Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop ta’ Ġeħova?

X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop ta’ Ġeħova?

“In-nisa li qed ixandru l-aħbar tajba huma armata kbira.”—SALM 68:11.

1, 2. (a) Alla liema rigali tah lil Adam? (b) Alla għala tah mara lil Adam? (Ara l-ewwel stampa.)

ĠEĦOVA ħalaq l-art bi skop. Hu “sawwarha biex tkun abitata.” (Is. 45:18) L-ewwel ħolqien uman, Adam, kien perfett, u Ġeħova tah il-ġnien tal-Għeden—dar mill-isbaħ b’ħafna siġar u annimali. Imma Adam kien jonqsu xi ħaġa importanti. Ġeħova indika x’kienet meta qal: “Mhux tajjeb li r-raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” Alla mbagħad ġiegħel lil Adam jorqod fil-fond, ħa waħda mill-kustilji tiegħu u “sawwar il-kustilja . . . u għamilha mara.” Meta Adam qam, kien ferħan se jtir! “Sa fl-aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi,” qal Adam. “Din tissejjaħ Mara, għax mir-raġel din ittieħdet.”—Ġen. 2:18-23.

2 Il-mara kienet rigal mingħand Alla għal Adam. Hi kienet għajnuna perfetta għalih. Ukoll, hi ngħatat il-privileġġ speċjali li jkollha t-tfal. Il-Bibbja tgħid: “Adam lil martu beda jsejħilha Eva, għax kellha ssir omm il-ħajjin kollha.” (Ġen. 3:20; ntt.) Flimkien, Adam u Eva, kienu se jimlew l-art bi bnedmin perfetti. L-ewwel ġenituri tagħna u wliedhom kien se jkollhom il-privileġġ li jagħmlu l-art kollha ġenna u jieħdu  ħsieb il-ħlejjaq ħajjin l-oħra.—Ġen. 1:27, 28.

3. (a) Biex jitbierku minn Alla, Adam u Eva x’kellhom jagħmlu, imma x’ġara? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Imma biex jirċievu dawn il-barkiet, Adam u Eva kellhom jobdu lil Ġeħova u jirrikonoxxuh bħala l-Ħakkiem. (Ġen. 2:15-17) Kien biss billi jibqgħu leali lejn Alla li huma setgħu jwettqu l-iskop li Alla kellu għalihom. Imma, b’dispjaċir, dawn ġew influwenzati mis-“serp oriġinali,” Satana, u dinbu kontra Alla. (Riv. 12:9; Ġen. 3:1-6) Din ir-ribelljoni kif effettwat lin-nisa? Xi twettaq fil-passat minn nisa li kellhom il-biżaʼ t’Alla? In-nisa Kristjani tal-lum għala jistgħu jissejħu “armata kbira”?—Salm 68:11.

IR-RIŻULTAT TAD-DIŻUBBIDJENZA

4. Min inżamm responsabbli għad-dnub tal-ewwel koppja umana?

4 Meta ntalab jagħti kont tar-ribelljoni tiegħu, Adam ta din l-iskuża fjakka: “Il-mara li tajtni biex tkun miegħi tatni l-frott mis-siġra u kiltu.” (Ġen. 3:12) Adam mhux biss m’aċċettax ir-responsabbiltà għad-dnub tiegħu, imma pprova wkoll iwaħħal f’Eva u saħansitra f’Ġeħova—il-Ħallieq taʼ martu. Kemm Adam u kemm Eva dinbu, imma kien Adam li nżamm responsabbli għall-ħażen tagħhom. Għaldaqstant, l-appostlu Pawlu kiteb li “permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt.”—Rum. 5:12.

