, imma bl-għemil u l-verità.”1 ĠW. 3:18.

1, 2. (a) Liema sfidi jiffaċċjaw ħafna familji, u dawn x’mistoqsijiet iqajmu? (b) Il-ġenituri u t-tfal kif jistgħu jkunu preparati għal bidliet fiċ-ċirkustanzi?

JISTAʼ jkun taʼ qsim il-qalb meta tirrealizza li l-ġenituri tiegħek, li darba kienu b’saħħithom u indipendenti, m’għadhomx kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Forsi ommok jew missierek waqaʼ u kiser ġenbu, tħawwad u ħareġ minn daru u ntilef, jew għandu marda serja. Min-naħa l-oħra, dawk imdaħħlin fiż-żmien forsi jsibuha diffiċli jaċċettaw li bidliet fiżiċi jew ċirkustanzi oħra issa jillimitaw l-indipendenza tagħhom. (Ġob 14:1) X’nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom?

2 Artiklu dwar kif tgħin lil dawk avanzati fl-età qal li għalkemm jistaʼ jkun diffiċli li jitkellmu dwar il-problemi tax-xjuħija, familji li jippjanaw bil-quddiem se jkunu preparati aħjar biex jagħmlu għażliet tajbin meta jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-kura tas-saħħa. Irridu nirrealizzaw li l-problemi tax-xjuħija ma jistgħux jiġu evitati. Għalhekk hu importanti ferm li bħala familja jippreparaw minn qabel. Il-familji kif jistgħu jaħdmu flimkien bl-imħabba biex jieħdu dawn id-deċiżjonijiet diffiċli?

KIF TIPPJANAW GĦAL “JIEM L-GĦALI”

3. Xi familji x’għandhom mnejn ikollhom jagħmlu meta ġenituri avanzati fl-età jibdew ikollhom bżonn iktar għajnuna? (Ara l-ewwel stampa.)

3 Jasal iż-żmien meta l-biċċa l-kbira minn dawk imdaħħlin  fiż-żmien ma jkunux għadhom jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom sew; ikollhom bżonn l-għajnuna. (Aqra Ekkleżjasti 12:1-7.) Meta jiġri hekk, ġenituri avanzati fl-età u wliedhom għandhom jiddeċiedu flimkien liema għajnuna tkun l-aħjar għalihom u x’jaffordjaw. Ikun għaqli jekk jiltaqgħu flimkien bħala familja u jiddiskutu liema għajnuna hi meħtieġa, kif din l-għajnuna se tingħata, u kif kulħadd jistaʼ jikkoopera. Ilkoll għandhom jistinkaw biex ikunu realistiċi u jikkomunikaw bil-miftuħ. Jistgħu l-ġenituri jkomplu jgħixu waħedhom fis-sigurtà? * Tkellmu dwar x’jistaʼ jagħmel kull individwu biex il-ġenituri jingħataw l-għajnuna li jeħtieġu. (Prov. 24:6) Pereżempju, xi wħud forsi jkunu jistgħu jieħdu ħsiebhom kuljum filwaqt li oħrajn ikunu jistgħu jagħtu għajnuna finanzjarja. Kulħadd għandu jkun jaf x’inhu l-irwol tiegħu, imma maż-żmien, ir-responsabbiltajiet jistgħu jinbidlu jew il-familja forsi tiddeċiedi li ċerti responsabbiltajiet jieħdu ħsiebhom darba kull wieħed.

4. Il-membri tal-familja mingħand min jistgħu jiksbu l-għajnuna?

4 Jekk xi ħadd mill-ġenituri hu marid u int tibda tieħu ħsiebu, ħu l-ħin biex titgħallem kemm tistaʼ dwar il-marda tiegħu. Jekk hu, jew hi, għandu marda li se tkompli tmur għall-agħar, sir af x’tistaʼ tistenna iktar ’il quddiem. (Prov. 1:5) Ikkuntattja l-uffiċċji tal-gvern fl-inħawi tiegħek li jipprovdu servizzi għal dawk imdaħħlin fiż-żmien. Sir af liema servizzi jistgħu jgħinu lill-ġenituri tiegħek jingħataw kura aħjar jew li jistgħu jagħmluha iktar faċli għalik biex tieħu ħsiebhom. Hekk kif taħseb dwar dawn il-bidliet diffiċli, forsi tibda tħossok imnikket ħafna, ixxokkjat, jew konfuż. F’dawn il-mumenti, esprimi ruħek maʼ ħabib fdat. U fuq kollox, iftaħ qalbek maʼ Ġeħova. Hu jistaʼ jagħtik il-paċi tal-moħħ li se tgħinek tkampa maʼ kwalunkwe sitwazzjoni.—Salm 55:22; Prov. 24:10; Flp. 4:6, 7.

