Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala nosservaw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?

Għala nosservaw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?

“Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—1 KORINTIN 11:24.

1, 2. Ġesù x’għamel fil-lejla tal-14 taʼ Nisan tas-sena 33 EK? (Ara l-ewwel stampa.)

F’ĠERUSALEMM, fil-lejla tal-14 taʼ Nisan tas-sena 33 EK, kien hemm qamar kwinta. Ġesù u l-appostli tiegħu ċċelebraw il-Qbiż li fakkret lin-nies fil-mod kif Ġeħova ħeles lill-Iżraelin mill-Eġittu 1,500 sena qabel. Ġesù kellu ikla speċjali mal-11-il appostlu leali tiegħu, ikla li s-segwaċi tiegħu kienu se jirripetu darba kull sena biex jiftakru fil-mewt tiegħu.Mattew 26:1, 2.

2 Ġesù qal talba, għadda l-ħobż bla ħmira lill-appostli tiegħu, u qal: “Ħudu, kulu.” Imbagħad qabad kies bl-inbid, reġaʼ talab, u qal: “Ixorbu minnu, intom ilkoll.” (Mattew 26:26, 27) Il-ħobż u l-inbid kellhom tifsir speċjali. L-appostli leali taʼ Ġesù tgħallmu ħafna affarijiet f’dik il-lejla importanti.

3. Liema mistoqsijiet se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 Ġesù ried li darba kull sena d-dixxipli tiegħu jiftakru fil-mewt tiegħu. Din l-okkażjoni iktar tard issejħet “l-ikla taʼ fil-għaxija tal-Mulej,” jew it-Tifkira. (1 Korintin 11:20) F’dan l-artiklu se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet: Għala għandna niftakru fil-mewt taʼ Ġesù? X’jirrappreżentaw il-ħobż u l-inbid? Kif nistgħu nħejju ruħna għat-Tifkira? Min għandu jieħu mill-emblemi? U l-Kristjani kif jistgħu juru li jgħożżu t-tama tagħhom?

GĦALA GĦANDNA NIFTAKRU FIL-MEWT TAʼ ĠESÙ?

4. Il-mewt taʼ Ġesù x’għamlet possibbli għalina?

4 Peress li Adam dineb, aħna writna d-dnub u l-mewt. (Rumani 5:12) L-ebda bniedem imperfett ma setaʼ jagħti lil Alla fidwa għal ħajtu jew għall-ħajja taʼ ħaddieħor. (Salm 49:6-9) Imma Ġesù ta l-ħajja perfetta tiegħu għalina u ppreżenta l-valur taʼ dik il-fidwa lil Alla. Billi għamel hekk, Ġesù għamilha possibbli għalina biex ikollna t-tama li ngħixu għal dejjem, meħlusin mid-dnub u l-mewt.—Rumani 6:23; 1 Korintin 15:21, 22.

Aħna tassew napprezzaw dak li għamlu għalina Ġeħova u Ġesù!

5. (a) Kif nafu li Alla u Ġesù jħobbuna? (b) Għala għandna nattendu għat-Tifkira?

5 Alla wera biċ-ċar kemm iħobb lill-bnedmin billi pprovda l-fidwa. (Ġwanni 3:16) Ġesù wkoll wera l-imħabba tiegħu billi ta ħajtu għalina. Anki qabel ma ġie fuq l-art, Ġesù qal li kien ‘jgħożż ulied il-bnedmin.’ (Proverbji 8:30, 31) Aħna tassew napprezzaw dak li għamlu għalina Ġeħova u Ġesù! Hu għalhekk li nobdu l-kmand taʼ Ġesù biex ‘nibqgħu nagħmlu dan b’tifkira tiegħu,’ u b’hekk nattendu għat-Tifkira.—1 Korintin 11:23-25.

X’JIRRAPPREŻENTAW L-EMBLEMI?

6. X’nifhmu dwar il-ħobż u l-inbid tat-Tifkira?

6 Matul l-aħħar ikla tiegħu mal-appostli, Ġesù ma wettaqx miraklu billi biddel il-ħobż f’ġismu jew l-inbid f’demmu. Hu qal hekk: “Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi.” U dwar l-inbid qal: “Dan jirrappreżenta d-‘demm tiegħi tal-patt,’ li se jixxerred għal ħafna.” (Marku 14:22-24) Jidher ċar li l-ħobż u l-inbid huma simboli, jew emblemi.