5. X’kien ir-riżultat tal-ħakma umana?

5 Satana kkonvinċa lil Adam u Eva li ma kellhomx bżonn lil Ġeħova bħala l-Ħakkiem tagħhom. Dan qajjem il-mistoqsija dwar min għandu d-dritt li jaħkem lill-bnedmin. Biex iwieġeb din il-mistoqsija darba għal dejjem, Ġeħova ppermetta lill-bnedmin jaħkmu lilhom infushom għal perijodu taʼ żmien. X’kien ir-riżultat? Il-bnedmin ġabu diżastru wara l-ieħor. Fis-seklu li għadda biss, madwar 100,000,000 ruħ mietu fil-gwerer—u dan jinkludi miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal innoċenti. Bħalma tgħid il-Bibbja, “triq il-bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.” (Ġer. 10:23) Huwa għalhekk li l-Kristjani veri jaċċettaw lil Ġeħova bħala l-Ħakkiem tagħhom.—Aqra Proverbji 3:5, 6.

6. F’ħafna pajjiżi, in-nisa u l-bniet kif jiġu trattati?

6 Kemm l-irġiel u kemm in-nisa batew f’din id-dinja maħkuma minn Satana. (Ekk. 8:9; 1 Ġw. 5:19) Però, in-nisa sfaw vittma taʼ xi ftit mill-agħar atti kriminali. Pereżempju, madwar id-dinja, mara minn kull tlieta ġiet attakkata minn żewġha jew l-għarus tagħha. Ukoll, f’xi kulturi s-subien huma preferuti. Għala? Għax meta jikbru jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom u jkomplu l-isem tal-familja. F’xi pajjiżi, il-bniet huma kkunsidrati bħala li ma jiswew għalxejn, u jsiru bil-wisq iktar aborti taʼ trabi bniet milli taʼ subien.

7. Alla liema bidu ta kemm lill-irġiel u kemm lin-nisa?

7 Alla ma jiħux pjaċir meta n-nisa jiġu trattati ħażin. Hu jittratta lin-nisa sew u jirrispettahom. Li Ġeħova jirrispetta lin-nisa jidher mill-fatt li lil Eva ħalaqha perfetta u bi kwalitajiet li għamluha sieħba li taqbel għal m’Adam u mhux skjava tiegħu. Din hi raġuni waħda għala, fit-tmiem tas-sitt jum tal-ħolqien, Alla “ra kulma kien għamel, u, ara, kien tajjeb ħafna.” (Ġen. 1:31) Ġeħova ta bidu tajjeb ħafna kemm lill-irġiel u kemm lin-nisa!

 NISA LI KELLHOM L-APPOĠĠ TAʼ ĠEĦOVA

8. (a) In-nies inġenerali kif iġibu ruħhom? (b) Matul l-istorja, Ġeħova lil min għen u appoġġa?

8 Wara r-ribelljoni fl-Għeden, il-bnedmin inġenerali baqgħu jkunu diżubbidjenti lejn Ġeħova. F’dawn l-aħħar snin, l-imġiba tan-nies saret agħar minn qatt qabel. Bla dubju, dawn kienu “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” bħalma bassret il-Bibbja. (2 Tim. 3:1-5) Minkejja l-ħażen taʼ xi wħud, dejjem kien hemm irġiel u nisa li obdew il-liġijiet t’Alla u aċċettawh bħala l-Ħakkiem tagħhom. Huma fdaw f’Ġeħova, u hu għenhom u appoġġahom.—Aqra Salm 71:5.

9. Kemm-il individwu salva mid-Dulluvju, u għala?

9 Meta Alla qered lin-nies mill-agħar permezz taʼ Dulluvju fi żmien Noè, kienu ftit l-uħud li baqgħu ħajjin. Jekk ħut Noè kienu għadhom ħajjin f’dak iż-żmien, anki huma mietu fid-Dulluvju. (Ġen. 5:30) Imma daqskemm salvaw irġiel salvaw nisa mid-Dulluvju. Dawk li baqgħu ħajjin kienu Noè, martu, it-tliet uliedu subien, u n-nisa tagħhom. Salvaw għax kellhom il-biżaʼ t’Alla u għax għamlu r-rieda tiegħu. Il-biljuni taʼ nies li qed jgħixu llum huma dixxendenti taʼ dawn it-tmien individwi li kellhom l-appoġġ taʼ Ġeħova.—Ġen. 7:7; 1 Pt. 3:20.

