Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova hu Alla t’organizzazzjoni

Ġeħova hu Alla t’organizzazzjoni

“Alla m’huwiex Alla tad-diżordni, imma tal-paċi.” 1 KOR. 14:33.

1, 2. (a) Min kien l-ewwel ħolqien t’Alla, u Ġeħova kif użah? (b) Kif nafu li l-anġli huma organizzati?

IL-Ħallieq tagħna, Ġeħova, jagħmel kollox b’mod organizzat. L-ewwel, hu ħalaq lil Ibnu, Ġesù. Il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-Kelma” għaliex hu l-iktar rappreżentant importanti t’Alla. Hi tgħid: “Fil-bidu kien il-Kelma, u l-Kelma kien m’Alla.” Hu ilu jaqdi lil Ġeħova fis-sema miljuni taʼ snin. Il-Bibbja tgħid ukoll dwar Ġesù: “Kollox beda jeżisti permezz tiegħu, u mingħajru xejn ma beda jeżisti.” Ftit iktar minn 2,000 sena ilu, Alla bagħat lill-Kelma fuq l-art, fejn lealment għamel ir-rieda taʼ Missieru bħala r-raġel perfett Ġesù Kristu.—Ġw. 1:1-3, 14.

2 Qabel ma ġie fuq l-art, Ġesù qeda lealment bħala l-“ħaddiem tas-sengħa” t’Alla. (Prov. 8:30) Permezz taʼ Ġesù, Ġeħova ħalaq miljuni t’anġli fis-sema. (Kol. 1:16) Il-Bibbja tgħidilna li Ġeħova għandu armati t’anġli organizzati sew: “Hemm elf eluf li kienu jaqduh kontinwament, u għaxart elef għal għaxart elef darba li kienu weqfin quddiemu.”—Salm 103:21; Dan. 7:10.

3. Kemm hemm stilel u pjaneti, u kif inhuma organizzati?

3 Meta Ġeħova ħalaq l-univers, hu tant ħalaq stilel u  pjaneti li qatt ma tistaʼ tgħoddhom kollha. Kemm hemm? Gazzetta waħda fi Houston, Texas, irrapportat li wara studju reċenti, ix-xjentisti issa jaħsbu li hemm “300 sistiljun” stilla u pjaneta fl-univers. (Chronicle) Jiġifieri n-numru 3 bi 23 żero warajh! Huma organizzati dawn l-istilel u pjaneti? Iva, gruppi taʼ stilel huma organizzati f’galassji. Kull galassja fiha ħafna pjaneti u biljuni jew saħansitra triljuni taʼ stilel. Il-biċċa l-kbira mill-galassji mbagħad huma organizzati fi gruppi kbar u dawn il-gruppi huma organizzati fi gruppi ġganteski.

4. Kif nafu li Alla jorganizza lill-qaddejja tiegħu fuq l-art?

4 L-anġli fis-sema u l-istilel u l-pjaneti fl-univers huma organizzati b’mod tal-għaġeb. (Is. 40:26) Allura nistgħu nikkonkludu li l-Ħallieq tagħna jorganizza wkoll lill-qaddejja tiegħu fuq l-art. Huwa vitali għalihom li jkunu organizzati sew għax għandhom ħafna xogħol importanti x’jagħmlu. Għal eluf taʼ snin, Ġeħova organizza lill-poplu tiegħu biex ikunu jistgħu jaqduh lealment. Hemm bosta eżempji li juru li hu kien magħhom u li “m’huwiex Alla tad-diżordni, imma tal-paċi.”—Aqra l-1 Korintin 14:33, 40.

IL-POPLU ORGANIZZAT T’ALLA FIŻ-ŻMINIJIET TAL-QEDEM

5. L-iskop t’Alla għall-art kif ġie mfixkel?

5 Meta Ġeħova ħalaq l-ewwel bnedmin, hu qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-art u rażżnuha, u ħa jkunu sottomessi lejkom il-ħut tal-baħar u l-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet u kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-art.” (Ġen. 1:28) Il-familja umana kellha tikber b’mod organizzat biex jimlew l-art u jkabbru l-Ġenna tal-art sakemm tkopri d-dinja kollha kemm hi. Meta Adam u Eva m’obdewx lil Alla, dan l-iskop ġie mfixkel għal xi żmien. (Ġen. 3:1-6) Maż-żmien, “Ġeħova ra li l-ħażen tal-bniedem kien kotran fuq l-art u kull inklinazzjoni tal-ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-ħin kollu.” Minħabba f’hekk, “l-art kienet rovinata f’għajnejn l-Alla l-veru u mtliet bil-vjolenza.” Għalhekk, Alla ddeċieda li jġib dulluvju globali li kien se jeqred lil dawk mill-agħar.—Ġen. 6:5, 11-13, 17.

