Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irringrazzja lil Ġeħova u kun imbierek

Irringrazzja lil Ġeħova u kun imbierek

“Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb.”—SALM 106:1.

1. Għala għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova?

ĠEĦOVA jagħtina “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġakbu 1:17) Hu r-Ragħaj tagħna kollu mħabba, u b’tenerezza jieħu ħsieb il-bżonnijiet kollha tagħna. (Salm 23:1-3) Ġeħova verament jistħoqqlu li b’mod sinċier nirringrazzjawh. Hu ‘l-kenn u s-saħħa’ tagħna, speċjalment meta nkunu qed inbatu. (Salm 46:1) Aħna nħossuna bħalma ħassu s-salmista li kiteb: “Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb; għax il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hi għal dejjem.”—Salm 106:1.

L-iskrittura għas-sena 2015: “Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb.”—Salm 106:1

2, 3. (a) X’perikli hemm jekk insiru ingrati? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

2 Għala għandna nkunu grati lejn Ġeħova? Kif kien imbassar, in-nies fl-aħħar jiem saru ingrati ferm. (2 Timotju 3:2) Ħafna wħud ma japprezzawx l-affarijiet tajbin li Ġeħova għamel għalihom. Qed ngħixu f’dinja materjalistika li tħeġġeġ lil miljuni taʼ nies biex jixtru iktar milli tassew għandhom bżonn. Għalhekk, ħafna mhumiex kuntenti b’dak li diġà għandhom. Bħall-Iżraelin tal-qedem, nistgħu nsiru ingrati u nitilfu l-apprezzament tagħna għall-barkiet u għar-relazzjoni prezzjuża li għandna maʼ Ġeħova.—Salm 106:7, 11-13.

3 Aħseb ukoll dwar x’jistaʼ jiġri waqt li nkunu qed inħabbtu wiċċna maʼ provi. Il-problemi tagħna jistgħu tant ikidduna li niffokaw fuqhom minflok ma niffokaw fuq il-barkiet tagħna. (Salm 116:3) Kif nistgħu nibqgħu grati? Kif nistgħu nżommu attitudni pożittiva minkejja provi ibsin? Ejja naraw.

‘INT GĦAMILT ĦAFNA AFFARIJIET, O ĠEĦOVA’

4. Kif nistgħu nibqgħu grati lejn Ġeħova?

4 Irridu nagħmlu sforz biex nibqgħu grati lejn Ġeħova. L-ewwel, irridu nfittxu modi kif Ġeħova berikna personalment. U mbagħad, irridu nimmeditaw fuq kif dawn il-barkiet juru l-imħabba kbira li Alla għandu għalina. Meta s-salmista għamel hekk, baqaʼ mbellah bil-ħafna affarijiet tal-għaġeb li Ġeħova kien għamel għalih.—Aqra Salm 40:5; 107:43.

5. X’nistgħu nitgħallmu mill-appostlu Pawlu dwar il-gratitudni?

5 Nistgħu nitgħallmu dwar kif inkunu grati lejn Ġeħova billi nikkunsidraw l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Aħna nafu li kien jimmedita fuq il-barkiet tiegħu għax b’mod regulari rringrazzja lil Alla fit-talb. Pawlu ammetta li qabel kien “midgħi u persekutur u raġel insolenti.” Kien grat li, minkejja l-passat tiegħu, Alla u Kristu kienu wrewh il-ħniena u tawh il-privileġġ li jipprietka lil oħrajn. (Aqra l-1 Timotju 1:12-14.) Ukoll, Pawlu kien grat ħafna għall-ħutu Kristjani u spiss irringrazzja lil Ġeħova għall-kwalitajiet tajbin u s-servizz leali tagħhom. (Filippin 1:3-5, 7; 1 Tessalonikin 1:2, 3) Pawlu ma kienx iżomm lura milli jirringrazzja lil Ġeħova għal dak kollu li ħutu kienu għamlu għalih meta kien għaddej minn provi. (Atti 28:15; 2 Korintin 7:5-7) Għalhekk, ma niskantawx li Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘juru li huma grati’ u biex jinkuraġġixxu “lil xulxin b’salmi, tifħir lil Alla, [u] għanjiet spiritwali b’radd il-ħajr.”—Kolossin 3:15-17.