10. Ġeħova għala għen u pproteġa lin-nisa taʼ rġiel leali?

10 Snin wara, anki n-nisa taʼ patrijarki leali kellhom l-għajnuna u l-protezzjoni t’Alla. Huma ma lmentawx dwar ħajjithom, u Ġeħova berikhom. (Ġuda 16) Waħda minn dawn in-nisa kienet Sara. Meta ntalbet biex titlaq mid-dar komda tagħha f’Ur biex tgħix fit-tined, hi ma gergritx. Minflok, ‘obdiet lil Abraham u sejħitlu “sidi.”’ (1 Pt. 3:6) Aħseb ukoll dwar Rebekka, il-mara taʼ Iżakk. Hi kienet rigal meraviljuż mingħand Ġeħova. Il-Bibbja tgħid li Iżakk “sar iħobbha, u . . . sab il-faraġ wara li tilef lil ommu.” (Ġen. 24:67) Illum, il-poplu taʼ Ġeħova huwa privileġġat li fostu hemm ħafna nisa leali bħal Sara u Rebekka.

11. Żewġ majjistri Ebrajċi kif urew kuraġġ?

11 Matul is-snin li kienu lsiera fl-Eġittu, l-Iżraelin żdiedu ħafna fl-għadd, u l-Fargħun ta ordni biex it-trabi subien Ebrajċi jinqatlu malli jitwieldu. Madankollu, ikkunsidra l-majjistri Ebrajċi Sifra u Puwa, li x’aktarx kienu fuq il-majjistri l-oħrajn kollha. Huma m’obdewx il-kmand tal-Fargħun biex joqtlu t-trabi subien tal-Iżraelin. Dawn il-majjistri kienu kuraġġużi għax kienu jibżgħu iktar minn Ġeħova milli mill-Fargħun. U Ġeħova iktar tard ippremjahom billi tahom li jkollhom il-familja tagħhom stess.—Eżo. 1:15-21.

12. X’kien hemm taʼ min jinnotah dwar Debora u Ġagħel?

12 Matul iż-żmien li l-Iżraelin kellhom l-imħallfin, Alla ħatar mara jisimha Debora bħala profetessa. Debora inkuraġġiet lill-Imħallef Barak u għenet lill-Iżraelin biex jinħelsu mill-għedewwa tagħhom. Hi bassret li l-glorja tar-rebħa fuq il-Kangħanin kienet se tingħata lil mara, u mhux lil Barak. Dawn l-għedewwa ġew megħlubin meta Ġagħel, mara li ma kinitx Iżraelija, qatlet lil Sisera, il-kap tal-armata Kangħanija.—Mħ. 4:4-9, 17-22.

13. Il-Bibbja x’tgħidilna dwar Abigajl?

13 Abigajl kienet mara leali li għexet fis-seklu 11 QEK. Hi kienet bil-għaqal ferm, filwaqt li żewġha, Nabal, kien aħrax, mhu tajjeb għalxejn, u jaġixxi bla sens. (1 Sam. 25:2, 3, 25) David u l-irġiel  tiegħu għal xi żmien ipproteġew l-irġiel taʼ Nabal, imma meta mbagħad talbu xi provvisti, hu “għajjat magħhom u ċanfarhom” u ma tahom xejn. Dan tant irrabja lil David li ppjana li joqtol lil Nabal u l-irġiel tiegħu. Meta semgħet dwar dan, Abigajl ħadet ikel u xorb lil David u l-irġiel tiegħu, u għalhekk ma kienx hemm tixrid taʼ demm. (1 Sam. 25:8-18) David iktar tard qalilha: “Ikun imbierek Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, li llum bagħtek tiltaqaʼ miegħi!” (1 Sam. 25:32) Wara li miet Nabal, David iżżewweġ lil Abigajl.—1 Sam. 25:37-42.