6, 7. (a) Ġeħova għala salva lil Noè? (Ara l-ewwel stampa.) (b) X’ġara min-nies żleali kollha fi żmien Noè?

6 Madankollu, “Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova” għax “kien raġel sewwa” li “wera li kien bla nuqqas fost in-nies taʼ żmienu.” Minħabba li “Noè mexa maʼ l-Alla l-veru,” Ġeħova tah istruzzjoni biex jibni arka kbira ħafna. (Ġen. 6:8, 9, 14-16) L-arka kienet disinjata biex tifflowtja fuq l-ilma ħalli n-nies u l-annimali ġo fiha jsalvaw mid-Dulluvju. B’ubbidjenza, “Noè għamel skond kulma kien ordnalu Ġeħova,” u bil-kooperazzjoni tal-familja tiegħu, hu lesta x-xogħol tal-bini b’mod organizzat. Wara li l-annimali ddaħħlu fl-arka, “Ġeħova għalaq il-bieb.”—Ġen. 7:5, 16.

7 Meta ġie d-Dulluvju fis-sena 2370 QEK, Ġeħova “qered kull ħaġa li kienet teżisti f’wiċċ l-art,” imma hu żamm lil-leali Noè u lil familtu qawwijin u sħaħ fl-arka. (Ġen. 7:23) Kull persuna fuq l-art illum hi dixxendent taʼ Noè, uliedu, u n-nisa tagħhom. Imma n-nies żleali kollha barra l-arka mietu għax ilkoll kienu rrifjutaw li jagħtu widen lil Noè, “predikatur tal-ġustizzja.”—2 Pt. 2:5.

8. X’juri li kien hemm organizzazzjoni tajba f’Iżrael meta Alla kkmanda lill-poplu tiegħu biex jidħlu fl-Art Imwiegħda?

8 Iktar minn 800 sena wara d-Dulluvju,  Alla organizza lill-Iżraelin f’ġens. Hu organizza kull aspett taʼ ħajjithom, speċjalment kif għandhom iqimuh. Pereżempju, minbarra l-ħafna qassisin u Leviti f’Iżrael kien hemm “nisa li kienu organizzati għas-servizz fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.” (Eżo. 38:8) Iżda meta Alla Ġeħova kkmanda lin-nies taʼ Iżrael biex jidħlu f’Kangħan, din il-ġenerazzjoni wriet li ma kinitx leali, u hu qalilhom: “Intom, iva, intom, ma tidħlux fl-art li jien għollejt idi b’ħalfa biex ngħammar magħkom fiha, ħlief Kaleb, bin Ġefunne, u Ġożwè, bin Nun,” għaliex dawn ġabu lura rapport tajjeb wara li marru jitkixxfu l-Art Imwiegħda. (Num. 14:30, 37, 38) Fi qbil mad-direzzjoni t’Alla, Mosè iktar tard ħatar lil Ġożwè bħala s-suċċessur tiegħu. (Num. 27:18-23) Meta Ġożwè kien se jmexxi lill-Iżraelin f’Kangħan, intqallu: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila. Tinħasadx jew titwerwer, għax Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek kulfejn tmur.”—Ġoż. 1:9.

9. Raħab kif ħassitha dwar Ġeħova u l-poplu tiegħu?

9 Alla Ġeħova verament kien maʼ Ġożwè kull fejn mar. Pereżempju, ikkunsidra x’ġara hekk kif l-Iżraelin kienu kkampjati ħdejn il-belt Kangħanija taʼ Ġeriko. Fis-sena 1473 QEK, Ġożwè bagħat żewġt irġiel biex jitkixxfu l-art taʼ Ġeriko, u hemmhekk iltaqgħu mal-prostituta Raħab. Xi rġiel mill-belt ipprovaw jaqbdu lill-ispiji, imma Raħab ħbiethom fuq il-bejt tad-dar tagħha. Hi qalet lill-ispiji Iżraelin: “Jien tassew naf li Ġeħova se jagħtikom l-art . . . , għax aħna smajna kif Ġeħova nixxef l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar minn quddiemkom . . . u x’għamiltu liż-żewġ slaten taʼ l-Amurrin.” Hi żiedet tgħid: “Ġeħova Alla tagħkom hu Alla fis-smewwiet hemm fuq u fuq l-art hawn taħt.” (Ġoż. 2:9-11) Peress li Raħab appoġġat lill-poplu magħżul taʼ Ġeħova taʼ dak iż-żmien, Alla ħa ħsieb li hi u dawk taʼ darha jsalvaw meta l-Iżraelin  għelbu lil Ġeriko. (Ġoż. 6:25) Raħab uriet fidi u rispett profond lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu.

