Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Ġesù qal lis-Sadduċej li dawk li jiġu rxoxtati “la jiżżewġu u lanqas jingħataw fiż-żwieġ.” (Lq. 20:34-36) Kien qed jitkellem dwar l-irxoxt fuq l-art?

Din hi mistoqsija importanti, speċjalment jekk tlift lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek fil-mewt. Forsi għandek xewqa qawwija li terġaʼ tingħaqad fiż-żwieġ mas-sieħeb jew is-sieħba rxoxtata tiegħek fid-dinja l-ġdida. Wieħed armel qal: “Jien u marti m’għażilniex li ntemmu ż-żwieġ tagħna. Kienet ix-xewqa taʼ qalbna li nibqgħu magħqudin fil-qima bħala koppja miżżewġa għal dejjem. Dawn is-sentimenti ma nbidlux għalija.” Hemm xi raġuni soda biex nittamaw li dawk li jiġu rxoxtati se jkunu jistgħu jiżżewġu? Fi kliem sempliċi, it-tweġiba hi li ma nafux.

Għal bosta snin, il-pubblikazzjonijiet tagħna qalu li l-kliem taʼ Ġesù dwar l-irxoxt u ż-żwieġ x’aktarx li jirreferi għall-irxoxt fuq l-art. Qalu wkoll li fid-dinja l-ġdida, dawk li jirxoxtaw milli jidher mhux se jiżżewġu. * (Mt. 22:29, 30; Mk. 12:24, 25; Lq. 20:34-36) Filwaqt li ma nistgħux inkunu dommatiċi, jistaʼ jagħti l-każ li kliem Ġesù jirreferi għall-irxoxt fis-sema? Ejja neżaminaw x’qal Ġesù.

Ġesù lil min kien qed ikellem meta għamel din l-istqarrija dwar l-irxoxt? (Aqra Luqa 20:27-33.) Kien qed ikellem lis-Sadduċej. Il-membri taʼ dan il-grupp reliġjuż ma kinux jemmnu fl-irxoxt u pprovaw jonsbu lil Ġesù b’mistoqsija dwar l-irxoxt u ż-żwieġ bejn armla u ħu żewġha. * Ġesù wieġeb: “Ulied din is-sistema jiżżewġu u jingħataw fiż-żwieġ, imma dawk li tqiesu denji li jiksbu s-sistema li ġejja u l-irxoxt mill-imwiet la jiżżewġu u lanqas jingħataw fiż-żwieġ. Fil-fatt, lanqas jistgħu jmutu iktar, għax huma bħall-anġli, u huma wlied Alla għax ikunu wlied l-irxoxt.”—Lq. 20:34-36.

Il-pubblikazzjonijiet tagħna għala qalu li Ġesù x’aktarx li kien qed jitkellem dwar l-irxoxt fuq l-art? Din il-konklużjoni hi bbażata primarjament fuq żewġ raġunijiet. L-ewwel, hu mifhum li s-Sadduċej probabbilment kellhom f’moħħhom irxoxt fuq l-art u li Ġesù kien se jwiġibhom fi qbil maʼ dan. It-tieni, Ġesù temm it-tweġiba tiegħu billi rrefera għal Abraham, Iżakk, u Ġakobb—patrijarki leali li se jiġu rxoxtati fuq l-art.—Lq. 20:37, 38.

Madankollu, jidher li Ġesù setaʼ kellu f’moħħu l-irxoxt fis-sema. Fuq liema bażi nistgħu naslu għal din il-konklużjoni? Ejja nikkunsidraw żewġ frażijiet importanti.

“Dawk li tqiesu denji li jiksbu . . . l-irxoxt mill-imwiet.” Il-midlukin leali ‘jitqiesu denji tas-saltna t’Alla.’ (2 Tess. 1:5, 11) Minħabba s-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, Alla jqis lill-midlukin bħala li huma ġusti. B’hekk, meta dawn imutu Alla jqishom bħala li huma ħelsin mid-dnub. (Rum. 5:1, 18; 8:1) Dawn l-uħud jissejħu ‘henjin u qaddisin’ u jitqiesu denji taʼ rxoxt fis-sema. (Riv. 20:5, 6) B’kuntrast, l-uħud li se jiġu rxoxtati għal ħajja fuq l-art se jinkludu lil “dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Jistgħu dawn ‘jitqiesu denji’ taʼ rxoxt?

 “Lanqas jistgħu jmutu iktar.” Ġesù ma qalx: “Mhumiex se jmutu iktar.” Minflok, hu qal: “Lanqas jistgħu jmutu iktar.” Traduzzjonijiet oħrajn jittraduċu din il-frażi bħala “m’għadhomx suġġettati għall-mewt” u “l-mewt m’għadx għandha qawwa fuqhom.” Il-midlukin li jibqgħu leali jiġu rxoxtati fis-sema. Hemmhekk huma se jkunu immortali. Dan ifisser li ma jistgħux imutu u li ħajjithom ma tistax tinqered. (1 Kor. 15:53, 54) Il-mewt ma jibqax ikollha qawwa fuq dawk li jingħataw irxoxt fis-sema. *

Skont l-informazzjoni li ddiskutejna s’issa, x’nistgħu nikkonkludu? Aħna sirna nafu li Ġesù setaʼ kien qed jirreferi għal irxoxt fis-sema. Jekk inhu hekk, mela aħna nifhmu tliet affarijiet dwar dawk li jiġu rxoxtati fis-sema: (1) Ma jiżżewġux, (2) ma jistgħux imutu, u (3) b’xi modi huma simili għall-anġli fis-sema. Imma jekk Ġesù kien qed jirreferi għal irxoxt fis-sema, dan iqajjem ċerti mistoqsijiet.