5. Għala hi idea tajba li nitgħallmu minn qabel dwar x’għajnuniet hemm disponibbli?

5 Hi idea tajba jekk dawk imdaħħlin fiż-żmien u l-familji tagħhom jitgħallmu minn qabel dwar x’għajnuniet hemm disponibbli. Pereżempju, forsi jsiru jafu jekk hux prattiku li ġenitur imur jgħix maʼ ibnu jew bintu, imur jgħix f’dar tal-anzjani, jew jagħmel għażla oħra li tkun disponibbli. B’dan il-mod, il-familji jistgħu jippreparaw għall-“inkwiet u l-uġigħ” li ġġib magħha x-xjuħija. (Salm 90:10) Familji li ma jagħmlux pjanijiet forsi jkollhom jieħdu deċiżjonijiet bl-għaġla meta l-problemi eventwalment jinqalgħu. Wieħed espert jgħid li dan kważi dejjem “ikun l-agħar ħin possibbli biex tittieħed deċiżjoni bħal din.” Meta d-deċiżjonijiet ikollhom jittieħdu taʼ malajr, membri tal-familja forsi jkunu stressati u ma jaqblux fuq x’għandu jsir. Madankollu, meta nippjanaw bil-quddiem, ikun iktar faċli biex naċċettaw il-bidliet.—Prov. 20:18.

6. Għala hu t’għajnuna li nitkellmu dwar fejn u kif il-ġenituri mdaħħlin fiż-żmien se jgħixu hekk kif jikbru?

6 Forsi tħossha bi tqila biex titkellem mal-ġenituri tiegħek dwar li jagħmlu bidliet f’darhom jew dwar il-bżonn li xi darba jmorru joqogħdu xi mkien ieħor. Però, ħafna qalu li dawn il-konversazzjonijiet għenuhom iktar ’il quddiem. Għala? Għax hu iktar faċli li wieħed jitkellem dwar kwistjonijiet diffiċli, jismaʼ b’rispett, u jagħmel pjanijiet prattiċi qabel ma jqumu l-problemi. F’ambjent rilassat li fih il-membri tal-familja jistgħu jgħidu bil-miftuħ x’inhuma l-preferenzi tagħhom, se jħossuhom eqreb taʼ xulxin u se jiftakru fl-imħabba taʼ bejniethom. Uħud akbar fl-età forsi jkunu jridu jibqgħu jgħixu waħedhom kemm jistgħu. Meta l-ġenituri  jitkellmu maʼ wliedhom dwar x’tip t’għajnuna jippreferu, dan se jgħin lil kulħadd jekk ikollhom jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn.

7, 8. Familji x’għandhom jiddiskutu, u għala?

7 Ġenitur, waqt diskussjoni bħal din, għid lil familtek x’tixtieq int, kemm tiflaħ toħroġ flus, u liema għażliet tippreferi. Imbagħad, jekk xi darba ma tkunx tistaʼ tiddeċiedi għalik innifsek, huma jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjoni li tixtieq int. X’aktarx li se jkunu jridu jirrispettaw ix-xewqat tiegħek u jagħmlu kulma jistgħu biex tkun tistaʼ tibqaʼ indipendenti. (Efes. 6:2-4) Pereżempju, tistenna int li xi ħadd minn uliedek jistiednek tmur tgħix miegħu? Jew qed tistenna xi ħaġa oħra? Kun realistiku u rrikonoxxi li mhux kulħadd forsi jaħsibha bħalek, u li jieħu ż-żmien biex kemm int kif ukoll uliedek taġġustaw il-ħsib tagħkom.

