Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imita l-fidi ta’ Mosè

Imita l-fidi ta’ Mosè

“Bil-fidi Mosè, meta kiber, ma riedx jissejjaħ bin bint il-Fargħun.”EBR. 11:24.

1, 2. (a) Fl-età t’40 sena, Mosè ħa liema deċiżjoni? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Mosè għala għażel li jiġi trattat ħażin mal-poplu t’Alla?

MOSÈ kien jaf x’tip taʼ futur setaʼ jkollu fl-Eġittu. Hu ra d-djar kbar u lussużi tal-għonja. Kien ġie adottat mill-familja tas-sultan. Hu “kien istruwit fl-għerf kollu taʼ l-Eġizzjani,” li x’aktarx inkluda l-arti, l-astronomija, il-matematika, u xjenzi oħrajn. (Atti 7:22) Kien ikun faċli ħafna għalih li jkollu l-flus, il-qawwa, u l-privileġġi li Eġizzjan komuni setaʼ biss joħlom bihom!

2 Però, meta Mosè kellu 40 sena, hu ħa deċiżjoni li żgur ma setgħux jifhmuha l-familja rjali Eġizzjana li kienet adottatu. Hu lanqas il-ħajja “normali” t’Eġizzjan komuni m’għażel, imma ħajja fost l-ilsiera! Għala? Għax Mosè kellu l-fidi. (Aqra Ebrej 11:24-26.) Minħabba l-fidi tiegħu, kien bħallikieku Mosè setaʼ jara lil Ġeħova. Hu kellu fidi f’“Dak li hu inviżibbli” u fit-twettiq tal-wegħdi t’Alla.Ebr. 11:27.

3. Liema tliet mistoqsijiet se jiġu mweġbin f’dan l-artiklu?

3 Bħal Mosè, aħna għandna bżonn l-għajnejn tal-fidi biex ma narawx biss dak li għandha x’toffri d-dinja imma biex naraw lil Ġeħova. Irridu nkunu “t-tip li għandna l-fidi.” (Ebr. 10:38, 39) Biex niġu megħjunin insaħħu l-fidi tagħna, ejja neżaminaw dak li hemm miktub dwar Mosè f’Ebrej 11:24-26. Hekk kif nagħmlu dan, fittex it-tweġibiet taʼ dawn il-mistoqsijiet:  Il-fidi kif qanqlet lil Mosè biex jiċħad ix-xewqat tal-laħam? Meta ffaċċja l-oppożizzjoni, il-fidi kif għenitu biex japprezza l-privileġġ li kellu li jaqdi lil Ġeħova? U Mosè għala “ħares fiss lejn il-ħlas tal-premju”?

HU ĊAĦAD IX-XEWQAT TAL-LAĦAM

4. Mosè xi rrikonoxxa dwar ‘it-tgawdija tad-dnub’?

4 Bl-għajnejn tal-fidi, Mosè rrikonoxxa li ‘t-tgawdija tad-dnub’ kienet temporanja. Oħrajn għandhom mnejn irraġunaw li avolja l-Eġittu kien miżgħud bl-idolatrija u l-ispiritiżmu, kien sar qawwa dinjija, filwaqt li n-nies taʼ Ġeħova kienu qed isofru bħala lsiera! Iżda Mosè kien jaf li Alla setaʼ jbiddel l-affarijiet. Għalkemm dawk li ffokaw fuq li jissodisfaw ix-xewqat tagħhom stess donnhom kienu qed jirnexxu, Mosè kien fiduċjuż li dawk mill-agħar kienu se jinqerdu. Minħabba f’hekk, hu ma ġiex imħajjar mit-“tgawdija temporanja tad-dnub.”

5. X’se jgħinna nirreżistu “t-tgawdija temporanja tad-dnub”?

5 Kif tistaʼ tirreżisti “t-tgawdija temporanja tad-dnub”? Qatt tinsa li l-pjaċir li jġib miegħu d-dnub jgħaddi malajr. Bl-għajnejn tal-fidi, ara li “d-dinja [qed] tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll.” (1 Ġw. 2:15-17) Immedita fuq il-futur taʼ midinbin li ma jindmux. Huma qegħdin ‘fuq art tiżloq hekk kif jaslu fi tmiemhom!’ (Salm 73:18, 19) Meta tiġi mħajjar biex tidneb, staqsi, ‘Liema futur irrid għalija?’

