Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm f’moħħok lil dawk fis-servizz fultajm

Żomm f’moħħok lil dawk fis-servizz fultajm

“Bla waqfien inżommu f’moħħna l-għemil tagħkom li ġej mill-fidi u t-taħbit tagħkom bl-imħabba.”—1 TESS. 1:3.

1. Pawlu kif ħassu dwar dawk li ħadmu iebes biex ixandru l-aħbar tajba?

L-APPOSTLU Pawlu żamm f’moħħu lil dawk li ħadmu iebes biex ixandru l-aħbar tajba. Pawlu kiteb: “Bla waqfien inżommu f’moħħna l-għemil tagħkom li ġej mill-fidi u t-taħbit tagħkom bl-imħabba u s-sabar tagħkom minħabba t-tama tagħkom fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu quddiem Alla u Missierna.” (1 Tess. 1:3) Anki Ġeħova jżomm f’moħħu u jgħożż kull ħaġa li jagħmlu n-nies tiegħu biex jaqduh, kemm jekk jifilħu jagħmlu ħafna u kemm jekk ftit.—Ebr. 6:10.

2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

2 Ħafna mill-qaddejja sħabna—tal-passat u taʼ żmienna—għamlu sagrifiċċji kbar biex jaqdu lil Ġeħova fultajm. F’dan l-artiklu se niddiskutu x’għamlu xi wħud fl-ewwel seklu biex jaqdu lil Ġeħova. Se nitgħallmu wkoll x’qed jagħmlu l-qaddejja fultajm illum, u se naraw kif nistgħu ngħinuhom.

IL-KRISTJANI FL-EWWEL SEKLU

3, 4. (a) Xi wħud kif qdew fl-ewwel seklu? (b) Il-Kristjani fl-ewwel seklu kif għenu lill-qaddejja fultajm?

3 Ftit wara l-magħmudija tiegħu, Ġesù beda jipprietka dwar is-Saltna u għallem lil oħrajn biex jagħmlu dan l-istess xogħol. (Lq. 3:21-23; 4:14, 15, 43) Wara li miet Ġesù, l-appostli tiegħu ħadu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar u dan baqaʼ jinfirex. (Atti 5:42;  6:7) Xi Kristjani, bħal Filippu, qdew bħala evanġelizzaturi u missjunarji fil-Palestina. (Atti 8:5, 40; 21:8) Pawlu u oħrajn ivvjaġġaw lejn postijiet iktar imbegħdin. (Atti 13:2-4; 14:26; 2 Kor. 1:19) Xi wħud—pereżempju, Silvanu (Sila), Marku, u Luqa—qdew ukoll bħala segretarji jew kittieba. (1 Pt. 5:12) Bosta nisa Kristjani ħadmu spalla maʼ spalla maʼ dawn l-aħwa rġiel leali. (Atti 18:26; Rum. 16:1, 2) Fl-Iskrittura Griega Kristjana naqraw dwar l-esperjenzi eċċitanti taʼ dawn l-aħwa. Dawn ir-rakkonti jfakkruna li Ġeħova jgħożż ix-xogħol tal-qaddejja tiegħu u jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom.

4 Il-qaddejja fultajm fl-ewwel seklu ngħataw liema appoġġ materjali? Kultant, huma ntwerew ospitalità minn sħabhom il-Kristjani jew ingħataw xi tip t’għajnuna oħra, imma ma sforzawhomx biex jagħtuhom din l-għajnuna. (1 Kor. 9:11-15) Xi individwi u kongregazzjonijiet minn jeddhom appoġġaw lil dawn l-uħud. (Aqra Atti 16:14, 15; Filippin 4:15-18.) Pawlu u sħabu li vvjaġġaw miegħu ħadmu wkoll partajm biex ikopru l-ispejjeż tagħhom.