8 Meta nippjanaw u nikkomunikaw sew, nistgħu nevitaw ħafna problemi. (Prov. 15:22) Iddiskuti mal-familja tiegħek dwar il-kura tas-saħħa u l-preferenzi tiegħek. Għandkom tużaw l-informazzjoni fil-Prokura għall-Kura tas-Saħħa li għandhom ix-Xhieda taʼ Ġeħova meta jkollkom dawn il-konversazzjonijiet. Kull individwu għandu dritt ikun jaf dwar x’kuri hemm disponibbli, u għandu dritt jaċċetta jew jirrifjuta l-kura. Direttiva Medika bil-Quddiem turi x’inhuma x-xewqat tal-persuna. Jekk tagħżel lil xi ħadd li tafda biex jieħu ħsieb il-Prokura għall-Kura tas-Saħħa tiegħek se jkun jistaʼ jieħu d-deċiżjonijiet xierqa għalik jekk ikun hemm bżonn. Dawk involuti għandhom ikollhom kopja tal-Prokura għall-Kura tas-Saħħa fil-każ li jkun hemm bżonnha. Xi wħud iżommu kopja tagħha mat-testment tagħhom u dokumenti importanti oħra dwar l-assigurazzjoni, il-finanzi, u kuntatti maʼ uffiċċji tal-gvern, u affarijiet oħra bħal dawn.

KIF TKAMPAW MAʼ BIDLIET FIĊ-ĊIRKUSTANZI

9, 10. Il-ġenituri meta forsi jkollhom bżonn iktar għajnuna mingħand uliedhom?

9 Spiss, il-ġenituri u l-ulied ikunu jridu li dawk imdaħħlin fiż-żmien jibqgħu indipendenti kemm jistaʼ jkun. Forsi jkunu għadhom kapaċi jsajru, inaddfu, jieħdu l-mediċina, u jikkomunikaw sew. B’hekk, uliedhom forsi ma jkollhomx għalfejn ikunu involuti żżejjed fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum. Madankollu, hekk kif jgħaddi ż-żmien, jekk isir diffiċli għall-ġenituri biex jimxu, jekk ma jkunux jistgħu jmorru jixtru, jew jekk jibdew jinsew ħafna iktar mis-soltu, it-tfal forsi jkollhom jagħmlu aġġustamenti.

10 Dawk imdaħħlin fiż-żmien jistgħu jibdew iħossuhom konfużi jew dipressi. Jistgħu jibdew jitilfu s-smigħ, il-vista, il-memorja, jew ikollhom diffikultà biex jużaw it-tojlit. Malli tinnota problemi taʼ saħħa bħal dawn, fittex l-għajnuna medika. It-tfal forsi jkollhom jieħdu r-responsabbiltà  huma biex jagħmlu appuntament għand it-tabib u anki f’oqsma oħra iktar persunali. Biex jagħmlu ċert li l-ġenituri jingħataw l-aqwa għajnuna possibbli, l-ulied forsi jkollhom jitkellmu għan-nom tagħhom, jgħinuhom jieħdu ħsieb ittri u dokumenti, jiħduhom għal appuntamenti, u affarijiet oħra bħal dawn.—Prov. 3:27.

11. X’jistaʼ jsir biex ikun iktar faċli għall-ġenituri biex jaġġustaw ruħhom għall-bidliet?

11 Jekk il-ġenituri tiegħek għandhom problemi taʼ saħħa li huma permanenti, forsi jkollok tagħmel xi bidliet fl-għajnuna li tingħata jew fid-dar tagħhom. Iktar ma jkunu żgħar il-bidliet, x’aktarx li iktar se jkun faċli biex jaġġustaw ruħhom. Jekk tgħix ’il bogħod mill-ġenituri tiegħek, ikun biżżejjed jekk Xhud ieħor jew xi ġar iżurhom fuq bażi regulari u mbagħad jgħidlek kif sejrin il-ġenituri? Jirrikjedu biss xi għajnuna fit-tisjir u t-tindif? B’xi tibdil żgħir fid-dar, jistaʼ jkun iktar faċli u sigur biex ikunu jistgħu jiċċaqalqu, jinħaslu, u affarijiet oħrajn bħal dawn? Forsi kulma hemm bżonn hu li xi ħadd imur jgħinhom fid-dar biex jibqgħu jgħixu waħedhom. Madankollu, jekk se jkunu fil-periklu waħedhom, ikun hemm bżonn t’għajnuna iktar permanenti. Hi x’inhi s-sitwazzjoni, sir af liema servizzi huma disponibbli lokalment. *—Aqra Proverbji 21:5.

