Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tqis id-dgħufija umana kif iqisha Ġeħova?

Tqis id-dgħufija umana kif iqisha Ġeħova?

“Il-membri tal-ġisem li jidhru li huma iktar dgħajfin huma bżonnjużi.”—1 KOR. 12:22.

1, 2. Pawlu għala setaʼ juri empatija mad-dgħajfin?

ILKOLL inħossuna dgħajfin minn żmien għal żmien. L-influwenza jew xi allerġiji jistgħu jdgħajfuna sal-punt li nsibuha diffiċli biex inkampaw mal-attivitajiet tagħna taʼ kuljum. Issa immaġina li ilek tħossok bla enerġija, mhux biss għal ġimgħa jew tnejn, imma għal xhur sħaħ. F’sitwazzjoni bħal din, ma tiħux pjaċir jekk oħrajn juru empatija miegħek?

2 L-appostlu Pawlu kultant ħassu dgħajjef minħabba pressjonijiet minn barra u minn ġewwa l-kongregazzjoni. Iktar minn darba, hu ħaseb li ma felaħx għal iktar. (2 Kor. 1:8; 7:5) Hekk kif irrifletta fuq ħajtu u l-ħafna tbatijiet li kien esperjenza bħala Kristjan leali, Pawlu ammetta: “Min hu dgħajjef, u ma nkunx dgħajjef jien ukoll?” (2 Kor. 11:29) U rigward id-diversi membri tal-kongregazzjoni Kristjana, imxebbhin maʼ partijiet tal-ġisem uman, Pawlu qal li dawk li “jidhru li huma iktar dgħajfin huma bżonnjużi.” (1 Kor. 12:22) X’ried ifisser b’dan? Għala għandna nqisu lil dawk li jidhru li huma  iktar dgħajfin kif iqishom Ġeħova? U li nagħmlu hekk kif se jkun taʼ benefiċċju għalina?

KIF ĠEĦOVA JQIS ID-DGĦUFIJA UMANA

3. X’jistaʼ jeffettwa l-ħarsa tagħna lejn dawk fil-kongregazzjoni li jkollhom bżonn l-għajnuna?

3 Fid-dinja tal-lum, ħafna jieħdu vantaġġ minn dawk li huma fraġli u dgħajfin sabiex jiksbu dak li jridu. Jemmnu li biex individwu jkollu suċċess irid ikun żagħżugħ u b’saħħtu. L-attitudni tad-dinja tistaʼ teffettwa lilna wkoll. Forsi jibda jkollna ħarsa negattiva lejn ċerti aħwa li spiss ikollhom bżonn l-għajnuna. Kif nistgħu nqisu lil kull membru tal-kongregazzjoni kif iqisu Ġeħova?

4, 5. (a) It-tixbiha taʼ Pawlu tal-ġisem uman x’tgħallimna dwar kif Ġeħova jqis lil kull wieħed minna? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw meta ngħinu lid-dgħajfin?

4 Ġeħova jqis lil kull membru tal-kongregazzjoni bħala li hu importanti. F’kapitlu 12 tal-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu jfakkarna li anki l-iktar parti dgħajfa tal-ġisem uman hi bżonjuża. (Aqra l-1 Korintin 12:12, 18, 21-23.) Xi wħud li jemmnu fl-evoluzzjoni qalu li ċerti partijiet tal-ġisem mhumiex neċessarji. * Pereżempju, hemm min iddubita kemm hu utli s-subaʼ ż-żgħir tas-saqajn. Imma issa x-xjentisti skoprew li s-subaʼ ż-żgħir tagħna jgħin lil ġisimna kollu kemm hu jibqaʼ stabbli meta nkunu bilwieqfa.

5 It-tixbiha taʼ Pawlu tenfasizza li l-membri kollha tal-kongregazzjoni Kristjana huma utli. Satana jridna nemmnu li bina u mingħajrna xorta. Imma Ġeħova jqis lill-qaddejja kollha tiegħu bħala li huma “bżonnjużi,” anki dawk li jidhru li huma iktar dgħajfin. (Ġob 4:18, 19) Dan il-ħsieb għandu jgħinna lkoll inħossuna tajbin dwar l-irwol tagħna fil-kongregazzjoni lokali u dwar il-fatt li aħna parti mill-kongregazzjoni tal-poplu t’Alla madwar id-dinja. Pereżempju, ftakar meta warrabt il-ħin biex tgħin lil xi ħadd imdaħħal fiż-żmien. L-individwu bbenefika, imma mhux anki int ibbenefikajt? Dażgur, għax meta ngħinu lil oħrajn, aħna nħossuna ferħanin, insiru iktar paċenzjużi, insiru nħobbu lil ħutna saħansitra iktar, u nsiru Kristjani aħjar. (Efes. 4:15, 16) Missierna kollu mħabba jaf li meta kongregazzjoni tgħożż lill-membri kollha, minkejja l-limitazzjonijiet tagħhom, tkun qed turi bilanċ u mħabba.