IL-QADDEJJA FULTAJM FI ŻMIENNA

5. Koppja miżżewġin x’qalu dwar il-ħajja tagħhom fis-servizz fultajm?

5 Illum, ukoll, ħafna jaħdmu iebes f’diversi aspetti tas-servizz fultajm. (Ara l-kaxxa “Forom differenti taʼ servizz fultajm.”) Kif iħossuhom dwar il-karriera li għażlu? Int se tiġi inkuraġġit jekk din il-mistoqsija tistaqsiha lil xi wħud minn ħutek. Ikkunsidra dan l-eżempju: Ħu li qeda bħala pijunier regulari, pijunier speċjali, missjunarju, u membru tal-familja Betel f’pajjiż barrani jgħid: “Inħoss li waħda mill-aqwa għażliet li qatt għamilt kienet li nidħol fis-servizz fultajm. Meta kelli 18-il sena kont qed insibha diffiċli biex niddeċiedi bejn offerti għal taħriġ f’università, karriera sekulari fultajm, u x-xogħol taʼ pijunier. L-esperjenza għallmitni li Ġeħova ma jinsiex is-sagrifiċċji li tagħmel biex taqdih fultajm. Jien stajt nuża kwalunkwe talent jew abbiltà li tani Ġeħova b’modi li qatt ma kienu jkunu possibbli kieku għażilt karriera fid-dinja.” Il-mara tiegħu tgħid: “Kull inkarigu għenni nikber iktar. Aħna ħassejna l-protezzjoni u d-direzzjoni taʼ Ġeħova darba wara l-oħra u b’modi li qatt ma konna nesperjenzawhom kieku bqajna fejn konna qegħdin komdi. Lil Ġeħova kuljum nirringrazzjah għall-ħajja tagħna fis-servizz fultajm.” Int tixtieq tħossok hekk dwar il-ħajja tiegħek?

6. Ġeħova kif iħossu dwar is-servizz tagħna lejh?

6 M’għandniex xi ngħidu, xi wħud għandhom ċirkustanzi li għalissa ma jippermettulhomx jieħdu sehem fil-ministeru fultajm. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova jgħożż ukoll l-isforzi li dawn l-uħud jagħmlu b’ruħhom kollha. Aħseb f’dawk li semma Pawlu f’Filemon 1-3, inkluż dawk kollha li kienu parti mill-kongregazzjoni f’Kolossi. (Aqra.) Kemm Pawlu u kemm Ġeħova apprezzawhom. Bl-istess mod, Missierna tas-sema japprezza s-servizz tiegħek. Iżda kif tistaʼ tgħin lil dawk li bħalissa qed jaqdu fultajm?

MODI KIF NISTGĦU NGĦINU LILL-PIJUNIERI

7, 8. X’jinvolvi x-xogħol taʼ pijunier, u oħrajn fil-kongregazzjoni kif jistgħu jgħinu lill-pijunieri?

7 Bħall-evanġelizzaturi tal-ewwel seklu, pijunieri żelużi huma sors kbir taʼ inkuraġġiment għall-kongregazzjonijiet. Ħafna jaħdmu iebes billi jqattgħu 70 siegħa kull xahar fil-ministeru. Kif tistaʼ tgħinhom?

8 Pijuniera jisimha Shari qalet: “Il-pijunieri jidhru li huma b’saħħithom peress li jkunu fil-ministeru kuljum. Imma dawn xorta waħda jeħtieġu l-inkuraġġiment.” (Rum. 1:11, 12) Oħt oħra li rnexxielha taqdi bħala pijuniera għal ħafna snin qalet hekk dwar il-pijunieri fil-kongregazzjoni  tagħha: “Huma jaħdmu iebes u bla waqfien. Meta oħrajn joffrulhom biex imorru bil-karozza tagħhom fis-servizz, jistidnuhom għal xi ikla, jagħtuhom xi ħaġa tal-flus għall-fjuwil jew xi għajnuna finanzjarja oħra, huma jħossuhom grati. Meta tagħmel hekk tkun qed turihom li verament jimpurtak minnhom.”

9, 10. Xi wħud x’għamlu biex jgħinu lill-pijunieri fil-kongregazzjoni tagħhom?