IL-KRISTJANI TAL-BIDU KIENU ORGANIZZATI

10. Ġesù x’qalilhom lill-mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmienu, u għala għamel din l-istqarrija?

10 Taħt it-tmexxija taʼ Ġożwè, in-nies t’Iżrael għelbu belt wara l-oħra u okkupaw l-art taʼ Kangħan. Imma x’ġara maż-żmien? Matul is-sekli, l-Iżraelin darba wara l-oħra kisru l-liġijiet t’Alla. Sakemm Ġesù ġie fuq l-art, l-Iżraelin tant kienu saru diżubbidjenti lejn Ġeħova u l-profeti tiegħu li Ġesù lill-Iżraelin li kienu qed jgħixu f’Ġerusalemm sejħilhom “il-qattiela tal-profeti.” (Aqra Mattew 23:37, 38.) Alla ċaħad lill-mexxejja reliġjużi Lhud minħabba li kienu diżubbidjenti lejh. Għalhekk, Ġesù qalilhom: “Is-saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-frott minnha.”—Mt. 21:43.

11, 12. (a) X’juri li Ġeħova beda japprova organizzazzjoni ġdida minflok il-ġens t’Iżrael? (b) Min sar parti minn din l-organizzazzjoni?

11 Fl-ewwel seklu EK, Ġeħova warrab lill-ġens żleali t’Iżrael. Madankollu, dan ma fissirx li kien se jibqaʼ bla organizzazzjoni taʼ qaddejja leali fuq l-art li kienu jobdu lil Kristu u t-tagħlim tiegħu. Ġeħova beda japprova organizzazzjoni ġdida minflok il-ġens t’Iżrael fil-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33 EK. Dak iż-żmien, madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù kienu miġburin f’post f’Ġerusalemm meta “f’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal kurrent taʼ riħ qawwi, u mela d-dar kollha.” Imbagħad “dehrulhom ilsna qishom tan-nar li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom, u lkoll imtlew bl-ispirtu qaddis u bdew jitkellmu b’ilsna differenti, bħalma l-ispirtu kien qed jagħtihom li jitkellmu.” (Atti 2:1-4) Din il-ġrajja tal-għaġeb uriet bla dubju taʼ xejn li Ġeħova kien qed jappoġġa lil din l-organizzazzjoni ġdida taʼ dixxipli taʼ Kristu.

12 F’dak il-jum eċċitanti, “żdiedu madwar tlett elef ruħ” mal-għadd taʼ segwaċi taʼ Ġesù. Barra minn hekk, “Ġeħova kompla jżid magħhom kuljum lil dawk li kienu qed jiġu salvati.” (Atti 2:41, 47) Tant kienet effettiva l-attività taʼ dawn il-predikaturi tal-ewwel seklu li “l-kelma t’Alla kompliet tikber, u l-għadd tad-dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm.” Anki “folla kbira taʼ qassisin bdew jobdu l-fidi.” (Atti 6:7) B’hekk, ħafna individwi sinċieri aċċettaw il-veritajiet li xandru l-membri taʼ din l-organizzazzjoni l-ġdida. Iktar tard, Ġeħova ta evidenza simili tal-appoġġ tiegħu meta beda jdaħħal “in-nies tal-ġnus” fil-kongregazzjoni Kristjana.—Aqra Atti 10:44, 45.

13. X’kien ix-xogħol tal-organizzazzjoni l-ġdida t’Alla?

13 Ma kienx hemm dubju dwar ix-xogħol li Alla kien ta lis-segwaċi taʼ Kristu. Ġesù nnifsu kien ħallielhom l-eżempju, għax ftit wara l-magħmudija tiegħu, hu beda jipprietka dwar “is-saltna tas-smewwiet.” (Mt. 4:17) Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-istess xogħol. Hu qalilhom: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Is-segwaċi tal-bidu taʼ Kristu żgur li fehmu x’kien mitlub minnhom. Pereżempju, f’Antjokja tal-Pisidja, Pawlu u Barnaba bi qlubija qalu lill-opponenti Lhud tagħhom: “Kien meħtieġ li l-kelma t’Alla tintqal lilkom l-ewwel. Imma peress li qed twarrbuha minnkom u m’intomx tqisu ruħkom denji tal-ħajja taʼ dejjem,  ara, aħna se nduru lejn il-ġnus. Fil-fatt, Ġeħova ordnalna b’dan il-kliem, ‘Ħtartek bħala dawl tal-ġnus, biex tkun salvazzjoni sa tarf l-art.’” (Atti 13:14, 45-47) Mill-ewwel seklu ’l quddiem, l-organizzazzjoni t’Alla qalet lil oħrajn dwar x’għamel Ġeħova biex isalva lill-umanità.