7. Il-ħobż bla ħmira x’jirrappreżenta?

7 F’dik il-lejla importanti, Ġesù uża ħobż bla ħmira li kien fadal mill-ikla tal-Qbiż. (Eżodu 12:8) Il-Bibbja kultant tuża l-ħmira biex tirrappreżenta d-dnub. (Mattew 16:6, 11, 12; Luqa 12:1) Il-ħobż bla ħmira li uża Ġesù rrappreżenta l-ġisem bla dnub tiegħu. (Ebrej 7:26) Din hi r-raġuni għala nużaw ħobż bla ħmira fit-Tifkira.

8. L-inbid x’jirrappreżenta?

8 L-inbid li uża Ġesù rrappreżenta d-demm, jew il-ħajja, tiegħu. L-inbid li nużaw illum fit-Tifkira jirrappreżenta l-istess ħaġa. F’post barra minn Ġerusalemm li kien jismu Golgota, Ġesù miet għalina u ta ħajtu “għall-maħfra tad-dnubiet.” (Mattew 26:28; 27:33) Jekk napprezzaw din l-għotja prezzjuża, personalment se nħejju ruħna kull sena għal din l-okkażjoni speċjali. Kif nistgħu nagħmlu dan?

XI MODI KIF INĦEJJU RUĦNA

9. (a) Għala għandna nużaw l-iskeda għall-qari tal-Bibbja għat-Tifkira? (b) Int kif tħossok dwar il-fidwa?

9 Mod wieħed kif tistaʼ tħejji ruħek għat-Tifkira hu billi tuża l-iskeda għall-qari tal-Bibbja għat-Tifkira. Din l-iskeda tinsab fil-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura kuljum. Meta naqraw ir-rakkonti tal-Bibbja, se niġu megħjunin nimmeditaw fuq dak li għamel Ġesù eżatt qabel ma miet. * Oħt tikteb: “Aħna nħarsu ’l quddiem għat-Tifkira. Kull sena ssir iktar speċjali għalina. Niftakarni bilwieqfa fis-sala mortwarja . . . nħares lejn l-għażiż missieri u nħoss apprezzament mill-fond taʼ qalbi iktar minn qatt qabel għall-fidwa. . . . Kont naf l-iskritturi kollha u anki nispjegahom! Imma kien biss meta ħassejt il-firda kiefra tal-mewt li qalbi mtliet bil-ferħ, minħabba dak li se jsir għalina permezz taʼ dik il-fidwa tant prezzjuża.” Li nimmeditaw fuq kif is-sagrifiċċju taʼ Ġesù se jgħinna b’mod individwali, hu parti importanti milli nħejju ruħna għat-Tifkira.

Billi nsegwu l-iskeda tal-qari tal-Bibbja għat-Tifkira, inkunu qed inħejju lilna nfusna għat-Tifkira (Ara paragrafu 9)

10. X’inhi ħaġ’oħra li nistgħu nagħmlu biex inħejju ruħna għat-Tifkira?

10 Mod ieħor kif nistgħu nħejju ruħna hu billi nżidu l-ħin li nqattgħu fil-ministeru u nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies għat-Tifkira. Forsi nistgħu naqdu bħala pijunieri awżiljarji. Meta nitkellmu m’oħrajn dwar Alla, Ibnu, u t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem, se nħossuna sodisfatti għax inkunu għamilna dak li Alla jridna nagħmlu.—Salm 148:12, 13.

11. Pawlu għala qal li fit-Tifkira xi Korintin kielu u xorbu mingħajr ma kien jistħoqqilhom?

11 Meta tkun qed tħejji ruħek għat-Tifkira, immedita fuq dak li Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Korintu. (Aqra l-1 Korintin 11:27-34.) Hu qal li jekk xi ħadd jiekol mill-ħobż u jixrob mill-inbid mingħajr ma jkun jistħoqqlu, jew b’diżrispett, ikun ħati dwar il-“ġisem u d-demm tal-Mulej.” Għalhekk, jekk midluk ikun involut f’kondotta ħażina u jieħu mill-emblemi, ikun qed “jiekol u jixrob il-ġudizzju kontra tiegħu stess.” Fi żmien Pawlu, ħafna mill-Korintin kienu involuti f’kondotta ħażina. Jistaʼ jkun li xi wħud minnhom kielu u xorbu żżejjed qabel jew matul it-Tifkira u qabadhom in-ngħas. Kienu qed juru diżrispett kbir lejn l-okkażjoni, u għalhekk Alla m’approvax meta ħadu mill-emblemi.

