Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif għandna ‘nwieġbu lil kulħadd’?

Kif għandna ‘nwieġbu lil kulħadd’?

“Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, . . . sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.”KOL. 4:6.

1, 2. (a) Irrakkonta esperjenza li turi l-valur taʼ li tistaqsi mistoqsijiet magħżulin sew. (Ara l-ewwel stampa.) (b) Għala m’għandniex għalfejn nibżgħu niddiskutu suġġetti diffiċli?

OĦT Kristjana kienet qed tiddiskuti l-Bibbja maʼ żewġha, li ma kienx Xhud taʼ Ġeħova. Hu qal li kien jemmen fit-Trinità. Madankollu, hi ndunat li hu ma kienx jaf x’tgħallem eżatt il-knisja tiegħu dwar it-Trinità. Allura, bit-tattika staqsiet, “Temmen li Alla hu Alla, li Ġesù hu Alla, u li l-ispirtu qaddis hu Alla; madankollu mhumiex tliet Allat imma Alla wieħed?” Ir-raġel tagħha nħasad u qal, “Le, ma nemminx hekk!” B’riżultat taʼ dan, kellhom konversazzjoni entużjasta dwar min tassew hu Alla.

2 Din l-esperjenza turi l-valur taʼ li nistaqsu bit-tattika mistoqsijiet magħżulin sew. Tenfasizza wkoll punt importanti: M’għandniex għalfejn nibżgħu niddiskutu suġġetti diffiċli, bħat-Trinità, in-nar tal-infern, jew l-eżistenza taʼ Ħallieq. Jekk nistrieħu fuq Ġeħova u fuq it-taħriġ li jagħtina, nistgħu ngħallmu b’tali mod li nilħqu l-qalb tas-semmiegħa tagħna. (Kol. 4:6) F’dan l-artiklu se neżaminaw kif ngħallmu b’mod iktar effettiv billi (1) nistaqsu mistoqsijiet sabiex dak li jkun  jesprimi ruħu, (2) nirraġunaw fuq dak li tgħid l-Iskrittura, u (3) nużaw tixbihat biex nagħmlu l-punt ċar.

STAQSI MISTOQSIJIET BIEX IS-SEMMIEGĦ JESPRIMI RUĦU

3, 4. Għala hu importanti li nużaw il-mistoqsijiet biex jgħinuna nsiru nafu x’jemmen dak li jkun? Agħti eżempju.

3 Il-mistoqsijiet jistgħu jgħinuna nsiru nafu x’jemmen dak li jkun. Dan għala hu importanti? Proverbji 18:13 jgħid: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-kwistjoni, dan ikun bluha min-naħa tiegħu u umiljazzjoni.” Għalhekk, qabel ma nidħlu fil-fond f’diskussjoni dwar il-ħarsa tal-Bibbja dwar ċertu suġġett, nagħmlu tajjeb jekk l-ewwel nipprovaw insiru nafu x’jemmen verament is-semmiegħ tagħna. Inkella, nistgħu nqattgħu ħafna ħin nipprovaw nuru li idea hi ħażina meta wara kollox l-individwu lanqas biss ikun jemmen hekk.—1 Kor. 9:26.

4 Ejja ngħidu li qed niddiskutu s-suġġett tal-infern maʼ xi ħadd. Mhux kulħadd jemmen li l-infern hu post letterali fejn in-nies ħżiena jinħarqu bin-nar. Hemm min jemmen li meta xi ħadd ikun l-infern sempliċement ifisser li jkun ’il bogħod minn Alla. Għalhekk, nistgħu ngħidu xi ħaġa hekk: “Ladarba n-nies għandhom opinjonijiet differenti dwar l-infern, tippermettili nistaqsik x’taħseb inti?” Wara li nisimgħu r-risposta tal-individwu, se nkunu f’pożizzjoni aħjar biex ngħinuh jifhem x’tgħid il-Bibbja fuq dan is-suġġett.