9 Tixtieq tgħin lill-pijunieri fil-ministeru? Pijuniera jisimha Bobbi qalet: “Għandna bżonn iktar appoġġ matul il-ġimgħa.” Pijuniera oħra fl-istess kongregazzjoni żiedet tgħid: “Veru diffiċli biex issib maʼ min taħdem waranofsinhar.” Oħt li issa taqdi fil-Betel taʼ Brookyln tiftakar fl-għajnuna li rċiviet meta kienet pijuniera. Hi tgħid: “Waħda oħt li kellha karozza qaltli, ‘Kull meta ma jkollokx maʼ min taħdem fil-ministeru, ċempilli, u noħroġ jien miegħek.’ Mingħajrha ma nafx kif kont inkompli fix-xogħol taʼ pijunier.” U Shari tgħid: “Wara s-servizz, pijunieri li mhumiex miżżewġin spiss ikunu waħedhom. Forsi minn żmien għal żmien tistaʼ tistieden lil aħwa mhux miżżewġin biex jingħaqdu magħkom għall-qima tal-familja. Li tinkludihom f’attivitajiet oħra wkoll jgħinhom jibqgħu b’saħħithom.”

10 Waħda oħt li ilha fis-servizz fultajm kważi 50 sena tgħid hekk dwar l-għajnuna li ngħatat lilha u lil aħwa nisa oħrajn mhux miżżewġin: “L-anzjani tagħna kienu jżuru lill-pijunieri kull ftit xhur. Kienu jistaqsuna dwar is-saħħa tagħna u x-xogħol sekulari u kienu jaraw jekk kellniex xi problema. Dan kienu jagħmluh minn qalbhom. Kienu jżuru l-appartament tagħna biex jaraw jekk kellniex bżonn xi ftit għajnuna.” Dawn l-anzjani u oħrajn bħalhom isegwu l-eżempju t’Onesiforu. Hu kellu jieħu ħsieb lil familtu, imma għen ukoll lil Pawlu.—2 Tim. 1:18.

11. X’jinvolvi li taqdi bħala pijunier speċjali?

11 Xi kongregazzjonijiet huma mberkin għax għandhom pijunieri speċjali jaqdu magħhom. Ħafna minn dawn l-aħwa jaħdmu iebes billi jqattgħu madwar 130 siegħa kull xahar fil-ministeru tal-għalqa. Minħabba l-ħin li jqattgħu fil-ministeru u f’li jgħinu b’modi oħra, għandhom ftit jew ebda ħin għal xogħol sekulari. L-uffiċċju tal-fergħa jagħtihom xi ħaġa żgħira tal-flus  kull xahar biex ikunu jistgħu jiffokaw fuq il-ministeru.

12. L-anzjani u oħrajn kif jistgħu jgħinu lill-pijunieri speċjali?

12 Kif nistgħu ngħinu lill-pijunieri speċjali? Anzjan li jaħdem f’uffiċċju tal-fergħa u li tkellem maʼ ħafna pijunieri speċjali jgħid: “L-anzjani għandhom bżonn jitkellmu magħhom, isiru jafu x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħhom, u mbagħad jaraw kif jistgħu jgħinuhom. Xi Xhieda jassumu li l-pijunieri speċjali m’għandhom bżonn l-ebda għajnuna peress li jirċievu xi ħaġa żgħira tal-flus, imma l-aħwa lokali jistgħu jgħinuhom b’ħafna modi.” Bħall-pijunieri regulari, il-pijunieri speċjali japprezzaw meta jkollhom maʼ min jaħdmu fil-ministeru tal-għalqa. Int tistaʼ tgħinhom f’dan?

KIF NISTGĦU NGĦINU LILL-INDOKRATURI LI JIVVJAĠĠAW

13, 14. (a) X’għandna niftakru dwar l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u n-nisa tagħhom? (b) X’tistaʼ tagħmel int biex tgħin lil dawk li qed jaqdu fix-xogħol tal-ivvjaġġar?

