Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tapprezza dak li rċivejt?

Tapprezza dak li rċivejt?

‘Aħna rċivejna l-ispirtu li ġej mingħand Alla, biex inkunu nafu dak li ngħatalna b’qalb tajba minn Alla.’—1 KORINTIN 2:12.

1. Ħafna nies kif iħossuhom dwar dak li għandhom?

FORSI ġieli smajt lin-nies jgħidu, “Tkun taf x’kellek wara li titilfu.” Jistaʼ jkun li ġieli ħassejtek b’dan il-mod ukoll. Pereżempju, individwu li jitrabba ġo familja sinjura jistaʼ ma japprezzax dak li għandu. Jew minħabba n-nuqqas t’esperjenza, żagħżugħ jistaʼ ma jifhimx x’inhu verament importanti fil-ħajja.

2, 3. (a) Iż-żgħażagħ liema tip taʼ ħsieb għandhom jevitaw? (b) X’jistaʼ jgħinna napprezzaw dak li għandna?

2 Jekk int żagħżugħ jew żagħżugħa, x’inhu importanti għalik? Ħafna żgħażagħ fid-dinja spiss ipoġġu l-affarijiet materjali qabel kollox. Probabbilment ikunu jridu xogħol tajjeb, dar sabiħa, jew kollox tal-aħħar teknoloġija. Jekk ħajjithom tikkonċentra fuq dawn l-affarijiet, ikunu qed jonqsu milli jaraw l-iktar ħaġa importanti, ir-relazzjoni tagħhom m’Alla. Jekk trabbejt maʼ ġenituri Kristjani, ġejt mogħti rigal spiritwali mill-isbaħ. (Mattew 5:3) Nuqqas t’apprezzament għall-wirt spiritwali tiegħek jistaʼ jwassal għal effett ħażin fuqek għall-kumplament taʼ ħajtek.

3 Int tistaʼ tevita dan milli jiġri lilek. Se neżaminaw xi eżempji Bibliċi li se jgħinuk t’apprezza l-wirt spiritwali tiegħek. Dawn l-eżempji se jgħinu liż-żgħażagħ, u lil kull wieħed minna, biex japprezzaw dak li għandhom spiritwalment.

XI WĦUD LI NAQSU LI JAPPREZZAW

4. Kif jiġu deskritti t-tfal taʼ Samwel skont l-1 Samwel 8:1-5?

4 Xi wħud li jissemmew fil-Bibbja rċivew wirt spiritwali mill-isbaħ, imma m’apprezzawhx. Il-profeta Samwel beda jaqdi lil Ġeħova meta kien daqsxejn taʼ tfajjel, u dejjem kien leali lejn Alla. (1 Samwel 12:1-5) Samwel ħalla eżempju tajjeb, imma wliedu, Ġoel u Abija, ma imitawhx. Minflok, saru korrotti u ħżiena.—Aqra l-1 Samwel 8:1-5.

5, 6. Ulied Ġosija u n-neputi tiegħu kif qiesu l-wirt spiritwali tagħhom?

5 Xi ħaġa simili ġrat fil-każ t’ulied is-Sultan Ġosija. Hu kien sultan leali li ħabb u qiem lil Ġeħova. Meta l-ktieb tal-Liġi t’Alla nstab u ġie moqri lil Ġosija, hu applika l-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova. Hu neħħa l-idolatrija u l-ispiritiżmu mill-pajjiż, u ħeġġeġ lin-nies biex jobdu lil Ġeħova. (2 Slaten 22:8; 23:2, 3, 12-15, 24, 25) Uliedu rċivew wirt spiritwali mill-isbaħ! Imma meta iktar tard tlieta minn uliedu u neputi saru slaten, ħadd minnhom m’apprezza dak li rċieva.

6 Meta Ġeħogħaħaż bin Ġosija sar sultan, għamel “dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.” Kien ilu biss tliet xhur bħala sultan meta Fargħun Eġizzjan tefgħu fil-ħabs. Iktar tard miet ’il bogħod minn pajjiżu, bħala lsir. (2 Slaten 23:31-34) Imbagħad, ħuh Ġeħojakim kien sultan għal 11-il sena. Hu wkoll m’apprezzax dak li kien irċieva minn missieru. Tant kien ħażin li dwaru Ġeremija qal: “B’difna bħal taʼ ħmar jindifen.” (Ġeremija 22:17-19) Sedekija, bin Ġosija, u Ġeħojakin, in-neputi taʼ Ġosija, ukoll kienu ħżiena u ma segwewx l-eżempju taʼ Ġosija li kien leali.—2 Slaten 24:8, 9, 18, 19.