6. (a) Mosè għala rrifjuta li “jissejjaħ bin bint il-Fargħun”? (b) Għala taħseb li Mosè ħa d-deċiżjoni t-tajba?

6 Il-fidi taʼ Mosè għenitu wkoll meta ġie biex jagħżel karriera. “Bil-fidi Mosè, meta kiber, ma riedx jissejjaħ bin bint il-Fargħun.” (Ebr. 11:24) Mosè ma rraġunax li setaʼ jaqdi lil Alla bħala membru tal-palazz irjali u mbagħad juża l-flus u l-qawwa tiegħu biex jgħin lil ħutu l-Iżraelin. Minflok, Mosè kien determinat li jħobb lil Ġeħova b’qalbu, b’ruħu, u b’saħħtu kollha. (Dt. 6:5) Id-deċiżjoni taʼ Mosè ħelsitu minn ħafna wġigħ taʼ qalb. Ħafna mit-teżori tal-Eġittu ma damux ma ttiħdulhom—mill-Iżraelin stess! (Eżo. 12:35, 36) Il-Fargħun ġie umiljat u nqatel. (Salm 136:15) Mill-banda l-oħra, Mosè ġie salvat u ntuża minn Alla biex imexxi lill-ġens sħiħ t’Iżrael lejn is-sigurtà. Ħajtu kellha skop veru.

7. (a) Skont Mattew 6:19-21, għala għandna nippjanaw għal futur dejjiemi? (b) Irrakkonta esperjenza li turi d-differenza bejn li tippjana għal futur temporanju jew għal wieħed dejjiemi.

7 Jekk int qaddej żagħżugħ taʼ Ġeħova, il-fidi kif tistaʼ tgħinek tagħżel karriera? Int tkun għaqli jekk tippjana għall-futur. Imma l-fidi fil-wegħdi t’Alla se tqanqlek biex taħżen għal futur temporanju jew għal wieħed dejjiemi? (Aqra Mattew 6:19-21.) Din hi deċiżjoni li kellha tieħu Sophie, li kienet ballerina brava ħafna. Kumpaniji tal-balè madwar l-Istati Uniti offrewlha boroż taʼ studju u opportunitajiet taʼ xogħol taʼ min jixtieqhom. “Kien eċċitanti li nkun daqstant ammirata. Infatti, ħassejtni superjuri għal sħabi,” tammetti hi. “Imma ma kontx ferħana.” Imbagħad, Sophie rat il-vidjow Young People Ask—What Will I Do With My Life? Hi rrealizzat li d-dinja kienet tatha s-suċċess u l-ammirazzjoni t’oħrajn imma minħabba f’hekk ma setgħetx taqdi lil Ġeħova b’qalbha kollha. Hi tgħid: “Tlabtu bil-ħrara. Imbagħad tlaqt il-karriera tiegħi fiż-żfin.” Kif tħossha dwar id-deċiżjoni li ħadet? “Ma nimmissjax il-ħajja li kelli qabel. Illum, jien kuntenta ħafna. Naqdi bħala pijuniera maʼ żewġi. M’aħniex famużi, u ftit għandna materjalment. Imma għandna lil Ġeħova, l-istudenti tal-Bibbja, u l-miri spiritwali. M’għandi l-ebda dispjaċir.”

8. Liema parir Bibliku jistaʼ jgħin lil żagħżugħ jiddeċiedi x’se jagħmel b’ħajtu?

 8 Ġeħova jaf x’inhu l-aħjar għalik. Mosè qal: “X’qed jitlob minnek Ġeħova Alla tiegħek ħlief li tibżaʼ minn Ġeħova Alla tiegħek sabiex timxi fi triqatu kollha u tħobb u taqdi lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha; biex tħares il-kmandamenti taʼ Ġeħova u l-istatuti tiegħu li qed nikkmandak illum, għall-ġid tiegħek?” (Dt. 10:12, 13) Waqt li għadek żagħżugħ, agħżel karriera li se tippermettilek tħobb lil Ġeħova u taqdih “b’qalbek kollha u b’ruħek kollha.” Tistaʼ tkun fiduċjuż li għażla bħal din se tkun “għall-ġid tiegħek.”