13 L-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u n-nisa tagħhom huma aħwa tal-esperjenza li għandhom fidi soda u li jinkuraġġuna. Imma m’għandniex ninsew li huma wkoll jeħtieġu l-inkuraġġiment. Anki dawn l-aħwa għandhom bżonn uħud biex jaħdmu magħhom fil-ministeru. U huma japprezzaw ħafna meta l-aħwa jistidnuhom biex jieħdu sehem f’xi tip taʼ rikreazzjoni flimkien magħhom. Meta l-indokraturi li jivvjaġġaw jew in-nisa tagħhom ikunu l-isptar jew ikunu qed jirkupraw minn xi marda, nistgħu ngħinuhom billi nżuruhom u nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Luqa, “it-tabib maħbub,” ħa ħsieb il-bżonnijiet taʼ Pawlu u oħrajn li kienu jivvjaġġaw biex iżuru diversi kongregazzjonijiet.—Kol. 4:14; Atti 20:5–21:18.

14 L-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom għandhom bżonn u jgħożżu ħbieb tal-qalb. Wieħed indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet kiteb: “Il-ħbieb tiegħi donnhom ikunu jafu meta jkolli bżonn l-inkuraġġiment. Huma jagħmluli mistoqsijiet għaqlin, u dan jgħinni niftaħ qalbi magħhom. Is-sempliċi fatt li huma semmiegħa tajbin jgħinni ħafna.” L-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u n-nisa tagħhom japprezzaw ferm l-interess persunali li ħuthom juru fihom.

APPOĠĠA LILL-MEMBRI TAL-FAMILJA BETEL

15, 16. Għala hu importanti x-xogħol li jagħmlu dawk li jaqdu Betel, u kif nistgħu ngħinuhom?

15 Dawk li jaħdmu Betel jagħmlu xogħol vitali li jappoġġa l-ippritkar tal-aħbar tajba. Jekk fil-kongregazzjoni, jew fis-circuit, tiegħek hemm il-Beteliti, kif tistaʼ turi li żżommhom f’moħħok?

16 Meta l-ewwel jidħlu Betel, għandhom mnejn iħossuhom waħedhom u jimmissjaw lil familthom u l-ħbieb. Kemm ikunu grati meta sħabhom il-Beteliti u l-membri tal-kongregazzjoni l-ġdida tagħhom jagħmlu ħbieb magħhom! (Mk. 10:29, 30) L-iskeda normali tax-xogħol tippermettilhom jattendu l-laqgħat Kristjani u jieħdu sehem fis-servizz tal-għalqa kull ġimgħa. Però, kultant żmien, il-Beteliti forsi jkollhom xi inkarigi oħra. Huwa tajjeb meta l-kongregazzjonijiet jifhmuh dan u juru li jgħożżu x-xogħol li jagħmlu l-Beteliti.—Aqra l-1 Tessalonikin 2:9.

NGĦINU LILL-QADDEJJA FULTAJM F’PAJJIŻI BARRANIN

17, 18. Liema inkarigi differenti għandhom dawk li jaqdu f’pajjiżi barranin?

17 Dawk li jaċċettaw inkarigu biex jaħdmu f’pajjiż ieħor għandhom mnejn isibu li l-ikel, il-lingwi, id-drawwiet, u l-kundizzjonijiet huma differenti ferm minn dak li kienu mdorrijin bih. Għala jagħżlu li jaċċettaw l-isfida taʼ dawn il-bidliet?

18 Xi wħud huma missjunarji, li primarjament jaqdu fil-ministeru tal-għalqa, u  għalhekk ħafna jistgħu jibbenefikaw mit-taħriġ speċjalizzat tagħhom. L-uffiċċju tal-fergħa jagħti lill-missjunarji post sempliċi fejn jgħixu u xi ħaġa żgħira tal-flus biex ikopru l-bżonnijiet bażiċi tagħhom. Oħrajn li jaqdu f’pajjiżi barranin jiġu inkarigati biex jaqdu f’uffiċċju tal-fergħa jew biex jgħinu fil-bini taʼ uffiċċji tal-fergħa, uffiċċji tat-traduzzjoni, Swali tal-Assemblea, jew Swali tas-Saltna. L-uffiċċju tal-fergħa jew l-aħwa lokali jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom, bħall-ikel u post fejn joqogħdu. Bħall-familja Betel, dawn il-volontieri fil-bini jattendu l-laqgħat u joħorġu fil-ministeru tal-għalqa regolarment. Il-kongregazzjonijiet jibbenefikaw mill-esperjenza taʼ dawn l-aħwa.