12. (a) Pawlu maʼ xiex qabbel it-Tifkira u liema twissija ta lil dawk li jieħdu mill-emblemi? (b) Individwu li jieħu mill-emblemi, x’għandu jagħmel jekk għamel dnub serju?

12 Pawlu qabbel it-Tifkira maʼ ikla u wissa lil dawk li ħadu mill-emblemi: “Ma tistgħux tixorbu l-kies taʼ Ġeħova u l-kies tad-demonji; ma tistgħux tieħdu sehem mill-‘mejda taʼ Ġeħova’ u mill-mejda tad-demonji.” (1 Korintin 10:16-21) Jekk individwu li jieħu mill-emblemi jkun għamel dnub serju, għandu jmur għand l-anzjani għall-għajnuna. (Aqra Ġakbu 5:14-16.) Jekk l-azzjonijiet tiegħu juru li nidem b’mod sinċier, imbagħad ma jkunx qed juri diżrispett lejn is-sagrifiċċju taʼ Ġesù meta jieħu mill-emblemi fit-Tifkira.—Luqa 3:8.

Żgur li qatt ma rridu nuru diżrispett għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù

13. Għala għandna nitolbu dwar it-tama li tana Alla?

13 Ukoll, nistgħu nħejju ruħna għat-Tifkira billi nitolbu u nimmeditaw dwar it-tama li Alla ta lilna personalment. Żgur li qatt ma rridu nuru diżrispett għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Għalhekk, ma niħdux mill-emblemi jekk m’għandniex prova ċara li aħna midlukin. Allura, min għandu jieħu mill-emblemi?

MIN GĦANDU JIEĦU MILL-EMBLEMI?

14. Peress li l-midlukin huma parti mill-patt il-ġdid, x’jagħmlu fit-Tifkira?

14 Dawk li jieħdu mill-emblemi tat-Tifkira għandhom ikunu ċerti mija fil-mija li huma parti mill-patt il-ġdid. Ġesù qal hekk dwar l-inbid: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi.” (1 Korintin 11:25) Ġeħova għamel il-patt tal-Liġi mal-Iżraelin imma iktar tard qal li kien se jagħmel patt ieħor floku. (Aqra Ġeremija 31:31-34.) Alla għamel dan il-patt, jew ftehim, ġdid mal-midlukin. (Galatin 6:15, 16) Il-mewt taʼ Ġesù għamlet dan il-ftehim possibbli. (Luqa 22:20) Ġesù hu l-Medjatur tal-patt il-ġdid. Il-midlukin leali li huma parti mill-patt il-ġdid se jkunu fis-sema maʼ Ġesù.—Ebrej 8:6; 9:15.

15. (a) Min hu parti mill-patt tas-Saltna? (b) Jekk il-midlukin ikunu leali, xi privileġġ se jkollhom?

15 Il-midlukin jafu li huma parti mill-patt tas-Saltna wkoll. (Aqra Luqa 12:32.) Dan il-patt sar bejn Ġesù u s-segwaċi midlukin leali tiegħu, li ħadu sehem “fit-tbatijiet tiegħu.” (Filippin 3:10) Il-midlukin leali tal-lum ukoll huma parti minn dan il-patt. Dawn se jsaltnu bħala slaten fis-sema maʼ Kristu għal dejjem. (Rivelazzjoni 22:5) Huma jikkwalifikaw biex jieħdu mill-emblemi matul l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej.