14. Il-bniet taʼ Sallum ħadu sehem f’liema xogħol, u n-nisa Kristjani kif qed jagħmlu xi ħaġa simili llum?

14 Meta l-qawwiet Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha fis-sena 607 QEK, mietu ħafna rġiel, nisa, u tfal. Is-swar tal-belt reġgħu nbnew fis-sena 455 QEK taħt is-superviżjoni taʼ Neħemija. Fost dawk li għenu fit-tiswija tas-swar kien hemm il-bniet taʼ Sallum. Missierhom kien prinċep taʼ nofs id-distrett taʼ Ġerusalemm. (Neħ. 3:12) Minkejja dan, il-bniet taʼ Sallum kienu lesti jmiddu jdejhom għax-xogħol. Dan ifakkarna fil-ħafna nisa Kristjani li jaħdmu fuq proġetti taʼ bini madwar id-dinja llum.

NISA LI KELLHOM IL-BIŻAʼ T’ALLA FL-EWWEL SEKLU

15. Ġeħova liema privileġġ ta lil Marija?

15 Xi ftit qabel u matul l-ewwel seklu EK, Ġeħova bierek lil għadd taʼ nisa bi privileġġi mill-aqwa. Fosthom kien hemm verġni jisimha Marija. Hi kienet għarusa lil Ġużeppi. Imma qabel ma żżewġu, hi ħarġet tqila permezz tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Alla għala għażel lil Marija biex tkun omm Ġesù? Bla dubju għax kellha kwalitajiet taʼ valur li kienu meħtiġin biex trabbi lit-tifel perfett tagħha. Xi privileġġ kien li tkun omm l-aqwa bniedem li qatt għex fuq l-art!—Mt. 1:18-25.

16. Agħti eżempju li juri l-attitudni taʼ Ġesù lejn in-nisa.

16 Ġesù kien qalbu tajba ħafna man-nisa. Pereżempju, ikkunsidra mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bi tnixxija taʼ demm. Hi resqet lejn Ġesù f’folla u messitlu l-libsa. Minflok ma ċanfarha, Ġesù b’qalb tajba qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi, u kun imfejqa mill-marda kiefra tiegħek.”—Mk. 5:25-34.

17. Liema miraklu seħħ f’Pentekoste tas-sena 33 EK?

17 Waqt li Ġesù u l-appostli tiegħu kienu jivvjaġġaw, kien hemm xi nisa li kienu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. (Lq. 8:1-3) U f’Pentekoste tas-sena 33 EK, madwar 120 raġel u mara rċivew l-ispirtu t’Alla b’mod speċjali. (Aqra Atti 2:1-4.) Dan it-tferrigħ tal-ispirtu qaddis kien imbassar bil-kliem: “Jien [Ġeħova] inferraʼ l-ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin, u wliedkom subien u bniet jipprofetizzaw . . . U saħansitra fuq il-qaddejja rġiel u nisa nferraʼ l-ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem.” (Ġoel 2:28, 29) Dan il-miraklu fil-jum taʼ Pentekoste wera li Ġeħova appoġġa lil dawn l-irġiel u n-nisa li saru “l-Israel t’Alla.” (Gal. 3:28; 6:15, 16) Fost in-nisa Kristjani li ħadu sehem fil-ministeru fl-ewwel seklu kien hemm l-erbat ibniet taʼ Filippu l-evanġelizzatur.—Atti 21:8, 9.

“ARMATA KBIRA” TAʼ NISA

18, 19. (a) Alla liema privileġġ ta kemm lill-irġiel u kemm lin-nisa? (b) Is-salmista kif jirreferi għan-nisa li jxandru l-aħbar tajba?