7, 8. (a) Salamun kif m’apprezzax il-wirt spiritwali tiegħu? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji Bibliċi taʼ wħud li ma ħadux vantaġġ mill-wirt spiritwali tagħhom?

7 Is-Sultan Salamun tgħallem kif jaqdi lil Ġeħova minn David, missieru, imma mbagħad ma baqax japprezza l-wirt spiritwali tiegħu. “Meta Salamun xjaħ, in-nisa tiegħu dawrulu qalbu biex imur wara allat oħrajn; u qalbu ma baqgħetx sħiħa maʼ Ġeħova Alla tiegħu bħalma kienet qalb David missieru.” (1 Slaten 11:4) Minħabba dan, Salamun tilef l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.

8 Dawn l-irġiel kollha kellhom l-opportunità li jsiru jafu lil Ġeħova u jagħmlu dak li hu tajjeb. B’dispjaċir, ma ħadux vantaġġ mill-opportunità li kellhom. Imma hemm żgħażagħ li ħadu vantaġġ mill-wirt spiritwali tagħhom. Issa se naraw xi eżempji tajbin taʼ żgħażagħ li nistgħu nimitawhom.

XI WĦUD LI APPREZZAW DAK LI KIENU RĊIVEW

9. Ulied Noè kif ħallew eżempju eċċellenti? (Ara l-ewwel stampa.)

9 Ulied Noè ħallew eżempju eċċellenti. Kellhom il-privileġġ li jgħinu lil Noè jibni l-arka biex isalvaw lin-nies. Huma kienu jafu li kellhom bżonn jobdu lil Ġeħova, u mbagħad daħlu fl-arka qabel beda d-Dulluvju. (Ġenesi 7:1, 7) X’kien ir-riżultat? Ġenesi 7:3 jgħid li ħadu xi annimali fl-arka biex “il-ħlejjaq jibqgħu jgħixu fuq wiċċ l-art kollha kemm hi.” Xi nies salvaw ukoll. Minħabba li wlied Noè apprezzaw il-wirt spiritwali tagħhom, huma kellhom il-privileġġ li jgħinu f’li jsalvaw l-umanità u f’li jerġaʼ jkun hemm il-qima vera fuq l-art.—Ġenesi 8:20; 9:18, 19.

L-erbat irġiel Ebrajċi qatt ma nsew min kienu u x’tgħallmu

10. Erbat irġiel Ebrajċi f’Babilonja, kif urew li apprezzaw il-wirt spiritwali tagħhom?

10 Mijiet taʼ snin wara, erbat irġiel Ebrajċi rrifjutaw li jsegwu l-istil taʼ ħajja tal-Babiloniżi. Ħananija, Misael, Għażarija, u Danjel kienu ttieħdu lejn Babilonja fis-sena 617 QEK. Kienu gustużi, intelliġenti, u setgħu jkollhom suċċess kbir f’Babilonja. Imma qatt ma nsew min kienu u x’tgħallmu, u għal dan Ġeħova berikhom ħafna.—Aqra Danjel 1:8, 11-15, 20.

11. Ħaddieħor kif ibbenefika mill-wirt spiritwali taʼ Ġesù?

11 Ġesù kien l-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li wera l-apprezzament għal wirt spiritwali tiegħu. Ġesù verament ħabb dak li Missieru kien għallmu. Dan jidher ċar meta tkellem ‘skond kif għallmu l-Missier.’ (Ġwanni 8:28) Hu kien jieħu pjaċir jaqsam dak li tgħallem m’oħrajn ħalli jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll. Hu qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:18, 43) Id-dinja ma tapprezzax l-affarijiet spiritwali, u Ġesù għalhekk wissa lid-dixxipli biex ma jkunux “parti mid-dinja.”—Ġwanni 15:19.