IL-QADDEJJA T’ALLA JSALVAW

14. X’ġara minn Ġerusalemm tal-ewwel seklu, imma min salva?

14 Il-biċċa l-kbira mil-Lhud m’aċċettawx l-aħbar tajba dwar Ġesù, u ma tawx widen meta Ġesù qalilhom dwar diżastru li kien se jseħħ fuq Ġerusalemm. Hu kien wissa lid-dixxipli tiegħu: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-kampijiet taʼ l-armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-ħerba tagħha. Imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha, u dawk li jkunu fil-kampanja ħa ma jidħlux fiha.” (Lq. 21:20, 21) Dak li Ġesù kien bassar seħħ. Minħabba rvell mil-Lhud, armati Rumani mmexxijin minn Ċestju Gallu dawru lil Ġerusalemm fis-sena 66 EK. Iżda dawn il-forzi f’daqqa waħda rtiraw, u dan ta opportunità lis-segwaċi taʼ Ġesù biex jitilqu minn Ġerusalemm u l-Lhudija. Skont l-istorjografu Ewsebju, ħafna qasmu x-Xmara Ġordan u ħarbu lejn Pella fil-Perija. Fis-sena 70 EK, armati Rumani taħt il-Ġeneral Titu rritornaw u għamlu ħerba minn Ġerusalemm. Madankollu, il-Kristjani leali salvaw għax taw kas it-twissija taʼ Ġesù.

15. Il-Kristjanità minkejja xiex issaħħet?

15 Minkejja t-tbatija, il-persekuzzjoni, u provi oħra tal-fidi li għaddew minnhom is-segwaċi taʼ Kristu, il-Kristjanità ssaħħet fl-ewwel seklu. (Atti 11:19-21; 19:1, 19, 20) Dawn il-Kristjani tal-bidu stagħnew spiritwalment għax kellhom il-barka t’Alla.—Prov. 10:22.

16. Il-Kristjani kollha x’kellhom jagħmlu biex iżommu l-fidi tagħhom b’saħħitha?

16 Biex iżommu l-fidi tagħhom b’saħħitha u biex jibqgħu magħqudin, il-Kristjani kollha kellhom jagħmlu sforz personali. Studju diliġenti tal-Iskrittura, attendenza regulari għal-laqgħat, u attività żeluża fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna kienu essenzjali. Dawn l-attivitajiet ikkontribwew għas-saħħa spiritwali u l-għaqda tal-poplu taʼ Ġeħova taʼ dak iż-żmien, bħalma jagħmlu llum. Dawk li kienu jassoċjaw mal-kongregazzjonijiet tal-bidu organizzati sew ibbenefikaw bil-kbir mill-isforzi t’għajnuna li l-indokraturi u l-qaddejja ministerjali kienu lesti li jagħmlu. (Flp. 1:1; 1 Pt. 5:1-4) Ukoll, gawdew żjajjar tal-indokraturi li kienu jivvjaġġaw, bħal Pawlu. (Atti 15:36, 40, 41) Is-similaritajiet bejn il-qima tagħna u dik tal-Kristjani tal-ewwel seklu huma tal-għaġeb! Kemm aħna grati li Ġeħova organizza lill-qaddejja tiegħu dak iż-żmien kif ukoll issa! *

17. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

17 Hekk kif id-dinja taʼ Satana toqrob lejn tmiemha f’dawn l-aħħar jiem, il-parti tal-organizzazzjoni universali taʼ Ġeħova fuq l-art miexja ’l quddiem b’pass dejjem iktar mgħaġġel. Int qed iżżomm il-pass magħha? Qed tagħmel progress spiritwali? L-artiklu li jmiss se juri kif tistaʼ tagħmel dan.

^ par. 16 Ara l-artikli “Il-Kristjani Jqimu fl-Ispirtu u l-Verità” u “Huma Jkomplu Jimxu fil-Verità” fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 2002. Diskussjoni dettaljata dwar il-parti tal-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art illum ġiet ippubblikata fil-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom.