Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Niffaċċjaw it-tmiem ta’ din id-dinja flimkien

Niffaċċjaw it-tmiem ta’ din id-dinja flimkien

“Aħna membri taʼ xulxin.”—EFESIN 4:25.

1, 2. Alla kif irid lin-nies kollha tiegħu jqimuh?

INT żagħżugħ jew żagħżugħa? Jekk iva, tistaʼ tkun ċert li int għandek sehem importanti fil-kongregazzjoni globali taʼ Ġeħova. F’bosta pajjiżi, ħafna minn dawk li qed jitgħammdu huma żgħażagħ. Huwa inkuraġġanti ħafna li tara daqstant żgħażagħ li jiddeċiedu jaqdu lil Ġeħova!

2 Bħala persuna żagħżugħa, tieħu pjaċir tqattaʼ ħin maʼ dawk tamparek? Probabbilment li iva. Ilkoll nieħdu pjaċir inkunu maʼ ħbieb tamparna. Minkejja dan, Ġeħova jridna nqimuh flimkien maʼ ħutna kollha. Hu jrid li n-nies tiegħu jkunu magħqudin, hi x’inhi l-età jew it-trobbija tagħhom. L-appostlu Pawlu kiteb li hi r-rieda t’Alla “li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Timotju 2:3, 4) U Rivelazzjoni 7:9 jgħid li dawk li jaqdu ’l Alla ġejjin “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien.”

3, 4. (a) Illum, ħafna żgħażagħ x’attitudni għandhom? (b) Skont Efesin 4:25, Pawlu kif iddeskriva l-kongregazzjoni?

3 Hemm baħar jaqsam bejn iż-żgħażagħ li jaqdu lil Ġeħova u ż-żgħażagħ li ma jaqduhx. Ħafna minn dawk li ma jaqdux lil Ġeħova huma interessati biss fihom infushom u f’dak li jridu. Fil-fatt, xi riċerkaturi qalu li ż-żgħażagħ tal-lum huma iktar egoisti minn qatt qabel. Il-mod kif jitkellmu u kif jilbsu juri li ma jirrispettawx lil oħrajn, speċjalment lil dawk akbar fl-età.

Ikun saħansitra iktar importanti li nkunu magħqudin maʼ ħutna hekk kif noqorbu lejn it-tmiem tad-dinja taʼ Satana

4 Din l-attitudni taraha kull fejn tħares, allura hemm bżonn sforz kbir biex tevitaha u biex togħġob lil Ġeħova. Anki fl-ewwel seklu, Pawlu wissa lill-Kristjani dwar li jkollhom attitudni simili. Hu sejħilha “l-ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.” (Aqra Efesin 2:1-3.) Huwa t’inkuraġġiment li naraw żgħażagħ fil-kongregazzjoni li mhumiex hekk. Huma jridu jaqdu lil Ġeħova maʼ ħuthom. Huma jifhmu li l-kongregazzjoni hi bħal ġisem magħmul minn ħafna partijiet, jew membri, li jaħdmu flimkien. Bħalma kiteb Pawlu, “aħna membri taʼ xulxin.” (Efesin 4:25) Ikun saħansitra iktar importanti li nkunu magħqudin maʼ ħutna hekk kif noqorbu lejn it-tmiem tad-dinja taʼ Satana. L-eżempji mill-Bibbja li ġejjin se jgħinuna naraw għala hemm bżonn nibqgħu qrib xulxin, jiġifieri, li nkunu magħqudin.

BAQGĦU MAGĦQUDIN FLIMKIEN

5, 6. X’lezzjoni nitgħallmu minn Lot u l-familja tiegħu?

5 Fil-passat, in-nies taʼ Ġeħova ssaportew xi sitwazzjonijiet perikolużi ħafna. Ġeħova pproteġiehom meta kienu magħqudin u għenu lil xulxin. Kulħadd, żgħar u kbar, jistaʼ jitgħallem minn dawn l-eżempji tal-Bibbja. Ejja naraw x’ġara lil Lot.

