Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Hija l-kremazzjoni xierqa għall-Kristjani?

L-Iskrittura ma ssemmi l-ebda oġġezzjoni bażika għall-prattika tal-kremazzjoni.

Hemm rakkonti Bibliċi li jsemmu li l-iġsma jew l-għadam tan-nies ġew maħruqin. (Ġoż. 7:25; 2 Kron. 34:4, 5) Dan setaʼ indika li dawn in-nies ma kienx ħaqqhom difna deċenti. Imma meta iġsma mejtin kienu jiġu maħruqin mhux dejjem kien ifisser hekk.

Nistgħu naraw dan mir-rakkont tal-mewt tas-Sultan Sawl u t-tliet uliedu subien. L-erbgħa li huma mietu meta kienu qed jiġġieldu kontra l-Filistin. Wieħed mill-ulied kien Ġonatan, il-ħabib tal-qalb taʼ David u li kien jappoġġah lealment. Meta Iżraelin qalbenin li kienu jgħixu f’Ġabes-gilegħad saru jafu x’ġara, ħadu l-erbaʼ iġsma, ħarquhom, u mbagħad difnu l-għadam. Iktar tard, David faħħar lil dawn l-Iżraelin għal dak li għamlu.—1 Sam. 31:2, 8-13; 2 Sam. 2:4-6.

It-tama Skritturali għall-mejtin hi l-irxoxt—li Alla jerġaʼ jagħti l-ħajja lill-persuna. Kemm jekk il-persuna mejta tiġi kremata u kemm jekk le, Ġeħova għandu l-abbiltà li jerġaʼ jagħti l-ħajja lill-persuna b’ġisem ġdid. It-tliet Ebrej leali li ffaċċjaw il-mewt f’forn tan-nar bħalma kien ordna s-Sultan Nebukadnessar ma kellhomx għalfejn jibżgħu li jekk jinqerdu bin-nar, Alla ma setax jirxoxtahom. (Dan. 3:16-18) Dan hu minnu wkoll għall-qaddejja leali taʼ Ġeħova li ffaċċjaw il-mewt u l-kremazzjoni fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi. Diversi qaddejja leali t’Alla mietu fi splużjonijiet jew b’xi mod ieħor li ma ħalla xejn minnhom. Xorta waħda, l-irxoxt tagħhom hu ċert.—Riv. 20:13.

Ġeħova m’għandux għalfejn jgħaqqad flimkien il-ġisem li kellu individwu sabiex ikun jistaʼ jirxoxtah. Dan jidher mill-fatt li Alla jirxoxta lill-Kristjani midlukin għall-ħajja fis-sema. Bħal Ġesù, li “ngħata l-ħajja fl-ispirtu,” il-Kristjani midlukin jiġu rxoxtati bħala l-istess persuna imma b’ġisem bħal tal-anġli. Ebda parti mill-ġisem fiżiku li kellhom ma jmur magħhom fis-sema.—1 Pt. 3:18; 1 Kor. 15:42-53; 1 Ġw. 3:2.

It-tama tagħna fl-irxoxt mhijiex ibbażata fuq xi jsir mill-ġisem fiżiku, imma fuq il-fidi fl-abbiltà u x-xewqa t’Alla biex iwettaq il-wegħdi tiegħu. (Atti 24:15) Veru, jistaʼ jkun li ma nifhmux għalkollox kif Alla wettaq il-miraklu tal-irxoxt fil-passat jew kif se jagħmel dan fil-futur. Xorta waħda, aħna nafdaw f’Ġeħova. Hu ta “garanzija” billi rxoxta lil Ġesù.—Atti 17:31; Lq. 24:2, 3.

Il-Kristjani jagħmlu tajjeb li jikkunsidraw x’inhuma d-drawwiet soċjali, l-opinjonijiet lokali, u l-ħtiġijiet legali rigward x’għandu jsir mill-iġsma mejta. (2 Kor. 6:3, 4) Imbagħad, jekk issirx kremazzjoni tal-ġisem taʼ persuna mejta jew le hi deċiżjoni persunali jew tal-familja.