6. Pawlu kif kultant uża l-kliem “dgħajfin” u “b’saħħithom”?

6 Taʼ interess, meta Pawlu kiteb lill-Korintin, hu uża l-kliem “dgħajfin” u “dgħjufija” meta kien qed jirreferi għall-mod kif uħud li ma kinux tal-istess twemmin kienu jħarsu lejn il-Kristjani tal-ewwel seklu u anki għall-mod kif ħassu dwaru nnifsu. (1 Kor. 1:26, 27; 2:3) Meta Pawlu tkellem dwar dawk li kienu “b’saħħithom,” ma kienx l-iskop tiegħu li jġiegħel lil xi Kristjani jħossuhom superjuri. (Rum. 15:1) Minflok, hu kien qed jgħid li Kristjani li għandhom iktar esperjenza għandhom juru paċenzja maʼ dawk li għadhom mhumiex stabbiliti sew fil-verità.

GĦANDNA BŻONN NAĠĠUSTAW IL-ĦARSA TAGĦNA?

7. Għala forsi ma jkunx faċli għalina li ngħinu lil dawk fil-bżonn?

7 Ġeħova jgħin lid-dgħajfin u jħossu ferħan meta aħna nagħmlu l-istess. (Salm 41:1; Efes. 5:1) Imma mhuwiex dejjem faċli għalina li nagħmlu hekk.  Għala? Forsi nħossu li ħutna għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-problemi tagħhom stess. Jew minħabba li ma nkunux nafu x’għandna ngħidu, għandna mnejn inħossuna imbarazzati u nevitaw lil dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Cynthia, * oħt li telaqha r-raġel, tgħid: “Tistaʼ tħossok imweġġaʼ jekk l-aħwa jevitawk jew ma jġibux ruħhom kif tistenna mingħand ħbieb tal-qalb. Meta tkun għaddej mill-provi, għandek bżonn in-nies madwarek.” Is-Sultan David ukoll ħassu mweġġaʼ meta sħabu evitawh.—Salm 31:12.

8. X’se jgħinna nuru iktar empatija?

8 X’aktarx li se nuru iktar empatija jekk niftakru li xi wħud mill-għeżież ħutna ddgħajfu minħabba ċirkustanzi diffiċli—forsi għandhom saħħa batuta, jgħixu f’dar maqsuma spiritwalment, jew għaddejjin minn dipressjoni. Xi darba forsi anki aħna nsibu ruħna f’sitwazzjoni simili. Qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda, l-Iżraelin, li kienu foqra u dgħajfin fl-art tal-Eġittu, ġew imfakkrin li m’għandhomx ‘iwebbsu qalbhom’ għal ħuthom li kienu qed ibatu. Ġeħova stenna minnhom li jqisu lill-foqra bħala li jistħoqqilhom l-għajnuna.—Dt. 15:7, 11; Lev. 25:35-38.

9. X’għandha tkun il-prijorità tagħna meta ngħinu lil dawk għaddejjin mill-problemi? Agħti tixbiha.

9 Minflok ma niġġudikaw lil dawk li qed jiffaċċjaw ċirkustanzi xejn sbieħ jew nissuspettaw fihom, għandna nagħtuhom faraġ spiritwali. (Ġob 33:6, 7; Mt. 7:1) Pereżempju, immaġina li xi ħadd iweġġaʼ f’aċċident bil-mutur u jittieħed malajr malajr l-isptar. Meta jasal, sejrin it-tobba u l-infermiera jaħlu l-ħin jiddiskutu jekk l-aċċident kienx tort tiegħu? Le, huma minnufih jagħtuh l-għajnuna medika. B’mod simili, jekk xi sieħeb fit-twemmin ikun iddgħajjef minħabba problemi persunali, il-prijorità tagħna għandha tkun li nagħtu għajnuna spiritwali.—Aqra l-1 Tessalonikin 5:14.