6 Lot u l-familja tiegħu kienu fil-periklu. Ġeħova kien se jeqred lil Sodoma, il-belt fejn kienu jgħixu. Hu bagħat anġli ħalli jwissu lil Lot biex jaħrab mill-belt u jiġri lejn il-muntanji. Huma qalulu, “Aħrab u salva ruħek!” (Ġenesi 19:12-22) Lot u ż-żewġt ibniet tiegħu obdew l-istruzzjonijiet. B’dispjaċir, oħrajn fil-familja taʼ Lot m’obdewx. Meta Lot qal lill-irġiel li kienu se jiżżewġu lill-bniet tiegħu biex jaħarbu bħalhom, huma qisuh bħala raġel xiħ li “deher qisu qed jiċċajta.” Ma ħaduhx bis-serjetà, allura mietu meta l-belt inqerdet. (Ġenesi 19:14) Lot u ż-żewġt ibniet tiegħu biss salvaw minħabba li kienu ubbidjenti u magħqudin flimkien.

7. Ġeħova kif għen lill-grupp magħqud taʼ nies li telqu mill-Eġittu?

7 Nistgħu nitgħallmu wkoll mill-eżempju tal-Iżraelin meta telqu mill-Eġittu. Ma nqasmux fi gruppi żgħar fejn kull grupp għażel it-triq għall-Art Imwiegħda skont kif ħasibha hu. Minflok, ivvjaġġaw flimkien fi grupp wieħed magħqud. U meta Ġeħova feraq l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar, Mosè m’għaddiex waħdu jew maʼ ftit Iżraelin. Il-ġens kollu mar maʼ Mosè, u Ġeħova pproteġiehom. (Eżodu 14:21, 22, 29, 30) Anki ħafna li ma kinux Iżraelin iddeċidew li jaqdu lil Ġeħova, u b’hekk telqu mill-Eġittu magħhom. In-nies kollha kienu magħqudin flimkien. (Eżodu 12:38) Kienet tkun bluha li kieku grupp żgħir taʼ nies, forsi żgħażagħ, telqu għal rashom, f’direzzjoni li ħasbu li kienet se tkun l-aħjar. Kull min għamel hekk ma ġiex protett minn Ġeħova.—1 Korintin 10:1.

8. Fi żmien Ġeħosafat, in-nies t’Alla kif kienu magħqudin?

8 Fi żmien is-Sultan Ġeħosafat, armata kbira u qawwija kienet ġejja biex tattakka lin-nies t’Alla. (2 Kronaki 20:1, 2) L-Iżraelin x’għamlu meta kienu mdawrin minn dan l-għadu tal-biżaʼ? Huma poġġew il-fiduċja tagħhom f’Ġeħova u talbu għall-gwida tiegħu. (Aqra t-2 Kronaki 20:3, 4.) L-Iżraelin ma pprovawx isibu soluzzjoni b’mod individwali, imma nġabru kollha flimkien. Il-Bibbja tgħid: “Dawk kollha minn Ġuda kienu weqfin quddiem Ġeħova, saħansitra ċ-ċkejknin tagħhom, in-nisa tagħhom, u wliedhom.” (2 Kronaki 20:13) Il-ġens kollu, żgħar u kbar, poġġa l-fiduċja tiegħu f’Ġeħova u għamel kif ġie istruwit. Huma baqgħu flimkien, u Ġeħova pproteġiehom mill-għedewwa tagħhom. (2 Kronaki 20:20-27) Dan hu eżempju tajjeb taʼ kif in-nies jistgħu jiffaċċjaw oppożizzjoni bħala grupp.

9. X’nistgħu nitgħallmu mill-Kristjani tal-ewwel seklu?

9 Fl-ewwel seklu, il-Kristjani qiemu lil Ġeħova flimkien b’mod paċifiku u f’armonija. Pereżempju, wara li ħafna Lhud u oħrajn mhux Lhud saru Kristjani, ilkoll ipprattikaw it-tagħlim tal-appostli. Huma kienu jqattgħu ħin flimkien, jieklu flimkien, u jitolbu flimkien. (Atti 2:42) U meta l-Kristjani kienu ppersegwitati, baqgħu magħqudin. Dan kien il-ħin li kellhom bżonn lil xulxin l-iktar. (Atti 4:23, 24) Meta nkunu ppersegwitati, aħna wkoll għandna nkunu magħqudin u nappoġġaw lil xulxin.