APPREZZA DAK LI RĊIVEJT

12. (a) It-2 Timotju 3:14-17 kif japplika għal ħafna żgħażagħ illum? (b) Iż-żgħażagħ Kristjani x’għandhom isaqsu lilhom infushom?

12 Jekk għandek ġenituri li jħobbu lil Ġeħova, int irċivejt wirt spiritwali. Dak li tgħid il-Bibbja dwar Timotju jistaʼ japplika għalik ukoll. (Aqra t-2 Timotju 3:14-17.) Il-ġenituri tiegħek għallmuk dwar Ġeħova u kif togħġbu. Forsi għallmuk minn mindu kont tarbija. Dan għenek biex issir “għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù” u biex tkun “armat bis-sħiħ” ħalli taqdi lil Alla. Imma tapprezza verament dak li għandek? Saqsi lilek innifsek: ‘Kif inħossni dwar il-ħafna xhieda leali li għexu qabli? Kburi li jien Xhud taʼ Ġeħova? Kif inħossni dwar li jien wieħed mill-ftit nies li Alla jaf? Nirrealizza xi privileġġ uniku u sabiħ għandi?’

Kif tħossok dwar li int wieħed mix-xhieda leali t’Alla, bħal dawk li għexu qablek? (Ara paragrafi 9, 10, u 12)

13, 14. Xi wħud li trabbew fil-verità, x’inhuma mħajrin jagħmlu, imma għala tkun bluha? Agħti eżempju.

13 Xi żgħażagħ li trabbew minn ġenituri Kristjani ma jirrealizzawx kemm hi sabiħa l-verità u kemm hi kerha d-dinja taʼ Satana. Xi wħud saħansitra tħajru jaraw xi ssarraf il-ħajja fid-dinja. Imma kieku int tmur quddiem karozza miexja għas-sempliċi fatt biex tara jekk tweġġgħekx jew saħansitra jekk toqtlokx? Din tkun bluha! Allura m’hemmx għalfejn nipprovaw l-affarijiet ħżiena taʼ din id-dinja biex niskopru kemm iġibulna wġigħ.—1 Pietru 4:4.

M’hemmx għalfejn nipprovaw l-affarijiet ħżiena taʼ din id-dinja biex niskopru kemm iġibulna wġigħ

14 Żagħżugħ jismu Gener trabba fil-verità fl-Asja. Tgħammed taʼ 12-il sena. Imma meta kien żagħżugħ, kien imħajjar jara x’toffri d-dinja, bit-tama li jkun jistaʼ jagħmel li jrid. Gener beda jigdeb lill-familja tiegħu u jgħix ħajja doppja. Sa ma kellu 15-il sena kien qed jagħmel xi affarijiet ħżiena li ħbiebu kienu qed jagħmlu, bħal li jixorbu xorb alkoħoliku u jidgħu. Gener kien jasal id-dar tard wara li kien jilgħab magħhom il-logħob tal-kompjuter vjolenti. Maż-żmien irrealizza li l-affarijiet li kien qed jagħmel ma kinux qed jagħmluh ferħan, u ħass li ħajtu hi bla skop. Issa reġaʼ qiegħed fil-verità. Hu jgħid li minn żmien għal żmien, għadu jkun imħajjar mid-dinja, imma li jkollu l-barka taʼ Ġeħova hu iktar importanti għalih.

15. Dwar xiex għandna naħsbu lkoll kemm aħna, kemm jekk trabbejna minn ġenituri Kristjani u kemm jekk le?

15 Anki jekk il-ġenituri tiegħek mhumiex fil-verità, aħseb dwar il-privileġġ mill-isbaħ li għandek li sirt taf il-Ħallieq u li qed taqdih! Mill-biljuni kollha taʼ nies fuq l-art, Ġeħova bi mħabba rrivela lilu nnifsu lilek. X’barka dik! (Ġwanni 6:44, 45) Kemm jekk tgħallimna l-verità mingħand il-ġenituri u kemm jekk le, aħna nistgħu nkunu ferħanin ħafna li nafuha. (Aqra l-1 Korintin 2:12.) Gener jgħid: “Min jien biex inkun magħruf minn Ġeħova, is-Sid tal-Univers?” (Salm 8:4) Oħt Kristjana tgħid: “L-istudenti jħossuhom verament kburin għall-fatt li jkunu magħrufin mill-għalliem tagħhom. Kemm hu iktar taʼ privileġġ li nkunu magħrufin minn Ġeħova, l-Istruttur Grandjuż!”

