Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Il-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova”

“Il-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova”

“Hieni l-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!”—SALM 144:15.

1. Xi wħud x’jemmnu dwar dawk li jaqdu ’l Alla?

ILLUM ħafna nies jgħidu li r-reliġjonijiet il-kbar ma tantx jgħinu lill-bniedem. Xi wħud jaħsbu li Alla ma jistax japprova dawn ir-reliġjonijiet minħabba li ma jgħallmux il-verità dwaru u jagħmlu affarijiet mill-agħar. Madankollu, spiss jemmnu li Alla jaċċetta n-nies tajba taʼ kull reliġjon. Ma jemmnux li Alla jistenna li dawk li jaqduh għandhom jieqfu jieħdu sehem fir-reliġjon falza. Imma jaqbel dan mal-ħsieb t’Alla? Ejja nsibu t-tweġiba billi naraw x’tgħid il-Bibbja dwar il-qaddejja veri taʼ Ġeħova matul l-istorja.

IL-PATT T’ALLA MAL-POPLU TIEGĦU

2. (a) Min sar il-poplu taʼ Ġeħova? (b) X’identifikahom bħala poplu li kellu relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova? (Ara l-ewwel stampa.)

2 Madwar 4,000 sena ilu, Ġeħova għażel grupp biex ikun il-poplu tiegħu fuq l-art. Fil-Bibbja, Abraham huwa msejjaħ “il-missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-fidi” u kien il-mexxej taʼ familja kbira ħafna, b’mijiet taʼ qaddejja. (Rum. 4:11; Ġen. 14:14) Il-mexxejja f’Kangħan kienu jqisuh bħala “kap taʼ tribù maħtur minn Alla” u ttrattawh b’rispett. (Ġen. 21:22; 23:6) Ġeħova għamel patt, jew ftehim, m’Abraham u d-dixxendenti tiegħu. (Ġen. 17:1, 2, 19) Alla qal lil Abraham: “Dan hu l-patt tiegħi li se tħarsu intom, bejni u bejnkom, u nislek warajk: Kull raġel u tifel fostkom irid jiġi ċirkonċiż. . . . U dan għandu jservi bħala sinjal tal-patt bejni u bejnkom.” (Ġen. 17:10, 11) Fi qbil maʼ dan, Abraham innifsu, l-irġiel, u t-tfal subien kollha taʼ daru ġew ċirkonċiżi. (Ġen. 17:24-27) Iċ-ċirkonċiżjoni identifikat id-dixxendenti t’Abraham bħala l-uniku poplu li kellu relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova.

3. Id-dixxendenti t’Abraham kif saru poplu?

3 In-neputi t’Abraham kien Ġakobb, jew Iżrael. Dan kellu 12-il tifel. (Ġen. 35:10, 22b-26) Maż-żmien, dawn saru l-missirijiet tat-12-il tribù taʼ Iżrael. (Atti 7:8) Ġużeppi, l-iben taʼ Ġakobb, ittieħed l-Eġittu, u iktar tard il-Fargħun tah awtorità kbira. Matul żmien taʼ ġuħ, Ġużeppi kellu taħt il-ħarsien tiegħu t-tqassim tal-ikel għall-pajjiż kollu. Minħabba dan il-ġuħ, Ġakobb u l-familja tiegħu marru l-Eġittu. (Ġen. 41:39-41; 42:6) Id-dixxendenti taʼ Ġakobb żdiedu ħafna u ssejħu “ġemgħa taʼ popli.”—Ġen. 48:4; aqra Atti 7:17.

ĠEĦOVA JSALVA LILL-POPLU TIEGĦU

4. Għall-ewwel, liema relazzjoni kien hemm bejn l-Eġizzjani u d-dixxendenti taʼ Ġakobb?

4 Id-dixxendenti taʼ Ġakobb għexu iktar minn 200 sena f’parti mill-Eġittu msejħa Gosen. (Ġen. 45:9, 10) Il-Fargħun kien stieden lill-Iżraelin biex jgħixu l-Eġittu minħabba li kien jaf lil Ġużeppi u kien jirrispettah. (Ġen. 47:1-6) Għal xi 100 sena kienu fil-paċi mal-Eġizzjani. L-Iżraelin kienu jgħixu fi bliet żgħar u jrabbu l-annimali. Għalkemm l-Eġizzjani kienu jobogħdu lil nies li jirgħu n-nagħaġ, kellhom jobdu lill-Fargħun u jħallu lill-Iżraelin jgħixu hemm.—Ġen. 46:31-34.

5, 6. (a) Is-sitwazzjoni tal-poplu t’Alla kif inbidlet fl-Eġittu? (b) Għala ma qatluhx lil Mosè, u Ġeħova x’għamel għall-poplu Tiegħu?