5. Il-mistoqsijiet kif jistgħu jgħinuna nsiru nafu għala individwu jemmen dak li jemmen?

5 Mistoqsijiet bit-tattika jistgħu wkoll jgħinuna nsiru nafu għala individwu jemmen dak li jemmen. Pereżempju, xi ngħidu jekk xi ħadd li niltaqgħu miegħu fil-ministeru jgħid li ma jemminx f’Alla? Jistaʼ jkun faċli li nassumu li l-individwu ġie influwenzat mit-teorija tal-evoluzzjoni. (Salm 10:4) Madankollu, xi nies tilfu l-fidi f’Alla minħabba t-tbatija kbira li raw jew esperjenzaw personalment. Huma ma jniżżluhiex li Ħallieq kollu mħabba jistaʼ jippermetti tbatija bħal din. Għalhekk, jekk inkwilin jgħid, “Jien ma nemminx f’Alla,” nistgħu nistaqsu, “Minn dejjem ħassejtek hekk?” Jekk l-individwu jwieġeb li le, forsi nistgħu nistaqsu jekk ġratx xi ħaġa li ġegħlitu jiddubita l-eżistenza t’Alla. It-tweġiba tiegħu tistaʼ tgħinna biex insibu l-aħjar mod kif ngħinuh.—Aqra Proverbji 20:5.

6. X’għandna nagħmlu wara li nistaqsu mistoqsija?

6 Wara li nistaqsu mistoqsija, hemm bżonn li nisimgħu verament ir-risposta tal-individwu u nuruh li nirrispettaw is-sentimenti tiegħu. Pereżempju, minħabba xi traġedja, għandu mnejn jgħid li jiddubita li jeżisti Ħallieq kollu mħabba. L-ewwel għandna ngħidulu li mhuwiex ħażin li naħsbu dwar għala nbatu. Imbagħad nistgħu nispjegawlu kif nafu li Alla jeżisti. (Ħab. 1:2, 3) Jekk inkunu paċenzjużi u nuru mħabba, forsi jkun jixtieq isir jaf iktar. *

IRRAĠUNA FUQ DAK LI TGĦID L-ISKRITTURA

7. X’għandna nagħmlu biex inkunu effettivi fil-ministeru?

7 Issa ejja nikkunsidraw kif nirraġunaw fuq dak li tgħid l-Iskrittura. Naturalment, il-Bibbja hi l-għodda primarja tagħna fil-ministeru. Din tgħinna nkunu ‘kapaċi għalkollox, armati bis-sħiħ għal  kull għemil tajjeb.’ (2 Tim. 3:16, 17) Biex inkunu effettivi fil-ministeru, ma rridux sempliċement naqraw ħafna skritturi. Jeħtieġ inkunu nafu kif nirraġunaw fuq dak li tgħid l-iskrittura u nispjegawha. (Aqra Atti 17:2, 3.) Biex nuru dan, ejja nikkunsidraw tliet eżempji.

8, 9. (a) X’inhu mod wieħed kif nirraġunaw maʼ xi ħadd li jemmen li Ġesù hu daqs Alla? (b) Int kif għent lin-nies jirraġunaw fuq dan is-suġġett?

8 L-1 eżempju: Fil-ministeru tagħna niltaqgħu maʼ xi ħadd li jemmen li Ġesù hu daqs Alla. Liema skritturi nistgħu nużaw biex nirraġunaw fuq dan? Nistgħu nistaqsu lil dak li jkun biex jaqra l-kliem taʼ Ġesù fi Ġwanni 6:38, li jgħid: “Jien ma nżiltx mis-sema biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.” Wara li nikkunsidraw dan il-vers, nistgħu nistaqsuh: “Jekk Ġesù hu Alla, min bagħtu fuq l-art? Allura dan il-Wieħed ma jkunx akbar minn Ġesù? Wara kollox, il-Wieħed li jibgħat huwa superjuri għall-wieħed li jintbagħat.”

9 Nistgħu naqraw ukoll Filippin 2:9, fejn l-appostlu Pawlu jiddeskrivi x’għamel Alla wara li Ġesù miet u ġie rxoxtat. Il-vers jgħid: “Alla eżaltah [lil Ġesù] għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-isem li hu fuq kull isem ieħor.” Biex ngħinu lill-individwu jirraġuna fuq dan il-vers, nistgħu nistaqsu: “Jekk Ġesù kien daqs Alla qabel ma miet u Alla mbagħad eżaltah għal pożizzjoni ogħla, ma jagħmilx dan lil Ġesù akbar minn Alla? Madankollu, kif jistaʼ jkun li xi ħadd ikun superjuri għal Alla?” Jekk l-individwu jirrispetta l-Kelma t’Alla u hu sinċier, raġunar bħal dan jistaʼ jqanqlu jkompli jeżamina iktar is-suġġett.—Atti 17:11.

10. (a) Kif nistgħu nirraġunaw maʼ xi ħadd li jemmen fin-nar tal-infern? (b) Int kif għent lin-nies jirraġunaw fuq dan is-suġġett?