MAGĦQUDIN QABEL MA JIĠI JUM ĠEĦOVA

10. Meta se jkollna bżonn inkunu magħqudin iktar minn qatt qabel?

10 Dalwaqt se nħabbtu wiċċna mal-iktar żmien diffiċli fl-istorja tal-bniedem. Il-profeta Ġoel jiddeskrivih bħala “jum taʼ dlam u swidija.” (Ġoel 2:1, 2; Sofonija 1:14) F’dak iż-żmien, in-nies t’Alla se jkollhom bżonn ikunu magħqudin iktar minn qatt qabel. Ftakar fil-kliem taʼ Ġesù: “Kull saltna maqsuma kontra tagħha stess issir ħerba.”—Mattew 12:25.

11. In-nies t’Alla x’jistgħu jitgħallmu dwar l-għaqda li tissemma f’Salm 122:3, 4? (Ara l-ewwel stampa.)

11 Kemm se jkollna bżonn inkunu magħqudin? Nistgħu nitgħallmu lezzjoni minn kif kienu jibnu d-djar f’Ġerusalemm tal-qedem. Id-djar tant kienu mibnijin viċin xulxin li s-salmista ddeskriva l-belt bħala “magħquda ħaġa waħda.” In-nies ħassewhom fis-sigurtà minħabba li għexu tant fil-qrib taʼ xulxin u setgħu faċilment jgħinu u jipproteġu lil xulxin. Il-fatt li d-djar kienu mibnijin tant fil-qrib, setaʼ jfakkar ukoll lis-salmista dwar it-tribujiet t’Iżrael meta kienu magħqudin bħala ġens wieħed biex jaqdi lil Ġeħova. (Aqra Salm 122:3, 4.) Issa u fiż-żminijiet diffiċli li ġejjin, huwa importanti ħafna li n-nies taʼ Ġeħova jibqgħu “magħquda ħaġa waħda.”

L-iskop taʼ Ġeħova hu li dawk kollha fis-sema u fuq l-art ikunu magħqudin bħala familja waħda li tqimu

12. X’se jgħinna nsalvaw meta Gog jattakka lin-nies taʼ Ġeħova?

12 Li nkunu magħqudin għala se jkun daqstant importanti fil-futur? Eżekjel kapitlu 38 jipprofetizza li “Gog taʼ l-art taʼ Magog” se jattakka lin-nies taʼ Ġeħova. F’dak iż-żmien, m’għandna nħallu xejn jifridna. Barra minn hekk, ikun żball kbir li naħsbu li d-dinja taʼ Satana se tipproteġina. Minflok, hemm bżonn li nibqgħu magħqudin maʼ ħutna. M’għandniex xi ngħidu, mhux se nsalvaw għas-sempliċi fatt li nagħmlu parti minn grupp. B’mod personali għandu jkollna fiduċja f’Ġeħova u nobduh. Imbagħad, Ġeħova u Ġesù se jsalvawna mill-attakk u jdaħħluna ġod-dinja l-ġdida. (Ġoel 2:32; Mattew 28:20) Imma xorta rridu nibqgħu magħqudin man-nies t’Alla. Taħseb li Ġeħova se jsalva lil dawk li jagħmlu kif ifettlilhom?—Mikea 2:12.

13. Iż-żgħażagħ x’lezzjonijiet jistgħu jitgħallmu mill-eżempji li ddiskutejna?

13 Jekk int żagħżugħa jew żagħżugħ, tistaʼ tifhem kemm tkun għaqli li tibqaʼ qrib ħutek? Iġġieled it-tendenza li tqattaʼ ħin maʼ dawk tamparek biss jew li tinqataʼ għalik. Ilkoll kemm aħna, żgħar u kbar, dalwaqt se jkollna bżonn lil xulxin iktar minn qatt qabel. Saħħaħ il-ħbiberija li għandek maʼ ħutek issa, u ħu pjaċir aqdi lil Ġeħova magħhom. Fil-futur, il-fatt li tkun magħqud man-nies taʼ Ġeħova se jsalvalek ħajtek!