5 Imma s-sitwazzjoni tal-poplu t’Alla nbidlet taʼ taħt fuq. “Għadda ż-żmien u fl-Eġittu laħaq sultan ġdid li ma kienx jafu lil Ġużeppi. U qal lill-poplu tiegħu: ‘Ara! In-nies taʼ wlied Israel huma iktar fl-għadd u iktar setgħanin minna.’ Għaldaqstant, l-Eġizzjani jassru b’tirannija lil ulied Israel. U baqgħu jagħmlulhom ħajjithom kollha mrar b’jasar iebes fix-xogħol tat-tajn magħmul mit-tafal u tal-madum u b’kull tip taʼ jasar fir-rabaʼ, iva, kull tip taʼ jasar li fih użawhom b’tirannija bħala lsiera.”—Eżo. 1:8, 9, 13, 14.

6 Dan il-Fargħun il-ġdid ikkmanda wkoll biex it-trabi subien kollha tal-Iżraelin jiġu maqtula mat-twelid. (Eżo. 1:15, 16) F’dan iż-żmien twieled Mosè minn mara Iżraelija leali, Ġokebed. Meta Mosè kellu tliet xhur, ommu ħbietu qalb il-qasab tax-Xmara Nil, fejn sabitu bint il-Fargħun. Iktar tard hi adottatu. Fortunatament, hi ħalliet lill-omm Mosè biex tieħu ħsiebu għall-ewwel snin taʼ ħajtu, u hu sar qaddej leali taʼ Ġeħova. (Eżo. 2:1-10; Ebr. 11:23-25) Ġeħova ra li l-poplu tiegħu kien qed isofri u ddeċieda li juża lil Mosè biex joħroġhom mill-Eġittu. (Eżo. 2:24, 25; 3:9, 10) B’dan il-mod, Ġeħova “feda,” jew salva, lill-Iżraelin.—Eżo. 15:13; aqra Dewteronomju 15:15.

IL-POPLU T’ALLA JSIR ĠENS

7, 8. Il-poplu taʼ Ġeħova kif sar ġens qaddis?

7 Għalkemm Ġeħova kien għadu m’organizzax lill-Iżraelin bħala ġens bil-liġijiet u s-saċerdozju, hu għażilhom bħala l-poplu tiegħu. B’hekk, Mosè u Aron kellhom l-istruzzjoni biex lill-Fargħun jgħidulu: “Hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, ‘Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jiċċelebrawli festa fix-xagħri.’”—Eżo. 5:1.

8 Kien hemm bżonn l-10 kastigi u l-qerda tal-Fargħun u l-armata tiegħu fil-Baħar l-Aħmar sabiex jeħles lill-ulied t’Iżrael mill-moħqrija tal-Eġizzjani. (Eżo. 15:1-4) Inqas minn tliet xhur wara, Ġeħova għamel patt mal-Iżraelin fuq il-Muntanja Sinaj u għamel din il-wegħda importanti: “Jekk tassew tobdu kliemi u tħarsu l-patt tiegħi, imbagħad issiru l-proprjetà speċjali tiegħi mill-popli l-oħrajn kollha, . . . ġens qaddis.”—Eżo. 19:5, 6.

9, 10. (a) Skont kif inhu spjegat f’Dewteronomju 4:5-8, il-Liġi kif għamlet lill-Iżraelin differenti mill-ġnus l-oħra? (b) L-Iżraelin x’kellhom jagħmlu biex juru li kienu “poplu qaddis għal Ġeħova”?

9 Għal sekli sħaħ, il-qaddejja taʼ Ġeħova kienu jitmexxew mill-kapijiet tal-familja li kienu jaqdu bħala mexxejja, imħallfin, u qassisin. Fl-Eġittu, l-Iżraelin kienu jużaw din is-sistema taʼ tmexxija qabel ma saru lsiera. (Ġen. 8:20; 18:19; Ġob 1:4, 5) Madankollu, wara li Ġeħova ħeles lill-Iżraelin mill-jasar, hu tahom liġijiet li kienu jagħmluhom differenti mill-ġnus kollha l-oħra. (Aqra Dewteronomju 4:5-8; Salm 147:19, 20.) Il-Liġi ħejjiet grupp taʼ nies minn tribù partikulari biex ikunu qassisin għall-ġens. Barra minn hekk, il-Liġi qalet li “x-xjuħ,” li kienu rispettati għall-għarfien u l-għerf tagħhom, kellhom ikunu mħallfin. (Dt. 25:7, 8) Il-Liġi tat lill-poplu istruzzjonijiet dwar kif għandha ssir il-qima tagħhom u dwar il-ħajja taʼ kuljum tagħhom.