KIF XI WĦUD IKAMPAW MAL-ISFIDA

12, 13. Xi tfal adulti li jgħixu ’l bogħod mill-ġenituri tagħhom kif komplew jonorawhom u jieħdu ħsiebhom?

12 Ulied li jħobbu lill-ġenituri tagħhom iriduhom ikunu komdi. It-tfal ikollhom moħħhom mistrieħ meta jkunu jafu li hemm min qed jieħu ħsiebhom. Madankollu, ħafna tfal adulti ma jgħixux viċin il-ġenituri tagħhom. F’każi bħal dawn, xi wħud jużaw il-vaganzi biex iżuruhom u jgħinuhom fil-bżonnijiet tagħhom, billi jagħmlu affarijiet li l-ġenituri m’għadhomx jistgħu jagħmlu. Telefonati regulari—saħansitra kuljum jekk ikun possibbli—ittri, jew e-mails jaċċertaw lill-ġenituri li huma maħbubin.—Prov. 23:24, 25.

13 Anki jekk il-familja tiegħek toqgħod ’il bogħod, se jkollok tiddeċiedi liema għajnuna jeħtieġu kuljum il-ġenituri tiegħek. Jekk ma tgħixx viċin tagħhom u l-ġenituri tiegħek huma Xhieda, tistaʼ tkellem lill-anzjani tal-kongregazzjoni tagħhom, u titlobhom is-suġġerimenti tagħhom. U tinsiex titlob dwar il-kwistjoni. (Aqra Proverbji 11:14.) Anki jekk il-ġenituri tiegħek mhumiex Xhieda, għandek ‘tonora lil missierek u lil ommok.’ (Eżo. 20:12; Prov. 23:22) Huwa minnu li mhux il-familji kollha se jieħdu l-istess deċiżjonijiet. Xi wħud jirranġaw biex ġenitur imdaħħal fiż-żmien imur jgħix magħhom jew eqreb lejhom. Però, dan ma jkunx dejjem possibbli. Xi ġenituri jippreferu ma jgħixux mat-tfal adulti tagħhom u l-familji tagħhom; huma jgħożżu l-indipendenza tagħhom u ma jridux ikunu taʼ piż. Xi wħud għandhom mnejn jaffordjaw—u forsi jippreferu—li jħallsu biex xi ħadd jieħu ħsiebhom waqt li jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom.—Ekk. 7:12.

14. Xi problemi jistgħu jiffaċċjaw dawk li jagħtu l-iktar għajnuna?

14 F’ħafna familji, l-iben jew il-bint li toqgħod l-eqreb tal-ġenituri donnha tkun l-iktar waħda li tieħu ħsiebhom. Iżda dawk li jagħtu l-iktar għajnuna jridu jibbilanċjaw il-bżonnijiet tal-ġenituri mal-bżonnijiet tal-familja tagħhom stess. Kull individwu għandu l-limiti tiegħu kemm jiflaħ jagħti ħin u enerġija. U forsi s-sitwazzjoni taʼ dan l-individwu tinbidel, u b’hekk ikun hemm bżonn li l-arranġamenti jerġgħu jiġu diskussi. Hemm forsi membru tal-familja li qed jerfaʼ wisq responsabbiltajiet? Jistgħu t-tfal l-oħrajn  jagħmlu iktar, bħal pereżempju jieħdu ħsieb il-ġenituri darba kull wieħed?