L-ewwel, Ġesù għala kien se jirreferi għall-irxoxt fis-sema meta wieġeb lis-Sadduċej, li x’aktarx kellhom f’moħħhom irxoxt fuq l-art? Ġesù mhux dejjem wieġeb l-opponenti tiegħu fi qbil maʼ dak li kienu qed jaħsbu. Pereżempju, lil xi Lhud li talbuh jurihom sinjal, hu qal: “Ġarrfu dan it-tempju u fi tlett ijiem intellgħu.” Ġesù x’aktarx li kien jaf li kienu qed jaħsbu dwar il-bini tat-tempju, “imma hu kien qed jitkellem dwar it-tempju taʼ ġismu.” (Ġw. 2:18-21) Forsi Ġesù ma ħassx li kellu għalfejn iwieġeb lis-Sadduċej, li ma kinux sinċieri u li ma kinux jemmnu fl-irxoxt jew fl-eżistenza tal-anġli. (Prov. 23:9; Mt. 7:6; Atti 23:8) Minflok, Ġesù forsi ried jagħti lid-dixxipli tiegħu xi dettalji dwar l-irxoxt fis-sema. Huma kienu wħud sinċieri li kien se jkollhom it-tama li jmorru fis-sema.

It-tieni, Ġesù għala kien se jtemm id-diskussjoni tiegħu b’referenza għal Abraham, Iżakk, u Ġakobb, li se jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art? (Aqra Mattew 22:31, 32.) Qabel ma semma lil dawn l-irġiel leali, Ġesù beda l-istqarrija tiegħu bil-kliem “rigward l-irxoxt tal-mejtin.” Din il-frażi forsi tagħti x’jifhem li se jkun hemm bidla fid-diskussjoni minn irxoxt fis-sema għal irxoxt fuq l-art. Ġesù kien jaf li s-Sadduċej kienu jaċċettaw il-kitbiet taʼ Mosè, u allura kkwota l-kliem li Alla qal lil Mosè ħdejn l-għollieqa taqbad bin-nar. Ġesù ried jagħti prova lis-Sadduċej li rxoxt fuq l-art hu parti mill-iskop t’Alla.—Eżo. 3:1-6.

It-tielet, jekk kliem Ġesù dwar l-irxoxt u ż-żwieġ japplika għall-irxoxt fis-sema, ifisser dan li dawk li jiġu lura fl-irxoxt fuq l-art se jkunu jistgħu jiżżewġu? Il-Kelma t’Alla ma tagħtix tweġiba ċara għal din il-mistoqsija speċifika. Jekk Ġesù kien fil-fatt qed jitkellem dwar l-irxoxt fis-sema, mela kliemu ma jispjegax jekk dawk li jirxoxtaw fuq l-art humiex se jkunu jistgħu jiżżewġu fid-dinja l-ġdida.

Sadanittant, aħna nafu li l-Kelma t’Alla tgħid fiċ-ċert li l-mewt ittemm ir-rabta taż-żwieġ. Għalhekk, armel, jew armla, m’għandux għalfejn iħossu ħati jekk jagħżel li jerġaʼ jiżżewweġ. Din hi deċiżjoni persunali, u dawn l-uħud m’għandhomx jiġu kritikati talli jfittxu l-kumpanija u l-imħabba taʼ sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ.—Rum. 7:2, 3; 1 Kor. 7:39.

Naturalment, aħna forsi għandna bosta mistoqsijiet dwar il-ħajja fid-dinja l-ġdida. Minflok ma noqogħdu nispekulaw bla bżonn fuq it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet, irridu nistennew u naraw. Imma minn dan nistgħu nkunu ċerti: Bnedmin ubbidjenti se jkunu ferħanin, għax Ġeħova se jissodisfa l-bżonnijiet u x-xewqat tagħhom kollha bl-aqwa mod possibbli.—Salm 145:16.

^ par. 4 Ara t-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Ġunju 1987, paġni 30-31.

^ par. 5 Fi żmien il-Bibbja kien hemm id-drawwa li armla tiżżewweġ lil ħu żewġha. Jekk raġel kien imut u ma jkollux ulied subien, l-armla tiegħu kienet tiżżewweġ lil ħuh. B’hekk, setgħu jkollhom tifel biex l-isem tal-familja ma jispiċċax.—Ġen. 38:8; Dt. 25:5, 6.

^ par. 9 Dawk li jiġu rxoxtati fuq l-art se jkollhom il-prospett li jirċievu l-ħajja taʼ dejjem, mhux l-immortalità. Biex titgħallem iktar dwar id-differenza bejn l-immortalità u l-ħajja taʼ dejjem, ara t-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 tʼApril 1984, paġni 30-31.