10 Eżatt qabel ma l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda, Ġeħova rripetielhom il-liġijiet tiegħu, u Mosè qalilhom: “Ġeħova qanqlek biex illum tgħid li se tkun il-poplu tiegħu, proprjetà speċjali, sewwasew bħalma wiegħdek, u li int se tosserva l-kmandamenti kollha tiegħu, u li hu se jgħollik ’il fuq mill-ġnus l-oħrajn kollha li għamel, u dan iġib tifħir u isem tajjeb u ġmiel, waqt li turi li int poplu qaddis għal Ġeħova Alla tiegħek.”—Dt. 26:18, 19.

DAWK MHUX IŻRAELIN SETGĦU JQIMU MAL-POPLU T’ALLA

11, 12. Min beda jaqdi mal-poplu t’Alla?

11 Għalkemm l-Iżraelin kienu l-ġens fuq l-art magħżul minn Ġeħova, hu ħalla nies li ma kinux Iżraelin jgħixu mal-poplu tiegħu. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li “kotra mħallta kbira ħafna taʼ barranin,” fosthom Eġizzjani, ingħaqdu mal-Iżraelin meta Alla ħariġhom mill-Eġittu. (Eżo. 12:38) Aktarx, magħhom kien hemm xi “qaddejja tal-Fargħun” li kienu obdew it-twissija taʼ Mosè matul is-sebaʼ kastig.—Eżo. 9:20.

12 Eżatt qabel ma l-Iżraelin qasmu x-Xmara Ġordan biex jidħlu f’Kangħan, Mosè qalilhom li għandhom ‘iħobbu lir-resident barrani’ li jgħix magħhom. (Dt. 10:17-19) Il-poplu magħżul t’Alla kellu jaċċetta fil-komunità tiegħu kwalunkwe barrani li kien lest li jobdi l-liġijiet bażiċi mogħtija mingħand Mosè. (Lev. 24:22) Xi residenti barranin saru qaddejja taʼ Ġeħova. Dawn ħassew bħalma ħassitha Rut il-Mowabija, li qalet lil Nagħomi l-Iżraelija: “Il-poplu tiegħek ikun il-poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Dawk mhux Iżraelin kienu jissejħu proseliti, u l-irġiel u t-tfal subien kienu jiġu ċirkonċiżi. (Eżo. 12:48, 49) Ġeħova kien ferħan li jilqagħhom fost il-poplu magħżul tiegħu.—Num. 15:14, 15.

L-Iżraelin kienu jħobbu lir-residenti barranin (Ara paragrafi 11-13)

13. Dawk li ma kinux Iżraelin, x’kellhom jagħmlu jekk riedu jaqdu lil Ġeħova?

13 Waħda mit-talbiet taʼ Salamun ukoll turi li Ġeħova approva lill-qaddejja li ma kinux Iżraelin. Meta t-tempju kien ġie ddedikat, Salamun talab: “Kif ukoll lill-barrani, li m’huwiex parti mill-poplu tiegħek Israel u li jiġi minn art imbiegħda minħabba ismek il-kbir u idek b’saħħitha u driegħek maħruġ ’il barra, u jiġi u jitlob lejn din id-dar, isimgħu mis-smewwiet, mill-post stabbilit fejn tgħammar, u agħmel skond dak kollu li jsejjaħlek għalih il-barrani; sabiex il-popli kollha taʼ l-art ikunu jafu lil ismek, u jibżgħu minnek bħalma jagħmel il-poplu tiegħek Israel, u jkunu jafu li ismek ġie msejjaħ fuq din id-dar li bnejt jien.” (2 Kron. 6:32, 33) Anki fi żmien Ġesù, dawk li ma kinux Iżraelin u li riedu jaqdu lil Ġeħova setgħu jagħmlu dan billi jaqdu mal-poplu magħżul Tiegħu.—Ġw. 12:20; Atti 8:27.

ĠENS TAʼ XHIEDA

14, 15. L-Iżraelin b’liema mod kellhom ikunu ġens taʼ xhieda għal Ġeħova?

14 L-Iżraelin kienu jqimu lill-Alla tagħhom, Ġeħova, imma ġnus oħra kienu jqimu lill-allat tagħhom stess. Għaldaqstant kellha titwieġeb mistoqsija importanti: Min kien l-Alla l-veru? Fi żmien Isaija, Ġeħova qal li din il-mistoqsija kellha tiġi mwieġba bl-istess mod bħalma titwieġeb mistoqsija f’każ legali fil-qorti. Hu qal li kieku l-allat tal-ġnus kienu reali, kien ikollhom iġibu x-xhieda tagħhom stess għal dan il-każ. Hu qal: “Ħa jġibu x-xhieda tagħhom, sabiex jiġu dikjarati ġusti, jew ħa jisimgħu u jgħidu, ‘Din hi l-verità!’”—Is. 43:9.

