Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kien ‘jafha t-triq’

Kien ‘jafha t-triq’

GUY HOLLIS PIERCE, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, intemmitlu ħajtu fuq l-art nhar it-Tlieta, 18 taʼ Marzu 2014, fl-età taʼ 79. Bħala wieħed minn ħut Kristu, ġie rxoxtat u rċieva l-premju tiegħu fis-sema.—Ebrej 2:10-12; 1 Pietru 3:18.

Guy Pierce twieled f’Auburn, Kalifornja, l-Istati Uniti tal-Amerika, fis-6 taʼ Novembru 1934, u tgħammed fl-1955. Iżżewweġ lill-maħbuba martu Penny fl-1977 u rabba familja. Kien ukoll bħal missier għal ħafna oħrajn. Fl-1982, hu u Penny bdew jaqdu bħala pijunieri flimkien. Mill-1986, hu qeda bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fl-Istati Uniti għal 11-il sena.

Fl-1997, Guy u Penny Pierce saru parti mill-familja Betel tal-Istati Uniti. Ħuna Pierce kien jaħdem fid-Dipartiment tas-Servizz, u fl-1998 ġie maħtur biex jgħin lill-Kumitat tal-Personell tal-Ġemgħa li Tiggverna. Fit-2 t’Ottubru 1999, fil-laqgħa annwali, tħabbar li hu ġie maħtur bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. Fis-snin reċenti, qeda fi żminijiet differenti fil-kumitat tal-Personell, tal-Kitba, tal-Ippubblikar, u tal-Koordinaturi.

Ħuna Pierce kellu tbissima dħulija u kien ċajtier. Nies li kellhom trobbija u kulturi differenti ħassewhom komdi miegħu. Imma dak li verament kien jogħġobhom fih kien l-imħabba, l-umiltà, ir-rispett li kellu għal-liġijiet u l-prinċipji t’Alla, u l-fidi soda f’Ġeħova. Guy Pierce spiss kien jgħid li iktar hemm ċans li x-xemx ma titlax milli li Ġeħova ma jżommx il-wegħdi tiegħu, u ried li d-dinja kollha tkun taf dwar dan.

Ħuna Pierce ħadem iebes għal Ġeħova. Kien jibda minn kmieni filgħodu u spiss jibqaʼ għaddej sa tard billejl. Hu vvjaġġa mad-dinja kollha biex jinkuraġġixxi lil ħutu Kristjani, u qatt ma kellu wisq x’jagħmel biex iqattaʼ ħin maʼ dawk li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu jew li talbuh parir. Anki ħafna snin wara, aduraturi sħabu jiftakru fl-ospitalità, fil-ħbiberija, u fl-inkuraġġiment Skritturali tiegħu.

Minbarra li kien ħuna kien ukoll il-ħabib tagħna. In-nuqqas tiegħu se jinħass minn martu, is-sitt itfal tiegħu, in-neputijiet u t-tfal tagħhom, u l-ħafna tfal spiritwali li kellu. Mark Sanderson, membru ieħor tal-Ġemgħa li Tiggverna, ta t-taħdita tal-funeral taʼ Ħuna Pierce fil-Betel taʼ Brooklyn nhar is-Sibt, 22 taʼ Marzu 2014. Hu tkellem dwar it-tama għas-sema li kellu Ħuna Pierce u qara kliem Ġesù: “F’dar Missieri hemm ħafna postijiet fejn toqogħdu. . . . Meta mmur inħejji post għalikom, nerġaʼ niġi u nilqagħkom id-dar għandi, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll. U fejn sejjer jien, it-triq tafuha.”—Ġwanni 14:2-4.

Se nimmissjaw ħafna lil Ħuna Pierce. Imma aħna ferħanin li kien ‘jafha t-triq’ fejn se ‘joqgħod’ għal dejjem.