“AĦNA MEMBRI TAʼ XULXIN”

14, 15. (a) Ġeħova għala qed iħarriġna biex inkunu magħqudin? (b) Ġeħova liema parir jagħtina biex inkunu magħqudin?

14 Ġeħova qed jgħinna biex naqduh “spalla maʼ spalla” maʼ ħutna rġiel u nisa. (Sofonija 3:8, 9) Qed iħarriġna għall-futur meta se “jiġbor kollox flimkien fil-Kristu.” (Aqra Efesin 1:9, 10.) L-iskop taʼ Ġeħova hu li dawk kollha fis-sema u fuq l-art ikunu magħqudin bħala familja waħda li tqimu. U Ġeħova żgur se jagħmel dan. Żgħażagħ, intom tistgħu tkunu parti minn din il-familja għal dejjem. Tixtiequ taħdmu id f’id mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

15 Ġeħova qed iħarriġna biex inkunu magħqudin minn issa ħalli nkunu nistgħu ngħixu b’mod paċifiku maʼ xulxin fis-sistema l-ġdida. Bil-paċenzja jgħallimna ‘nieħdu ħsieb xulxin,’ ‘ikollna affezzjoni tenera lejn xulxin,’ ‘nibqgħu nfarrġu lil xulxin,’ u ‘nibnu lil xulxin.’ (1 Korintin 12:25; Rumani 12:10; 1 Tessalonikin 4:18; 5:11) Ġeħova jaf li minħabba l-imperfezzjoni, mhux dejjem ikun faċli biex inkunu magħqudin. Għalhekk jgħidilna biex ‘naħfru lil xulxin.’—Efesin 4:32.

16, 17. (a) Semmi raġuni għala għandna l-laqgħat. (b) Iż-żgħażagħ x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù?

16 Mod ieħor kif Ġeħova jgħinna nitgħallmu nkunu magħqudin flimkien hu permezz tal-laqgħat. Ebrej 10:24, 25 ifakkarna li waħda mir-raġunijiet għala niltaqgħu flimkien hi biex ninkuraġġixxu lil xulxin ħalli nagħmlu dak li hu tajjeb. U aħna se jkollna bżonn il-laqgħat iktar u iktar hekk kif nersqu eqreb lejn jum Ġeħova.

17 Ġesù hu t’eżempju tajjeb għalina minħabba li kien jieħu pjaċir jiltaqaʼ man-nies taʼ Ġeħova. Meta kellu 12-il sena, mar mal-ġenituri tiegħu f’laqgħa kbira fit-tempju. F’ħin minnhom, il-ġenituri taʼ Ġesù ma setgħux isibuh. Telaq Ġesù sabiex joqgħod fil-kumpanija taʼ żgħażagħ oħra? Le. Meta l-ġenituri tiegħu sabuh, Ġesù kien mal-għalliema fit-tempju, jitkellem dwar l-Iskrittura.—Luqa 2:45-47.

18. It-talb kif jistaʼ jsaħħaħ l-għaqda taʼ bejnietna?

18 Apparti minn hekk, nistgħu nsaħħu l-għaqda taʼ bejnietna billi nitolbu lil Ġeħova ħalli jgħin lil ħutna b’modi speċifiċi. Li nitolbu għal ħutna se jfakkarna dwar kemm jimpurtana minnhom. Huwa importanti li nħobbu lil ħutna, li ninkuraġġuhom waqt il-laqgħat, u li nitolbu għalihom. Żgħażagħ, ipprovajtu tagħmlu dawn l-affarijiet ħalli ssiru ħbieb aħjar maʼ dawk tal-kongregazzjoni tagħkom? Sabiex insalvaw meta jasal it-tmiem, se jkollna bżonn inkunu qrib taʼ ħutna, u mhux tad-dinja taʼ Satana.