15 L-allat tal-ġnus ma setgħux jagħtu prova li huma allat taʼ vera. Kienu sempliċement idoli li ma jitkellmux u li kien hemm bżonn min iġorrhom. (Is. 46:5-7) Mill-banda l-oħra, Ġeħova qal lill-poplu tiegħu Iżrael: “Intom ix-xhieda tiegħi, . . . iva, il-qaddej tiegħi li jien għażilt, sabiex tkunu tafu u jkollkom il-fidi fija, u sabiex tifhmu li jien l-istess Wieħed. Qabli ma ssawwar ebda Alla, u warajja baqaʼ ma kien hemm ħadd. Jien—jien Ġeħova, u m’hemm ebda salvatur ħliefi. . . . Għalhekk, intom ix-xhieda tiegħi, . . . u jien Alla.”—Is. 43:10-12.

16. Alla xi stenna mill-poplu tiegħu?

16 Bħal xhieda f’każ legali fil-qorti, il-poplu taʼ Ġeħova kellu l-unur li jagħti prova li Ġeħova hu l-uniku Alla veru. Hu sejħilhom “il-poplu li sawwart għalija, sabiex jirrakkonta dwari affarijiet li jistħoqqilhom tifħir.” (Is. 43:21) Kienu magħrufa bħala l-poplu taʼ Ġeħova. Minħabba li Ġeħova ħeles lill-Iżrael mill-Eġittu, hu stenna li jobduh mill-qalb u li jigglorifikawh bħala s-Sovran tagħhom. Dwar l-attitudni li suppost kellhom, il-profeta Mikea jgħid: “Il-popli kollha, min-naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna, min-naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—Mik. 4:5.

POPLU RIBELLUŻ

17. Ġeħova għala qabbel lill-Iżraelin maʼ dielja bla użu?

17 B’dispjaċir, l-Iżraelin ma kinux leali lejn Alla tagħhom, Ġeħova. Huma ħallew lilhom infushom jiġu influwenzati minn ġnus li kienu jqimu allat magħmulin mill-injam u l-ġebel, u għamlu ħafna artali għal qima falza. Madwar 2,800 sena ilu, il-profeta Ħosea qal li Iżrael kien bħal dielja li m’għadhiex tagħmel frott tajjeb. Hu żied: “Qalbhom saret ipokrita; issa se jinstabu ħatjin.” (Ħos. 10:1, 2) Madwar 150 sena wara, Ġeremija wkoll qabbel lill-Iżraelin li kienu ribellużi maʼ dielja. Iddeskriviehom bħala dielja mill-aħjar li saret bla użu. Permezz taʼ Ġeremija, Ġeħova qal: “Fejn huma allatek li għamilt għalik? Ħa jqumu huma jekk jistgħu jsalvawk fi żmien il-gwaj tiegħek.” Hu żied jgħid: “Il-poplu tiegħi nsieni.”—Ġer. 2:21, 28, 32.

18, 19. (a) Ġeħova kif bassar li se jagħmel poplu ġdid għal ismu? (b) X’se neżaminaw fl-artiklu li jmiss?

18 L-Iżraelin kienu qed jagħmlu frott ħażin għax ma kinux qed iqimu lil Ġeħova kif suppost. Ma baqgħux ikunu x-xhieda tiegħu, imma minflok bdew iqimu lill-idoli. B’hekk, Ġesù qal lill-mexxejja ipokriti Lhud taʼ żmienu: “Is-saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-frott minnha.” (Mt. 21:43) Dawk biss li qegħdin fil-‘patt il-ġdid,’ imbassar minn Ġeħova permezz tal-profeta tiegħu Ġeremija, setgħu jagħmlu parti minn dan il-ġens il-ġdid, jiġifieri l-Iżrael spiritwali. Rigward l-Iżraelin spiritwali li kienu se jiddaħħlu f’dan il-patt il-ġdid, Ġeħova pprofetizza: “Insir Alla tagħhom, u huma jsiru l-poplu tiegħi.”—Ġer. 31:31-33.

19 Wara li l-Iżraelin urew li kienu żleali, Ġeħova għażel l-Iżrael spiritwali biex ikun il-poplu tiegħu fl-ewwel seklu. Imma min hu l-poplu tiegħu fuq l-art illum? Dawk taʼ qalb onesta, kif jistgħu jagħrfu l-qaddejja veri t’Alla? Dan hu s-suġġett tal-artiklu li jmiss.