16. Spjega fil-qosor xi tfisser l-iskrittura taʼ Rumani 8:15-17.

16 Il-midlukin lanqas l-iċken dubju m’għandhom li huma wlied Alla u li jistgħu jieħdu mill-emblemi. (Aqra Rumani 8:15-17.) Pawlu qal li jgħajtu: “Abba, Missier!” Il-kelma Aramajka “Abba” hi kemm kelma taʼ mħabba, bħal “daddy” jew “papà,” kif ukoll kelma taʼ rispett, bħal “missier.” Din il-kelma tesprimi r-relazzjoni speċjali li l-midlukin għandhom maʼ Ġeħova meta jirċievu “spirtu t’adozzjoni bħala wlied.” L-ispirtu t’Alla ‘jixhed maʼ l-ispirtu tagħhom,’ u għalhekk huma jafu fiż-żgur li huma wliedu midlukin. Dan ma jfissirx li ma jridux jgħixu fuq l-art. Huma jafu li jekk jibqgħu leali sakemm imutu se jkunu slaten fis-sema maʼ Ġesù. U jafu li ‘ġew midlukin mill-qaddis,’ Ġeħova. Illum, ftit fadal minn dawn il-144,000 fuq l-art. (1 Ġwanni 2:20; Rivelazzjoni 14:1) Tant iħossuhom qrib taʼ Ġeħova li jsejħulu “Abba, Missier!”

GĦOŻŻ IT-TAMA TIEGĦEK IBBAŻATA FUQ IL-BIBBJA

17. (a) X’tama għandhom il-midlukin? (b) Kif jafu li huma midlukin?

17 Jekk int Kristjan midluk, spiss se ssemmi t-tama li għandek għas-sema fit-talb persunali tiegħek. U l-Iskrittura se jkollha sinifikat speċjali għalik. Pereżempju, meta l-Bibbja titkellem dwar iż-żwieġ fis-sema li se jseħħ bejn Ġesù u “l-għarusa” tiegħu, int taf li dan japplika għalik u tħares ’il quddiem għalih. (Ġwanni 3:27-29; 2 Korintin 11:2; Rivelazzjoni 21:2, 9-14) Jew meta l-Bibbja tispjega l-imħabba li Alla għandu għall-midlukin, int taf li qed ikellem lilek. U meta taqra istruzzjonijiet li huma għall-midlukin fil-Kelma t’Alla, l-ispirtu qaddis iqanqlek biex tobdihom. L-ispirtu qaddis t’Alla “jixhed” miegħek li t-tama tiegħek hi li tmur fis-sema.

18. X’tama għandhom in-“nagħaġ oħrajn,” u int kif tħossok dwar din it-tama?

18 Jekk int wieħed mill-‘folla l-kbira’ tan-“nagħaġ oħrajn,” Alla tak l-opportunità li tgħix għal dejjem f’Ġenna tal-art. (Rivelazzjoni 7:9; Ġwanni 10:16) Kif tħossok dwar il-futur tiegħek? Żgur li tħossok eċċitat meta timmedita fuq dak li l-Bibbja tgħid dwar il-Ġenna tal-art li ġejja. Tħares ’il quddiem biex tgħix f’dinja taʼ paċi mal-familja u l-ħbieb tiegħek. Ħerqan biex tara t-tmiem tal-ġuħ, il-faqar, it-tbatija, il-mard, u l-mewt. (Salm 37:10, 11, 29; 67:6; 72:7, 16; Isaija 33:24) Għandek sebaʼ mitt sena biex tara l-irxoxt tal-maħbubin tiegħek. (Ġwanni 5:28, 29) Kemm tħossok grat lejn Ġeħova għal din it-tama meraviljuża! Anke jekk ma tiħux mill-emblemi, int xorta tattendi għat-Tifkira għax tapprezza s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa.

INT SE TKUN HEMM?

19, 20. (a) Kif inhu possibbli li tgħix għal dejjem? (b) Għala se tattendi għat-Tifkira?

19 Int tistaʼ tgħix għal dejjem, jew fuq l-art jew fis-sema, imma biss jekk turi fidi f’Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, u l-fidwa. Meta tmur għat-Tifkira, immedita fuq it-tama tiegħek u fuq l-importanza kbira tal-mewt taʼ Ġesù. Wara nżul ix-xemx nhar il-Ġimgħa, 3 tʼApril 2015, miljuni taʼ nies madwar id-dinja se jattendu għat-Tifkira fi Swali tas-Saltna u f’postijiet oħra.

20 Meta nħejju ruħna biex nattendu għat-Tifkira bl-attitudni t-tajba, se nkunu tassew grati għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Billi tagħti widen sew għat-taħdita tat-Tifkira, se titqanqal turi mħabba m’oħrajn u tgħidilhom dwar l-imħabba u l-iskop taʼ Ġeħova għalina lkoll. (Mattew 22:34-40) Kun determinat li tkun hemm.

^ par. 9 Ara Gwida għall-istudju tal-Kelma t’Alla, sezzjoni 16.