18 Minn madwar is-sena 1875, kien hemm xi rġiel u nisa li wrew interess kbir fil-qima vera. Dawn kienu l-uħud  li wittew it-triq għalina billi ppritkaw il-messaġġ taʼ Ġesù u kienu parti mit-twettiq tal-profezija taʼ Ġesù: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mt. 24:14.

19 Il-grupp żgħir taʼ Studenti tal-Bibbja llum kiber għal madwar 8,000,000 Xhud taʼ Ġeħova. Fl-2013, iktar minn 11,000,000 ruħ oħra wrew interess fil-Bibbja u fix-xogħol tagħna billi attendew għat-Tifkira annwali tal-mewt taʼ Ġesù. Il-maġġuranza minnhom kienu nisa. Ukoll, hemm iktar minn 1,000,000 Xhud fis-servizz fultajm. F’ħafna pajjiżi, il-biċċa l-kbira tagħhom huma nisa. Alla tabilħaqq ta lin-nisa leali l-privileġġ li jieħdu sehem fit-twettiq tal-kliem tas-salmista: “Ġeħova joħroġ il-kelma; in-nisa li qed ixandru l-aħbar tajba huma armata kbira.”—Salm 68:11.

In-nisa li jxandru l-aħbar tajba verament huma “armata kbira” (Ara paragrafi 18, 19)

BARKIET KBAR FIL-FUTUR GĦAN-NISA LI GĦANDHOM IL-BIŻAʼ T’ALLA

20. Liema suġġetti huma tajbin għall-qima tal-familja jew għall-istudju persunali?

20 M’għandniex biżżejjed spazju biex niddiskutu l-ħafna nisa leali li huma msemmijin fil-Bibbja. Imma lkoll kemm aħna nistgħu naqraw dwarhom fil-Kelma t’Alla u f’artikli ppubblikati fil-letteratura tagħna. Pereżempju, nistgħu nimmeditaw fuq il-lealtà taʼ Rut. (Rut 1:16, 17) Jekk naqraw il-ktieb tal-Bibbja li hu msemmi għas-Sultana Ester u artikli dwarha nistgħu niġu megħjunin insaħħu l-fidi tagħna. Nistgħu nistudjaw dwar dawn in-nisa u oħrajn matul il-lejla tal-Qima tal-Familja tagħna. Jekk ngħixu waħedna nistgħu nikkunsidraw dawn is-suġġetti matul l-istudju persunali tagħna.

21. Nisa li jibżgħu minn Alla kif urew id-devozzjoni tagħhom lejn Ġeħova fi żminijiet diffiċli?

21 Ġeħova ċertament li jbierek ix-xogħol tal-ippritkar taʼ nisa Kristjani u jappoġġahom fi żminijiet taʼ prova. Pereżempju, bl-għajnuna tiegħu, nisa li kellhom il-biżaʼ t’Alla żammew l-integrità tagħhom taħt il-ħakma Nazista u Komunista minkejja li ħafna minnhom batew u xi ftit saħansitra tilfu ħajjithom għax obdew lil Alla. (Atti 5:29) Illum bħal fil-passat, ħutna n-nisa u l-aduraturi sħabhom kollha għażlu lil Alla bħala l-Ħakkiem tagħhom. Infatti, bħalma kien fil-każ tal-Iżraelin tal-qedem, Ġeħova jaqbdilhom idhom il-leminija u jgħid: “Tibżax. Jien stess ngħinek.”—Is. 41:10-13.

22. Fil-futur, għal liema privileġġi nistgħu nħarsu ’l quddiem?

22 Fil-futur qarib, irġiel u nisa li għandhom il-biżaʼ t’Alla se jbiddlu l-art f’ġenna u jgħinu lil miljuni taʼ wħud irxoxtati jitgħallmu dwar l-iskopijiet taʼ Ġeħova. Sadanittant, jalla lkoll kemm aħna ngħożżu l-privileġġ li għandna li naqduh “spalla maʼ spalla.”—Sof. 3:9.