10 It-2 eżempju: Inkwilin isibha bi tqila biex jemmen li n-nies ħżiena mhux se jiġu turmentati fin-nar tal-infern għal dejjem. Għandu mnejn jemmen fin-nar tal-infern għax jixtieq li n-nies mill-agħar jiġu kastigati għall-affarijiet ħżiena li jkunu għamlu. Kif nistgħu nirraġunaw maʼ xi ħadd li jħossu hekk? L-ewwel, nistgħu naċċertawh li dawk mill-agħar se jiġu kastigati. (2 Tess. 1:9) Imbagħad forsi ngħidulu biex jaqra Ġenesi 2:16, 17, fejn juri li l-kastig tad-dnub hu l-mewt. Nistgħu nispjegaw li minħabba d-dnub t’Adam, il-bnedmin kollha huma midinbin. (Rum. 5:12) Nistgħu ngħidu li Alla ma semma xejn dwar kastig fin-nar tal-infern, u mbagħad  naqraw Ġenesi 3:19. F’dik l-iskrittura, Alla qal lil Adam li l-kastig tad-dnub tiegħu kien li jerġaʼ jsir trab. Forsi nistaqsu, “Kien ikun ġust li jgħid lil Adam li kien se jerġaʼ lura lejn l-art jekk fir-realtà kien se jmur f’infern tan-nar?” Mistoqsija bħal din tistaʼ tgħin lil individwu sinċier jirraġuna fuq dan is-suġġett.

11. (a) X’inhu mod wieħed kif nirraġunaw maʼ xi ħadd li jemmen li n-nies tajbin kollha jmorru fis-sema? (b) Int kif għent lin-nies jirraġunaw fuq dan is-suġġett?

11 It-3 eżempju: Fil-ministeru tagħna niltaqgħu maʼ xi ħadd li jemmen li n-nies tajbin kollha jmorru fis-sema. Twemmin bħal dan jistaʼ jeffettwa kif l-inkwilin jifhem il-Bibbja. Pereżempju, ejja ngħidu li qed nikkunsidraw miegħu Rivelazzjoni 21:4. (Aqra.) L-individwu għandu mnejn jassumi li l-barkiet li jissemmew f’dan il-vers japplikaw għall-ħajja fis-sema. Kif nistgħu nirraġunaw miegħu? Minflok ma naqraw iktar skritturi, nistgħu niffokaw fuq frażi li hemm f’dak il-vers stess, fejn jgħid “ma jkunx hemm iżjed mewt.” Nistgħu nistaqsu lill-individwu jekk jaqbilx li sabiex xi ħaġa ma tkunx iżjed, l-ewwel nett trid tkun teżisti. X’aktarx li hu se jaqbel. Imbagħad nistgħu nsemmu li qatt ma kien hemm mewt fis-sema; in-nies imutu biss hawn fuq l-art. Allura huwa loġiku li Rivelazzjoni 21:4, qed jirreferi għal barkiet futuri hawnhekk fuq l-art.—Salm 37:29.

UŻA T-TIXBIHAT BIEX TAGĦMEL IL-PUNT ĊAR

12. Ġesù għala uża t-tixbihat?

12 Minbarra l-mistoqsijiet, Ġesù uża t-tixbihat fix-xogħol tiegħu tal-ippritkar. (Aqra Mattew 13:34, 35.) It-tixbihat taʼ Ġesù għenu biex jikxfu x’kienu l-motivi taʼ dawk li semgħuh jitkellem. (Mt. 13:10-15) Ukoll, it-tixbihat sebbħu t-tagħlim taʼ Ġesù u għamluh memorabbli. Aħna kif nistgħu nużaw it-tixbihat meta ngħallmu?

13. Kif nistgħu nużaw tixbiha biex nuru li Alla hu superjuri għal Ġesù?

13 Ikun aħjar jekk nużaw tixbihat sempliċi. Pereżempju, meta nispjegaw li Alla hu superjuri għal Ġesù, forsi nistgħu nipprovaw dan il-metodu. Nistgħu nsemmu li kemm Alla kif ukoll Ġesù qabblu r-relazzjoni tagħhom maʼ dik taʼ Missier u Iben. (Lq. 3:21, 22; Ġw. 14:28) Imbagħad nistgħu nistaqsu lill-inkwilin: “Kieku ridt tgħallimni li tnejn minn nies huma ndaqs, x’tip taʼ relazzjoni f’familja għandek mnejn tuża bħala tixbiha biex toħroġ il-punt?” L-individwu għandu mnejn isemmi żewġ aħwa—saħansitra tewmin. U mbagħad forsi ngħidu: “Din tixbiha tajba ħafna. Allura jekk aħna stajna faċilment noħorġu b’din it-tixbiha, Ġesù, li hu l-Għalliem il-kbir, għala m’użax l-istess tixbiha? Minflok, hu qal li Alla hu Missieru. Billi għamel dan, Ġesù għenna nifhmu li Alla hu akbar minnu u għandu iktar awtorità.”