IL-MEDITAZZJONI U T-TALB JGĦINUNA NIBQGĦU GRATI

6. Għala int grat lejn Ġeħova?

6 Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu? Nistgħu nimmeditaw fuq dak li Ġeħova għamel għalina personalment. (Salm 116:12) Kif kont twieġeb li kieku xi ħadd kellu jsaqsik, “Għal liema barkiet mingħand Ġeħova tħossok grat?” Kont issemmi r-relazzjoni prezzjuża li għandek maʼ Ġeħova? Jew il-maħfra taʼ dnubietek grazzi għas-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa? Kont issemmi lill-aħwa Kristjani li għenuk matul żminijiet diffiċli? Kont tgħid kemm int grat għas-sieħeb jew sieħba tiegħek fiż-żwieġ jew għal uliedek? Ħu l-ħin biex timmedita fuq il-ħafna modi li bihom bierkek Alla. Dan se jqanqlek tirringrazzjah kuljum.—Aqra Salm 92:1, 2.

Uri li int grat bħal Ħanna u Ħeżekija, u rringrazzja lil Ġeħova għal dak li għamel għalik

7. (a) Għala għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova fit-talb? (b) Kif se tibbenefika jekk tirringrazzja lil Ġeħova fit-talb?

7 Meta nimmeditaw fuq il-barkiet kollha tagħna, se nkunu rridu nirringrazzjaw lil Ġeħova fit-talb. (Salm 95:2; 100:4, 5) Xi nies jużaw it-talb biss meta jkunu jridu xi ħaġa mingħand Alla. Imma Ġeħova jieħu gost meta fit-talb tagħna nirringrazzjawh għal dak li ġa għandna. Fil-Bibbja, insibu bosta eżempji taʼ qaddejja t’Alla, bħal Ħanna u Ħeżekija, li rringrazzjaw lil Ġeħova fit-talb. (1 Samwel 2:1-10; Isaija 38:9-20) Għalhekk, uri li int grat bħalhom, u rringrazzja lil Ġeħova għal dak li għamel għalik. (1 Tessalonikin 5:17, 18) Meta tagħmel hekk, se tħoss serħan, se ssir tħobb iktar lil Alla, u se ssir u tibqaʼ l-ħabib tiegħu.—Ġakbu 4:8.

Għal liema barkiet mingħand Ġeħova tħossok grat? (Ara paragrafi 6, 7)

8. X’jistaʼ jġegħelna nsiru ingrati?

8 Jekk ma noqogħdux attenti, faċilment nistgħu nitilfu l-apprezzament tagħna għall-għotjiet tajbin taʼ Ġeħova. Għala? Għax aħna imperfetti u writna attitudni ingrata mill-ewwel ġenituri tagħna. Ġeħova ta lil Adam u Eva ġenna tal-art u għamel ċert li kellhom kulma kellhom bżonn. Setgħu għexu għal dejjem fil-paċi. (Ġenesi 1:28) Imma m’apprezzawx il-barkiet tagħhom. Ma kinux kuntenti b’dak li kellhom u riedu iktar. Fl-aħħar, tilfu kollox. (Ġenesi 3:6, 7, 17-19) Ilkoll ngħixu f’dinja ingrata, u aħna wkoll nistgħu nsiru ingrati għal dak kollu li tana Ġeħova. Nistgħu nitilfu l-apprezzament għall-ħbiberija mill-qrib li għandna m’Alla jew il-privileġġ li nkunu parti minn fratellanza globali. Nistgħu niġu aljenati mill-affarijiet tad-dinja. (1 Ġwanni 2:15-17) Biex nevitaw din in-nassa, irridu nimmeditaw fuq il-ħafna barkiet li għandna u regolarment nirringrazzjaw lil Alla għall-privileġġ li nkunu l-poplu tiegħu.—Aqra Salm 27:4.