HU APPREZZA L-PRIVILEĠĠI TIEGĦU TAʼ SERVIZZ

9. Spjega għala għandu mnejn kien diffiċli għal Mosè biex iwettaq l-inkarigu tiegħu.

9 Mosè “qies it-tmaqdir tal-Kristu bħala rikkezzi akbar mit-teżori taʼ l-Eġittu.” (Ebr. 11:26) F’din l-iskrittura, Mosè hu msejjaħ il-“Kristu,” jew “Midluk.” Dan ifisser li kien magħżul minn Ġeħova biex joħroġ lill-Iżraelin mill-Eġittu. Mosè kien jaf li kien se jkun diffiċli li jwettaq dan l-inkarigu, saħansitra taʼ “tmaqdir.” Iktar kmieni, wieħed mill-Iżraelin kien każbar lil Mosè billi qal: “Min ħatrek bħala prinċep u mħallef fuqna?” (Eżo. 2:13, 14) Iktar tard, Mosè nnifsu staqsa lil Ġeħova: “Kif qatt jistaʼ jagħtini widen il-Fargħun?” (Eżo. 6:12) Biex jipprepara għat-tmaqdir u jkampa miegħu, Mosè fetaħ qalbu maʼ Ġeħova u qallu x’kien qed ibeżżgħu u jinkwetah. Ġeħova kif għen lil Mosè biex iwettaq l-inkarigu diffiċli tiegħu?

10. Ġeħova kif ta lil Mosè kulma kellu bżonn għall-inkarigu tiegħu?

10 L-ewwel, Ġeħova wiegħed lil Mosè: “Jien inkun miegħek.” (Eżo. 3:12) It-tieni, Ġeħova tah it-tama u l-kuraġġ billi spjegalu aspett wieħed mit-tifsir taʼ ismu stess: “Jien Se Nsir Dak li Rrid Insir.” * (Eżo. 3:14) It-tielet, lil Mosè tah il-qawwa biex jagħmel il-mirakli u dan ta prova li Mosè verament kien intbagħat minn Alla. (Eżo. 4:2-5) Ir-rabaʼ, Ġeħova għażel lil Aron biex jitkellem għal Mosè u biex jgħinu jwettaq l-inkarigu tiegħu. (Eżo. 4:14-16) Sat-tmiem taʼ ħajtu, Mosè tant kien konvint li Alla jagħti lill-qaddejja Tiegħu kulma għandhom bżonn biex iwettqu kull inkarigu li Hu jagħtihom li b’wiċċu minn quddiem setaʼ jgħid lis-suċċessur tiegħu, Ġożwè: “Hu Ġeħova li qed jimxi quddiemek. Hu nnifsu se jibqaʼ miegħek. La se jabbandunak u lanqas jitilqek għalkollox. Tibżax u titwerwirx.”Dt. 31:8.

11. Mosè għala qies l-inkarigu tiegħu taʼ valur?

11 Bl-appoġġ taʼ Ġeħova, Mosè qies l-inkarigu diffiċli tiegħu taʼ valur saħansitra iktar “mit-teżori taʼ l-Eġittu.” Wara kollox, x’kien jiswa li jaqdi lill-Fargħun meta mqabbel maʼ li jaqdi lill-Alla li Jistaʼ Kollox? X’valur kellu li jkun prinċep fl-Eġittu meta mqabbel maʼ li jintgħażel minn Ġeħova biex imexxi lil Iżrael? Mosè ġie premjat għax kellu attitudni tajba. Hu gawda relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova, li tah qawwa tal-għaġeb hekk kif mexxa l-Iżraelin lejn l-Art Imwiegħda.Dt. 34:10-12.

12. Ġeħova liema privileġġi tana?

12 Aħna wkoll għandna inkarigu. Permezz t’Ibnu, Ġeħova tana ministeru kif ta lill-appostlu Pawlu u lil oħrajn. (Aqra l-1 Timotju 1:12-14.) Ilkoll kemm aħna għandna l-privileġġ li niddikjaraw l-aħbar tajba. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Xi wħud jaqdu bħala ministri fultajm. Aħwa rġiel maturi spiritwalment jaqdu lil oħrajn fil-kongregazzjoni bħala  qaddejja ministerjali u anzjani. Madankollu, membri tal-familja tiegħek mhux tal-istess twemmin u oħrajn għandhom mnejn jiddubitaw kemm huma taʼ valur dawn il-privileġġi jew saħansitra jmaqdruk għas-sagrifiċċji li tagħmel għal Ġeħova. (Mt. 10:34-37) Jekk jirnexxilhom jiskuraġġuk, tistaʼ tibda taħseb jekk is-sagrifiċċji tiegħek humiex siewja jew jekk intix verament kapaċi twettaq l-inkarigu tiegħek. Jekk jiġrilek hekk, il-fidi kif se tgħinek tistabar?