14. Liema tixbiha turi li ma jkunx jagħmel sens li Alla jqabbad lix-Xitan jitturmenta lin-nies fin-nar tal-infern?

14 Ikkunsidra eżempju ieħor. Xi wħud jemmnu li Satana “għandu f’idejh” in-nar tal-infern. Tixbiha tistaʼ tgħin lil ġenitur jara kemm ma jagħmilx sens li Alla jqabbad lix-Xitan jitturmenta lin-nies fin-nar tal-infern. Nistgħu ngħidu xi ħaġa hekk: “Immaġina li t-tifel tiegħek sar ribelluż ħafna u qed jagħmel ħafna affarijiet ħżiena. Int kieku kif tirreaġixxi?” X’aktarx li l-ġenitur jgħid li kieku jikkoreġi lil ibnu. Għandu mnejn kemm-il darba jipprova jgħin  lit-tifel biex ma jibqax jagħmel il-ħażin. (Prov. 22:15) Nistgħu nistaqsu, “X’tagħmel jekk ibnek ma jkunx irid jinbidel?” Ħafna ġenituri jgħidu li eventwalment ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jikkastigaw lit-tifel. Imbagħad nistgħu nistaqsu, “Xi ngħidu jekk issir taf li individwu mill-agħar influwenza lil ibnek biex isir daqstant ribelluż?” Mingħajr dubju, il-ġenitur ikun irrabjat għal individwu bħal dan. Fl-aħħar, biex nagħmlu ċar il-punt tat-tixbiha, forsi nistaqsu lill-ġenitur, “Jekk tkun taf li individwu mill-agħar influwenza lil ibnek, kont se tqabbad lil dan l-individwu biex jikkastiga lil ibnek minflokok?” M’għandniex xi ngħidu, it-tweġiba se tkun le. Mela, b’mod ċar, Alla mhux se juża lix-Xitan biex jikkastiga lil dawn in-nies.

ŻOMM ĦARSA BILANĊJATA

15, 16. (a) Għala m’għandniex nistennew li kulħadd se jaċċetta l-messaġġ tas-Saltna? (b) Hemm għalfejn tkun għalliem straordinarju biex tgħallem b’mod effettiv? Spjega. (Ara wkoll il-kaxxa “Għodda biex tgħinna fil-ministeru.”)

15 Anki jekk nistaqsu mistoqsijiet adattati, nirraġunaw bl-aħjar mod, u nużaw tixbihat tajbin, mhux kulħadd se jaċċetta l-messaġġ tas-Saltna. (Mt. 10:11-14) Ftit kienu dawk li aċċettaw it-tagħlim taʼ Ġesù minkejja li kien l-aqwa Għalliem li qatt għex fuq l-art.—Ġw. 6:66; 7:45-48.

16 Imma xi ngħidu jekk inħossu li m’aħniex għalliema straordinarji? Minkejja dan, aħna nistgħu nkunu effettivi meta nippritkaw. (Aqra Atti 4:13.) Il-Kelma t’Alla taċċertana li ‘dawk kollha li għandhom attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem’ se jaċċettaw l-aħbar tajba. (Atti 13:48) Mela ejja nżommu ħarsa bilanċjata. Għandna nipprovaw intejbu l-mod kif ngħallmu imma fl-istess ħin ma naqtgħux qalbna meta dawk li nkellmu ma jaċċettawx l-aħbar tajba. Jalla nieħdu vantaġġ sħiħ mit-taħriġ li Ġeħova jipprovdi, u nkunu fiduċjużi li dan se jkun taʼ benefiċċju għalina u għal dawk li jisimgħuna. (1 Tim. 4:16) Ġeħova jistaʼ jgħinna ‘nwieġbu lil kulħadd.’ Bħalma se naraw darb’oħra, mod wieħed kif ikollna suċċess fil-ministeru tagħna hu billi nsegwu dik li spiss tissejjaħ ir-Regola tad-Deheb.

^ par. 6 Ara l-artiklu “Is It Possible to Build Faith in a Creator?” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 t’Ottubru 2009.