META NKUNU QED INKAMPAW MAL-PROVI

9. Meta nħabbtu wiċċna maʼ provi ħorox, għala għandna nimmeditaw fuq il-barkiet tagħna?

9 Attitudni grata se tgħinna nissaportu provi ħorox. Jistaʼ jkun li nħossuna mifnijin minħabba sitwazzjonijiet terribbli li mil-lejl għan-nhar jaqilbulna ħajjitna taʼ taħt fuq, bħal meta sieħba jew sieħeb fiż-żwieġ jaqlibhielna, nimirdu serjament, imut xi ħadd li nħobbu, jew nintlaqtu minn diżastru naturali qawwi. Il-meditazzjoni fuq il-barkiet taʼ Ġeħova se tfarraġna u ssaħħaħna ħalli nkunu nistgħu nissaportu. Ikkunsidra l-eżempji li ġejjin.

10. Irina kif ibbenefikat billi mmeditat fuq il-barkiet tagħha?

10 Irina, pijuniera regulari fl-Amerika taʼ Fuq, kienet miżżewġa anzjan li qalibhielha u abbanduna lilha u lil uliedhom. * X’jgħin lil Irina biex tibqaʼ taqdi lil Ġeħova b’lealtà? Hi tgħid: “Jien grata għall-fatt li Ġeħova ħa ħsiebi personalment. Billi nagħżel li nkun grata għall-affarijiet tajbin kollha f’ħajti, nistaʼ nara xi privileġġ għandi li nkun magħrufa u maħbuba minn Missierna tas-sema li jipproteġina. Naf li hu qatt mhu se jabbandunani.” Għalkemm Irina għaddiet minn ħafna ċirkustanzi diffiċli f’ħajjitha, l-attitudni ferriħija tagħha tgħinha tkampa b’suċċess u tinkuraġġixxi lil oħrajn.

11. X’għen lil Kyung-sook biex tkampa maʼ marda serja?

11 Kyung-sook, li tgħix fl-Asja, qdiet bħala pijuniera flimkien maʼ żewġha għal iktar minn 20 sena. Imbagħad, bħal sajjetta fil-bnazzi, it-tobba sabulha l-kanċer fil-pulmun u qalulha li kellha minn tliet xhur sa sitt xhur ħajja. Għalkemm hi u żewġha kienu ssaportew ħafna provi qabel, dejjem kellhom saħħa tajba. Hi tgħid: “Din il-problema taʼ saħħa tassew effettwatni—ħassejt li kont tlift kollox, u kont imbeżżgħa ħafna.” X’għen lil Kyung-sook biex tkampa? Hi tgħid: “Kull filgħaxija qabel ma nidħol norqod, immur fuq il-bejt u nitlob b’leħen għoli dwar ħames affarijiet li ġrawli dakinhar u li jien grata għalihom. Imbagħad inħoss serħan il-moħħ, u nitqanqal nesprimi mħabbti għal Ġeħova.” Kyung-sook kif ibbenefikat għax talbet b’dan il-mod kull filgħaxija? Hi tgħid: “Irrealizzajt li Ġeħova jieħu ħsiebna matul ċirkustanzi diffiċli u li hemm ħafna iktar barkiet f’ħajjitna milli hemm provi.”

Sheryl, maʼ ħuha li għadu ħaj, John (Ara paragrafu 13)

12. Jason kif tfarraġ wara li mietet martu?

12 Jason, li jaqdi fl-uffiċċju tal-fergħa fl-Afrika, ilu fis-servizz full-time għal iktar minn 30 sena. Hu jgħid: “Sebaʼ snin ilu, tlift lil marti fil-mewt, u kultant jaħkmuni d-dwejjaq. Meta noqgħod naħseb fuq dak li għaddiet minnu meta kienet qed tiġġieled kontra l-kanċer, inħossni mdejjaq ħafna.” X’serraħ xi ftit lil Jason? Hu jgħid: “Darba minnhom kont qed niftakar fi żmien pjaċevoli li qattajna flimkien jien u marti, u rringrazzjajt lil Ġeħova fit-talb għal dik il-memorja. Ħassejt sens taʼ serħan u wara dan bdejt nirringrazzja lil Ġeħova b’mod regulari għal memorji sbieħ bħal dawn. Il-gratitudni effettwat bil-kbir il-ħarsa tiegħi. Għadni nħoss l-uġigħ tat-telfa, imma l-fatt li nirringrazzja lil Ġeħova talli kelli żwieġ tajjeb u talli kelli l-privileġġ li naqdih maʼ persuna li tassew ħabbitu għenni nħares lejn l-affarijiet b’mod iktar pożittiv.”