10. Xi wħud kif inhuma “għonja fil-fidi” avolja jidhru li huma dgħajfin?

10 Xi aħwa għandhom mnejn jidhru li huma dgħajfin. Imma jekk nieqfu ftit u naħsbu dwar is-sitwazzjoni tagħhom, forsi naraw li fil-fatt xejn mhuma dgħajfin. Immaġina kemm hu diffiċli għal oħt li żewġha ma jaqdix lil Ġeħova. U xi ngħidu għal omm waħedha li qed tistinka biex trabbi lil uliedha u li xorta tattendi l-laqgħat regolarment? Jew aħseb dwar adoloxxenti li kuljum jirreżistu l-pressjoni mill-iskola biex jitilqu mill-verità. Ilkoll għandhom imħabba vera għal Ġeħova u huma determinati li jibqgħu leali lejh. Meta naħsbu dwar kulma qed jagħmlu ħutna biex jaqdu lil Ġeħova, dan se jgħinna nqisuhom bħala li huma “għonja fil-fidi,” anki jekk jidhru li huma dgħajfin.—Ġak. 2:5.

AĠĠUSTA L-ĦARSA TIEGĦEK BIEX TKUN BĦAL TAʼ ĠEĦOVA

11, 12. (a) X’se jgħinna naġġustaw il-ħarsa tagħna lejn id-dgħufija umana? (b) X’nitgħallmu mill-mod kif Ġeħova ttratta m’Aron?

11 Aħna niġu megħjunin naġġustaw il-ħarsa tagħna lejn id-dgħufija umana biex tkun bħal taʼ Ġeħova billi nikkunsidraw kif hu ttratta lil ċerti qaddejja tiegħu meta żbaljaw. (Aqra Salm 130:3.) Pereżempju, kieku kont hemmhekk maʼ Mosè meta Aron għamel statwa t’għoġol tad-deheb, kif kont tħossok dwar l-iskużi fjakki t’Aron? (Eżo. 32:21-24) Jew kif kont tqis l-attitudni t’Aron meta, influwenzat minn oħtu, Mirjam, ikkritika lil Mosè talli żżewweġ mara barranija? (Num. 12:1, 2) Kieku kif kont tirreaġixxi meta Aron u Mosè m’onorawx lil  Ġeħova meta b’miraklu Hu pprovda l-ilma f’Meriba?—Num. 20:10-13.

12 F’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, Ġeħova setaʼ kkastiga lil Aron dak il-ħin stess. Imma hu kien jaf li avolja Aron kien dgħajjef f’ċerti mumenti, hu ma kienx raġel ħażin. Jidher li Aron ħalla ċ-ċirkustanzi jew l-influwenza t’oħrajn tiżvijah. Imma Aron kien lest li jammetti li kien għamel dawn l-iżbalji, u aċċetta l-pariri taʼ Ġeħova. (Eżo. 32:26; Num. 12:11; 20:23-27) Aron kien iħobb lil Ġeħova u kien niedem, allura Ġeħova ħafirlu. Huwa għalhekk li ħafna snin wara, Aron u familtu kienu għadhom miftakrin bħala qaddejja leali taʼ Ġeħova.—Salm 115:10-12; 135:19, 20.

13. Kif nistgħu naġġustaw il-mod kif naħsbu? Agħti eżempju.

13 Sabiex naġġustaw il-mod kif naħsbu ħalli jkun bħal taʼ Ġeħova, għandna neżaminaw kif inqisu lil dawk li jidhru li huma dgħajfin. (1 Sam. 16:7) Pereżempju, aħseb dwar adoloxxent li jidher li għandu attitudni ħażina. Forsi ma joqgħodx attent għad-divertiment li jagħżel. Tgħaġġilx biex taqtagħha li hu żagħżugħ ħażin. Minflok, aħseb dwar kif tistaʼ tgħinu. Ħu l-ħin biex tgħallmu kif jieħu deċiżjonijiet tajbin. Meta tgħin lil ħutek b’dan il-mod, se tkun iktar paċenzjuż magħhom u mħabbtek għalihom se tikber.

14, 15. (a) Ġeħova kif ħassu dwar il-fatt li Elija ħassu beżgħan? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza t’Elija?

14 Ġeħova kif iħossu dwar dawk li huma dipressi? Ikkunsidra kif għen lil wieħed mill-qaddejja tiegħu li ħassu hekk. Elija kien profeta taʼ Ġeħova li b’kuraġġ kien sfida lil 450 profeta taʼ Bagħal. Imma mbagħad Elija semaʼ li s-Sultana Ġeżabel riedet toqtlu. Tant  beżaʼ li mexa 150 kilometru lejn Bir-xeba u mbagħad mar ’il bogħod fid-deżert. Kien għajjien mejjet u tant ħassu dipress li xtaq imut.—1 Slat. 18:19; 19:1-4.