13. Ġeħova kif jagħtina kulma għandna bżonn biex inwettqu inkarigi teokratiċi?

13 Bil-fidi, itlob lil Ġeħova bil-ħrara għall-appoġġ tiegħu. Għidlu dwar dak li jbeżżgħek u dak li jinkwetak. Wara kollox, huwa Ġeħova li tak l-inkarigu u hu se jgħinek tirnexxi. Kif? Bl-istess modi li għen lil Mosè. L-ewwel, Ġeħova jwiegħdek: “Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-leminija tas-sewwa.” (Is. 41:10) It-tieni, hu jfakkrek li l-wegħdi tiegħu huma taʼ min jafdahom: “Jien għedtu dan; jien inġiegħlu jseħħ. Jien sawwartu, u jien inwettqu.” (Is. 46:11) It-tielet, Ġeħova jagħtik “il-qawwa iktar min-normal” biex twettaq il-ministeru tiegħek. (2 Kor. 4:7) Ir-rabaʼ, biex jgħinek tistabar fl-inkarigu tiegħek, Missierna li tant jimpurtah minna jagħtik fratellanza globali t’aduraturi veri li ‘jibqgħu jfarrġu lil xulxin u jibnu lil xulxin.’ (1 Tess. 5:11) Hekk kif Ġeħova jagħtik kulma għandek bżonn biex twettaq l-inkarigi tiegħek, il-fidi li għandek fih se tissaħħaħ. B’hekk, se tgħożż il-privileġġi li għandek iktar minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ toffrilek id-dinja.

HU “ĦARES FISS LEJN IL-ĦLAS TAL-PREMJU”

14. Mosè għala kien ċert li kien se jiġi premjat?

14 Mosè “ħares fiss lejn il-ħlas tal-premju.” (Ebr. 11:26) Avolja kien hemm ħafna dettalji dwar il-futur li Mosè ma kienx jafhom, hu ħalla l-ftit li kien jaf jiggwida d-deċiżjonijiet tiegħu. Bħall-antenat tiegħu Abraham, Mosè kien fiduċjuż li Ġeħova jistaʼ jqajjem lill-mejtin mill-mewt. (Lq. 20:37, 38; Ebr. 11:17-19) Il-prospett taʼ barkiet futuri għen lil Mosè biex ma jqisx l-40 sena tiegħu bħala maħrub u l-40 sena tiegħu fid-deżert bħala ħajja moħlija. Għalkemm ma kienx jaf eżattament kif Ġeħova kien se jżomm il-wegħdi kollha Tiegħu, tant kellu fidi f’Ġeħova li kien bħallikieku Mosè setaʼ jara l-premju futur tiegħu.

15, 16. (a) Għala għandna bżonn niffokaw fuq il-premju tagħna? (b) Liema barkiet taħt il-ħakma tas-Saltna qed tħares ’il quddiem għalihom?

 15 Inti tħares “fiss lejn il-ħlas tal-premju” tiegħek? Bħal Mosè, aħna għad m’għandniex id-dettalji kollha dwar il-wegħdi t’Alla. Pereżempju, ‘ma nafux meta hu ż-żmien stabbilit’ għat-tribulazzjoni l-kbira. (Mk. 13:32, 33) Però, nafu ħafna iktar dwar il-Ġenna tal-art futura milli kien jaf Mosè. Ġeħova tana biżżejjed wegħdi dwar kif se tkun il-ħajja taħt il-ħakma tas-Saltna tiegħu biex inkunu nistgħu nħarsu “fiss” lejha, jiġifieri, jistaʼ jkollna stampa ċara f’moħħna tad-dinja l-ġdida. Jekk għandna din l-istampa ċara, żgur se nkunu rridu nfittxu s-Saltna l-ewwel. Kif? Ikkunsidra dan: Inti kieku tixtri dar li ma tantx taf dwarha? Dażgur li le! B’mod simili, m’aħniex se nużaw ħajjitna biex insusu wara tama li mhix reali għalina. Bil-fidi, irridu naraw stampa ċara u ffokata tal-ħajja taħt il-ħakma tas-Saltna.