15. Dawk li jagħtu l-iktar għajnuna kif jistgħu jevitaw li jħossuhom eżawriti fiżikament u mentalment?

15 Meta ġenitur avanzat fl-età jkollu bżonn min jieħu ħsiebu l-ħin kollu, hemm il-periklu li l-individwu li jkun qed jgħinu l-iktar iħossu eżawrit fiżikament u mentalment. (Ekk. 4:6) Tfal li jħobbu lill-ġenituri tagħhom iridu jagħmlu kulma jistgħu għalihom, imma dan jistaʼ jsir wisq taʼ piż għalihom. Dawk li jieħdu ħsieb il-ġenituri kontinwament iridu jkunu realistiċi u forsi jkollhom jitolbu għall-għajnuna. Daqqa t’id minn żmien għal żmien jistaʼ jagħmilha possibbli biex ikomplu jagħtu l-għajnuna mingħajr ma jużaw dar tal-anzjani.

16, 17. It-tfal liema sfidi għandhom mnejn jiffaċċjaw waqt li jkunu qed jieħdu ħsieb ġenituri mdaħħlin fiż-żmien, u kif jistgħu jkampaw? (Ara wkoll il-kaxxa “Tieħu ħsiebhom mill-qalb.”)

16 Hu taʼ niket meta tara l-effetti taʼ wġigħ tax-xjuħija fuq ġenituri maħbubin. Ħafna minn dawk li jieħdu ħsiebhom iħossuhom qalbhom sewda, ansjużi, frustrati, irrabjati, ħatjin, jew saħansitra mimlijin imrar. Kultant, ġenitur imdaħħal fiż-żmien forsi jgħid xi ħaġa li tweġġaʼ jew juri nuqqas t’apprezzament. Jekk jiġri hekk, tgħaġġilx biex tieħu għalik. Espert tas-saħħa mentali jgħid li meta nħossuna mnikktin, l-ewwel irridu nammettu li għandna dawn is-sentimenti u mbagħad nipprovaw ma nħossuniex ħatjin minħabba fihom. Tkellem mar-raġel jew il-mara tiegħek, membru ieħor tal-familja, jew ħabib fdat dwar dan. Konversazzjonijiet bħal dawn jistgħu jgħinuk tifhem is-sentimenti tiegħek u tkun bilanċjat.

17 Forsi jasal iż-żmien meta ma jkunx għadu possibbli li tkompli tieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ xi ħadd maħbub id-dar. Il-familja għandha mnejn tiddeċiedi li l-persuna għandha bżonn l-għajnuna taʼ xi dar tal-anzjani. Oħt Kristjana kienet iżżur lil ommha f’dar tal-anzjani kważi kuljum. Hi tgħid: “Lil ommi ma stajniex nagħtuha l-kura li kellha bżonn 24 siegħa kuljum. Ma kienx faċli biex nieħdu d-deċiżjoni li kellha bżonn tmur f’dar tal-anzjani. Emozzjonalment kienet diffiċli ferm. Madankollu, kienet l-aħjar soluzzjoni għaliha fl-aħħar xhur taʼ ħajjitha, u hi aċċettat dan.”

18. Dawk li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom minn xiex jistgħu jkunu ċerti?

18 Ir-responsabbiltajiet taʼ li tieħu ħsieb il-ġenituri tiegħek li jkunu qed jikbru fl-età jistgħu jkunu komplikati u diffiċli emozzjonalment. Meta tkun qed tieħu ħsieb lil dawk avanzati fl-età, m’hemmx soluzzjonijiet li huma tajbin għal kulħadd. Iżda, jekk tippjana bir-reqqa, tikkoopera mal-familja, tikkomunika sew u, fuq kollox, titlob lil Ġeħova, tkun tistaʼ twettaq ir-responsabbiltà li għandek biex tonora lill-maħbubin tiegħek. Meta tagħmel hekk, tistaʼ tkun sodisfatt għax qed tagħtihom l-għajnuna u l-attenzjoni li jeħtieġu. (Aqra l-1 Korintin 13:4-8.) L-iktar importanti hu li se jkollok il-paċi tal-moħħ u l-barka taʼ Ġeħova.—Flp. 4:7.

^ par. 3 F’xi kulturi huwa normali li l-ġenituri jgħixu mat-tfal adulti tagħhom u forsi dan ikun preferut.

^ par. 11 Jekk il-ġenituri tiegħek għadhom jgħixu waħedhom, agħmel ċert li dawk li tafdahom biex jieħdu ħsiebhom għandhom iċ-ċavetta biex jidħlu fid-dar tal-ġenituri f’każ t’emerġenza.