Ġeħova kkunsidra l-limitazzjonijiet t’Elija u bagħatlu anġlu biex jinkuraġġih (Ara paragrafi 14, 15)

15 Ġeħova kif ħassu meta ħares ’l isfel mis-sema u ra li l-profeta leali tiegħu kien tilef kull tama? Ċaħad lill-qaddej tiegħu għax ħassu dipress u beżgħan? Lanqas xejn! Ġeħova kkunsidra l-limitazzjonijiet t’Elija u bagħatlu anġlu. L-anġlu darbtejn inkuraġġixxa lil Elija biex jiekol ħalli jkun b’saħħtu biżżejjed biex ikompli l-vjaġġ tiegħu. (Aqra l-1 Slaten 19:5-8.) Iva, saħansitra qabel ma tah xi direzzjoni, Ġeħova ta widen lill-profeta tiegħu u ħa passi prattiċi biex jgħinu.

16, 17. Kif nistgħu nimitaw il-mod kif Ġeħova ħa ħsieb lil Elija?

16 Kif nistgħu nimitaw lil Alla tagħna kollu mħabba? M’għandniex ngħaġġlu biex nagħtu parir. (Prov. 18:13) Ikun aħjar jekk l-ewwel nieħdu l-ħin biex nuru empatija maʼ dawk li forsi jħossu li “huma inqas onorabbli” minħabba ċ-ċirkustanzi persunali tagħhom. (1 Kor. 12:23) Imbagħad ħa nkunu nafu verament x’għandhom bżonn u nkunu nistgħu ngħinuhom.

17 Pereżempju, aħseb dwar l-esperjenza taʼ Cynthia, li żewġha abbanduna lilha u liż-żewġt itfal tagħha. Huma sabu ruħhom waħedhom. Xi wħud fil-kongregazzjoni kif għenuhom? Hi tispjega: “Wara li ċempilna l-aħwa u għednielhom x’kien ġara, f’temp taʼ 45 minuta huma kienu d-dar tagħna. Bkew magħna u ma ħallewniex waħedna għall-ewwel ftit jiem. Minħabba li ma tantx konna qed nieklu u konna emozzjonali ħafna, għal xi żmien ħaduna ngħixu magħhom.” Dan x’aktarx ifakkrek f’dak li kiteb Ġakbu: “Jekk ħu jew oħt m’għandhomx x’jilbsu u huma neqsin mill-ikel taʼ kuljum, u madankollu wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru fil-paċi, isħnu u ixbgħu,’ imma ma tagħtuhomx il-bżonnijiet għal ġisimhom, x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.” (Ġak. 2:15-17) Grazzi għall-appoġġ f’waqtu li taw l-aħwa lokali, Cynthia u wliedha ħassewhom b’saħħithom biżżejjed biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji sitt xhur biss wara l-esperjenza trawmatika tagħhom.—2 Kor. 12:10.

ĦAFNA JIBBENEFIKAW

18, 19. (a) Kif nistgħu ngħinu lil dawk li huma dgħajfin? (b) Min jibbenefika meta ngħinu lil dawk li huma dgħajfin?

18 Jieħu ż-żmien biex nirkupraw wara li nkunu ilna morda fiżikament għal żmien twil. Meta xi ħadd minn ħutna jiżbalja jew ikun f’sitwazzjoni diffiċli, bl-istess mod jistaʼ jieħu ż-żmien biex jirkupra. Veru, seħibna fit-twemmin se jkollu bżonn isaħħaħ il-fidi tiegħu stess permezz taʼ studju persunali, talb, u attivitajiet Kristjani oħra. Imma se nuru aħna paċenzja sakemm jerġaʼ jikseb il-bilanċ? U sakemm jirkupra, se nuru mħabba li tissaporti? Se nħabirku biex lil dawk li għal xi żmien huma dgħajfin ngħinuhom iħossuhom prezzjużi u maħbubin?—2 Kor. 8:8.

19 Inħossuna ferħanin meta ngħinu lil oħrajn. Nitgħallmu wkoll nuru empatija u nkunu paċenzjużi. Imma mhux aħna biss nibbenefikaw. Il-kongregazzjoni kollha kemm hi se tikber fl-imħabba. Iktar importanti minn hekk, meta ‘ngħinu lid-dgħajfin,’ nuru li rridu nkunu bħal Ġeħova. Missierna kollu mħabba jqis lil kull persuna bħala li hi prezzjuża.—Atti 20:35.

^ par. 4 Fil-ktieb tiegħu The Descent of Man, Charles Darwin kiteb li ħafna partijiet tal-ġisem mhumiex bżonjużi. Evoluzzjonista ieħor stqarr li hemm għadd kbir taʼ partijiet tal-ġisem li mhumiex meħtiġin, bħall-appendiċi u t-timu (glandola bejn l-għonq u s-sider).

^ par. 7 L-isem ġie mibdul.