16 Biex ikollok stampa ċara tas-Saltna t’Alla f’moħħok, “ħares fiss,” jiġifieri, immaġina l-ħajja tiegħek fil-Ġenna tal-art. Pereżempju, meta tistudja l-ħajja taʼ karattri Bibliċi li għexu qabel Ġesù, ikkunsidra x’tistaʼ tistaqsihom meta jiġu rxoxtati. Immaġina x’jistgħu jistaqsu lilek dwar il-ħajja tiegħek matul l-aħħar jiem. Ġib quddiem għajnejk kemm se tieħu pjaċir tiltaqaʼ mal-antenati tiegħek minn mijiet taʼ snin ilu u tgħallimhom dwar kulma għamel Alla għalihom. Immaġina kemm se tieħu gost hekk kif titgħallem dwar ħafna annimali salvaġġi billi tosservahom f’ambjent paċifiku. Immedita fuq kemm se tħossok ħafna eqreb taʼ Ġeħova hekk kif bil-mod il-mod issir perfett.

17. Stampa ċara tal-premju futur tagħna kif tistaʼ tgħinna llum?

17 Li jkollna stampa ċara f’moħħna tal-premju futur tagħna jgħinna nistabru, inkunu ferħanin, u nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-fatt li nafu li se ngħixu għal dejjem. Pawlu kiteb lill-Kristjani midlukin: “Jekk nittamaw għal xi ħaġa li ma narawhiex, nibqgħu nistennewha bis-sabar.” (Rum. 8:25) Imma dan ma japplikax biss għall-midlukin. Japplika għall-Kristjani kollha li għandhom it-tama għal ħajja taʼ dejjem. Għalkemm għadna ma ngħatajniex il-premju tagħna, il-fidi li għandna tant hi b’saħħitha li nibqgħu nistennew bil-paċenzja għall-“ħlas tal-premju.” Bħal Mosè, ma nqisux is-snin li nqattgħu fis-servizz taʼ Ġeħova bħala ħin moħli. Minflok, aħna konvinti li l-affarijiet “li jidhru huma temporanji, imma dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.”Aqra t-2 Korintin 4:16-18.

18, 19. (a) Għala għandna niġġieldu biex inżommu l-fidi tagħna b’saħħitha? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

18 Il-fidi tippermettilna naraw “it-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebr. 11:1) Individwu fiżiku m’għandux għajnejn tal-fidi, allura ma jifhimx il-valur taʼ li jaqdi lil Ġeħova. Għal uħud bħal dawn, dan il-privileġġ hu “bluha.” (1 Kor. 2:14) Madankollu, aħna nittamaw li ngawdu l-ħajja taʼ dejjem u naraw l-irxoxt, affarijiet li n-nies f’din id-dinja lanqas biss jistgħu jimmaġinawhom. Bħall-filosfi taʼ żmien Pawlu li sejħulu “lablabi” injorant, il-biċċa l-kbira min-nies illum jaħsbu li t-tama li nippritkaw mhi xejn ħlief ħmerija.Atti 17:18.

19 Minħabba li aħna mdawrin b’nies li m’għandhomx fidi, irridu niġġieldu biex inżommu l-fidi tagħna b’saħħitha. Itlob lil Ġeħova bil-ħerqa biex “il-fidi tiegħek ma tonqosx.” (Lq. 22:32) Bħal Mosè, żomm ċar f’moħħok il-konsegwenzi tad-dnub, l-unur li taqdi lil Ġeħova, u t-tama għal ħajja eterna. Imma l-fidi taʼ Mosè ppermettietlu jara ħafna iktar minn dawn l-affarijiet. Fl-artiklu li jmiss, se neżaminaw kif il-fidi għenet lil Mosè jara “lil Dak li hu inviżibbli.”Ebr. 11:27.

^ par. 10 Rigward il-kliem t’Alla f’Eżodu 3:14, wieħed studjuż tal-Bibbja kiteb: “Xejn ma jistaʼ jfixklu milli jwettaq ir-rieda tiegħu . . . Dan l-isem [Ġeħova] kellu jkun il-fortizza t’Iżrael.” Kien se jipprovdilhom it-tama u l-faraġ kollu li kellhom bżonn.