Ilkoll kemm aħna nistgħu nitolbu għal ħutna (Ara paragrafu 18)

NURU LI “KULL WIEĦED MINNA [HU] MEMBRU TAʼ L-IEĦOR”

19, 21. X’aħna mqanqlin nagħmlu minħabba li “kull wieħed minna [hu] membru taʼ l-ieħor”? Agħti eżempji.

19 In-nies taʼ Ġeħova llum diġà qed jgħixu fi qbil mal-prinċipju li nsibu f’Rumani 12:5: “Kull wieħed minna [hu] membru taʼ l-ieħor.” Meta xi diżastru jikkaġuna sofferenza fuq ħutna, aħna nħossu għalihom u nkunu rridu ngħinuhom. F’Diċembru 2011, maltempata tropikali laqtet il-gżira taʼ Mindanao, fil-Filippini. F’lejla waħda, iktar minn 40,000 dar spiċċaw mgħarrqa, inkluż ħafna mid-djar taʼ ħutna. L-uffiċċju tal-fergħa rrapporta li anki qabel ma ngħatat xi għajnuna mill-kumitati għall-għajnuna lokali, “l-aħwa Kristjani minn akkwati oħrajn kienu qed jibagħtu l-għajnuna.”

20 Fil-Ġappun, ħutna batew ħafna meta tsunami u terremot qawwi laqtu n-naħa tal-Lvant tal-pajjiż. Ħafna spiċċaw b’taʼ fuqhom senduqhom. Pereżempju, Yoshiko tilfet darha. Kienet tgħix xi 40 kilometru ’l bogħod mis-Sala tas-Saltna. Hi tgħid: “Iktar tard, konna sorpriżi meta sirna nafu li l-għada tat-terremot, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u ħu ieħor kienu ġew ifittxuna.” Bi tbissima kbira, hi żżid tgħid: “Aħna apprezzajna ħafna li l-kongregazzjoni ħadet ħsieb sew il-bżonnijiet spiritwali tagħna. Iktar minn hekk, irċivejna kowtijiet, żraben, basktijiet, u piġami.” Membru mill-kumitat għall-għajnuna jgħid: “L-aħwa fil-Ġappun kollu kellhom ħsieb wieħed billi pprovaw jgħinu lil xulxin. Xi aħwa ġew saħansitra mill-Istati Uniti biex jgħinu. Meta saqsewhom għala ġew minn tant bogħod, huma wieġbu, ‘Aħna ħaġa waħda maʼ ħutna tal-Ġappun, u għandhom bżonn l-għajnuna.’” Ma tħossokx kburi li tagħmel parti minn organizzazzjoni fejn in-nies verament iħobbu lil xulxin? Biss biss, immaġina kemm jifraħ Ġeħova meta jara għaqda bħal din!

21 Jekk nitgħallmu niddependu minn xulxin minn issa, se nkunu ppreparati niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli flimkien fil-futur. Anki jekk nitilfu l-kuntatt minn maʼ ħutna li jkunu f’partijiet oħra tad-dinja, se nibqgħu magħqudin maʼ ħutna lokali. Oħt fil-Ġappun li jisimha Fumiko, baqgħet ħajja wara tempesta. Din qalet: “It-tmiem hu fil-qrib ħafna. Hemm bżonn li nibqgħu ngħinu lil sħabna fit-twemmin hekk kif inħarsu ’l quddiem għaż-żmien fejn ma jkunx hawn iktar diżastri.”

22. L-għaqda taʼ bejnietna kif se tgħinna fil-futur?

22 Ipprepara issa għall-jum Ġeħova billi tagħmel kulma tistaʼ biex tkun magħqud maʼ ħutek. Meta d-dinja mill-agħar taʼ Satana tinqered, Ġeħova se jsalva lin-nies tiegħu bħalma għamel fil-passat. (Isaija 52:9, 10) Għandek kemm għandek età, trid tibqaʼ magħqud man-nies t’Alla biex tiġi salvat. Fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu għala għandna nkunu wkoll grati għal dak li diġà rċivejna.