INT X’SE TAGĦMEL?

16. Iż-żgħażagħ Kristjani x’għażla għaqlija għandhom jagħmlu?

16 Aħseb dwar il-wirt spiritwali mill-isbaħ tiegħek, u agħmilha mira li taqdi lil Ġeħova. Segwi l-eżempju tajjeb taʼ wħud leali tal-passat. Tkunx bħal maġġorparti taż-żgħażagħ fid-dinja li qed jaħlu ħajjithom u li m’għandhomx futur.—2 Korintin 4:3, 4.

17-19. Għala hu għaqli li tkun differenti min-nies tad-dinja?

17 Ovvjament, mhuwiex dejjem faċli li tkun differenti min-nies tad-dinja. Imma hija l-iktar ħaġa għaqlija li tistaʼ tagħmel. Aħseb dwar atleta li jikkwalifika għall-Olimpijadi. Biex jilħaq dak il-livell, irid ikun differenti minn tamparu. Jevita ħafna affarijiet li jiħdulu l-ħin u l-attenzjoni. Irid ikun lest li jkun differenti ħalli jittrennja iktar u jilħaq il-mira tiegħu.

Aħseb dwar il-wirt spiritwali mill-isbaħ tiegħek, u agħmilha mira li taqdi lil Ġeħova

18 Il-maġġorparti tan-nies tad-dinja ma jaħsbux ħafna dwar ir-riżultati ħżiena tal-azzjonijiet tagħhom, imma l-qaddejja taʼ Ġeħova jaħsbu f’dan. Jekk aħna differenti mid-dinja u nevitaw affarijiet bħall-immoralità li jistgħu jħassru r-relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova, se ‘naqbdu qabda soda mal-ħajja vera.’ (1 Timotju 6:19) L-oħt li ssemmiet qabel tgħid: “Jekk tieħu waqfa għal dak li temmen, se tħossok tajba ħafna fl-aħħar mill-aħħar. Dan jagħti prova li għandek is-saħħa li tmur kontra l-kurrent tad-dinja taʼ Satana. Iktar minn hekk, huwa bħallikieku tistaʼ tara ’l Alla Ġeħova kburi bik u jitbissimlek! Imbagħad ħa tħossok tajba dwar li tkun differenti!”

19 Taħlix ħajtek billi taħseb biss fuq dak li tistaʼ takkwista issa. (Ekkleżjasti 9:2, 10) Int tifhem għala qiegħed hawn u li għandek l-opportunità li tgħix għal dejjem. Dan jgħinek tieħu deċiżjonijiet tajbin u tevita li ‘timxi kif jimxu l-ġnus.’ Ħajtek għandha valur taʼ veru.—Efesin 4:17; Malakija 3:18.

20, 21. (a) Jekk nieħdu deċiżjonijiet tajbin, x’jistaʼ jkun il-futur tagħna? (b) Ġeħova x’jitlob minna?

20 Jekk nieħdu deċiżjonijiet tajbin, jistaʼ jkollna ħajja ferħana issa u jkollna ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla. Ġeħova se jberikna iktar milli qatt nistgħu nimmaġinaw. (Mattew 5:5; 19:29; 25:34) Madankollu, ma jagħtix dawn il-barkiet lil kulħadd. Hu jitlob ubbidjenza min-naħa tagħna. (Aqra l-1 Ġwanni 5:3, 4.) Imma l-isforzi tagħna biex naqdu lil Ġeħova b’lealtà minn issa huma worth it!

21 Ġeħova diġà tana ħafna. Aħna għandna għarfien eżatt tal-Kelma tiegħu u fehma ċara tal-verità dwaru u l-iskopijiet tiegħu. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, għandna l-privileġġ li nissejħu b’ismu. Alla jwegħedna li qiegħed fuq in-naħa tagħna biex jgħinna. (Salm 118:7) Ejjew ilkoll kemm aħna, kemm jekk kbar u kemm jekk żgħar, nuru li napprezzaw il-wirt spiritwali tagħna u li nixtiequ nagħtu lil Ġeħova “l-glorja għal dejjem.”—Rumani 11:33-36; Salm 33:12.