“Jiena tassew grata li Ġeħova hu Alla tiegħi.”—Sheryl

13. X’għen lil Sheryl tissaporti t-telfa taʼ kważi l-membri kollha tal-familja tagħha?

13 Meta t-Tifun Haiyan, li kien qawwi ferm, laqat il-Filippini fl-aħħar tal-2013, Sheryl, li dak iż-żmien kulma kellha 13-il sena, tilfet kważi kollox. Hi tgħid: “Tlift id-dar u kważi l-membri kollha tal-familja.” Ommha, missierha, u tlieta minn ħutha mietu fl-ilmijiet qawwijin tal-maltempata. X’għen lil Sheryl tissaporti din it-traġedja mingħajr ma timtela b’rabja? Sheryl għadha grata lejn Ġeħova għax timmedita fuq il-barkiet kollha li għandha. Hi tgħid: “Rajt dak kollu li għamlu l-aħwa biex jgħinu u jinkuraġġixxu lil dawk fil-bżonn. Kont naf li l-aħwa madwar id-dinja kienu qed jitolbu għalija.” Hi żżid: “Jiena tassew grata li Ġeħova hu Alla tiegħi. Hu dejjem jagħtina dak li għandna bżonn.” Iva, meta nkunu grati għall-barkiet tagħna, nevitaw li nitnikktu żżejjed. Dan se jgħinna nissaportu kwalunkwe diffikultà li nistgħu nesperjenzaw.—Efesin 5:20; aqra Filippin 4:6, 7.

“JIEN, MIN-NAĦA TIEGĦI, SE NIFRAĦ B’ĠEĦOVA”

14. Liema tama eċċitanti għandna? (Ara l-ewwel stampa.)

14 Matul l-istorja, in-nies taʼ Ġeħova kienu grati għall-barkiet tagħhom. Wara li nħelsu mill-Fargħun u l-armati tiegħu ħdejn il-Baħar l-Aħmar, l-Iżraelin b’ferħ kantaw għanjiet biex ifaħħru u jirringrazzjaw lil Ġeħova. (Eżodu 15:1-21) Illum, waħda mill-iktar barkiet li ngħożżu hi li nafu li daqt mhux se jkun hawn iktar tbatija. (Salm 37:9-11; Isaija 25:8; 33:24) Immaġinaw kif se nħossuna meta Ġeħova jeqred lill-għedewwa kollha tiegħu u jilqagħna ġo dinja ġdida taʼ paċi u ġustizzja. Kemm se nkunu grati lejn Ġeħova dakinhar!—Rivelazzjoni 20:1-3; 21:3, 4.

Waħda mill-iktar barkiet li ngħożżu hi li nafu li daqt mhux se jkun hawn iktar tbatija

15. X’int determinat li tagħmel matul l-2015?

15 Matul l-2015 inħarsu ’l quddiem għal ħafna barkiet mingħand Ġeħova. Ovvjament, jistaʼ jkun li ngħaddu minn xi provi. Imma jiġri x’jiġri nafu li Ġeħova qatt mhu se jabbandunana. (Dewteronomju 31:8; Salm 9:9, 10) Hu se jkompli jagħtina dak kollu li għandna bżonn biex naqduh b’lealtà. Ejja nkunu determinati li nimitaw l-attitudni tal-profeta Ħabakkuk, li qal: “Għalkemm is-siġra tat-tin tistaʼ ma tarmix, u ma jkunx hemm frott fid-dwieli; il-prodott tas-siġra taż-żebbuġ jistaʼ ma joħroġx tajjeb, u r-rabaʼ mtarraġ ma jipproduċix ikel; in-nagħaġ għandhom mnejn jitneħħew mill-maqjel, u ma jkunx hemm baqar fil-postijiet fejn jinżammu magħluqin; Madankollu jien, min-naħa tiegħi, se nifraħ b’Ġeħova; jien se nithenna bl-Alla tas-salvazzjoni tiegħi.” (Ħabakkuk 3:17, 18) Matul din is-sena, jalla nkomplu nimmeditaw fuq il-barkiet kollha tagħna u nkunu mqanqlin insegwu l-parir tal-iskrittura għas-sena 2015: “Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb.”—Salm 106:1.

^ par. 10 Xi ismijiet ġew mibdulin f’dan l-artiklu.