19. X’għandna nżommu f’moħħna dwar dawk li jaqdu f’pajjiżi barranin?

19 Kif tistaʼ żżomm lil qaddejja fultajm bħal dawn f’moħħok? Ftakar li—speċjalment għall-ewwel—forsi ma jkunux imdorrijin jieklu ċertu ikel tal-lokal. Dan tistaʼ żżommu f’moħħok meta tistidinhom għal xi ikla; forsi l-ewwel tistaʼ tistaqsihom xi jħossuhom komdi jieklu jew x’jixtiequ jipprovaw. Kun paċenzjuż hekk kif jitgħallmu l-lingwa u d-drawwiet lokali. Għandhom mnejn idumu ftit qabel ma jifhmu kulma tgħidilhom, imma tistaʼ bil-ħlewwa tgħinhom bil-pronunzja tagħhom. Huma jridu jitgħallmu!

20. Kif nistgħu ngħinu lill-qaddejja fultajm u l-ġenituri tagħhom?

20 Il-qaddejja fultajm jikbru fl-età, u anki l-ġenituri tagħhom. Meta l-ġenituri jkunu Xhieda, x’aktarx li l-akbar xewqa tagħhom tkun li wliedhom jibqgħu fl-inkarigi tagħhom. (3 Ġw. 4) M’għandniex xi ngħidu, jekk il-ġenituri tagħhom ikollhom bżonn l-għajnuna, il-qaddejja fultajm se jagħmlu kulma jistgħu u se jmorru jgħinuhom spiss kemm jistaʼ jkun. Imma aħwa oħrajn li jgħixu viċin il-ġenituri tagħhom jistgħu jgħinu lill-qaddejja fultajm ukoll. Dawn jistgħu joffrulhom li jieħdu ħsieb lill-ġenituri jekk ikollhom bżonn l-għajnuna. M’għandniex ninsew li l-qaddejja fultajm għandhom ħafna x’jagħmlu f’li jappoġġaw ix-xogħol tal-ippritkar, li hu l-iktar xogħol importanti fuq l-art illum. (Mt. 28:19, 20) Tistaʼ int jew membri tal-kongregazzjoni tiegħek jagħtu daqqa t’id jekk il-ġenituri taʼ qaddejja fultajm ikollhom bżonn l-għajnuna?

21. Dawk li jaqdu fultajm kif iħossuhom dwar l-għajnuna u l-inkuraġġiment li oħrajn jagħtuhom?

21 Dawk li jidħlu fil-ministeru fultajm ma jagħmlux dan biex jiggwadanjaw finanzjarjament, imma biex jagħtu l-aħjar tagħhom—lil Ġeħova u lil oħrajn. Huma japprezzaw profondament kull għajnuna li tistaʼ tagħtihom. Oħt li hi fis-servizz fultajm u li marret taqdi f’pajjiż ieħor qalet: “Anki nota li tesprimi apprezzament turi li oħrajn qed jaħsbu fik u li huma ferħanin b’dak li qed tagħmel.”

22. Kif tħossok dwar is-servizz fultajm?

22 Dawk fis-servizz fultajm għażlu ħajja li verament hi eċċitanti u sodisfaċenti. Hi l-aqwa mod taʼ ħajja llum. Il-qaddejja fultajm jistgħu jitgħallmu kwalitajiet u lezzjonijiet li huma meħtiġin issa u li se jkunu meħtiġin fid-dinja l-ġdida. Dalwaqt, il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova se jagħmlu xogħol li hu verament sodisfaċenti kuljum. Ejja nkomplu ‘nżommu f’moħħna l-għemil li ġej mill-fidi u t-taħbit bl-imħabba’ taʼ dawk fis-servizz fultajm.—1 Tess. 1:3.