Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova jiggwida x-xogħol ta’ tagħlim li nagħmlu madwar id-dinja

Ġeħova jiggwida x-xogħol ta’ tagħlim li nagħmlu madwar id-dinja

“Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek, li mmexxik fit-triq li għandek timxi.”—ISAIJA 48:17.

1. Liema diffikultajiet ħabbtu wiċċhom magħhom in-nies taʼ Ġeħova fl-ippritkar?

META n-nies taʼ Ġeħova bdew jippritkaw l-aħbar tajba iktar minn 130 sena ilu, ħabbtu wiċċhom maʼ ħafna diffikultajiet. * Bħall-Kristjani fl-ewwel seklu, kienu grupp żgħir u ppritkaw messaġġ li ma kienx idoqq għall-widnejn taʼ ħafna nies. Xi wħud ħasbu li n-nies taʼ Ġeħova kienu taʼ ftit skola. Iktar tard, in-nies taʼ Ġeħova ġew ippersegwitati meta Satana ġie mwaddab għal isfel lejn l-art. (Rivelazzjoni 12:12) U minn dak iż-żmien ’l hawn, ippritkaw matul dawn “l-aħħar jiem” li “diffiċli biex issib tarfhom.”—2 Timotju 3:1.

2. Ġeħova x’kien u x’għadu qed jagħmel biex jgħinna nippritkaw?

2 Imma Ġeħova kien u għadu qed jgħin lin-nies tiegħu. Hu jridhom jippritkaw l-aħbar tajba mal-art kollha, u mhu se jħalli xejn iwaqqaf dan ix-xogħol. Hu għen lin-nies tiegħu jqimuh b’tali mod li japprova billi firidhom minn mar-reliġjon falza. Għamel l-istess ħaġa fil-passat meta ħeles lill-Iżraelin minn Babilonja. (Rivelazzjoni 18:1-4) U dak li jgħallimna Ġeħova hu għall-ġid tagħna. Hu jgħinna ngħixu fil-paċi maʼ xulxin, u jħarriġna biex ngħallmu lil oħrajn dwaru. (Aqra Isaija 48:16-18.) Għalkemm Ġeħova jiggwida xogħolna, dan ma jfissirx li dejjem ibiddel il-ġrajjiet tad-dinja ħalli jgħinna nippritkaw. Hu minnu li xi affarijiet li seħħew fid-dinja għamluha eħfef għalina biex nippritkaw. Imma xorta waħda niġu ppersegwitati u niffaċċjaw problemi oħra li jiġu mid-dinja taʼ Satana. Huwa biss bl-għajnuna taʼ Ġeħova li jirnexxilna nippritkaw.—Isaija 41:13; 1 Ġwanni 5:19.

3. Il-profezija taʼ Danjel kif twettqet?

3 Danjel ipprofetizza li fi żmien it-tmiem ħafna nies kienu se jifhmu l-verità tal-Bibbja. (Aqra Danjel 12:4.) Ftit qabel ma beda “żmien it-tmiem,” Ġeħova għen lin-nies tiegħu jifhmu tagħlim importanti tal-Bibbja u jiċħdu tagħlim falz tal-Kristjaneżmu. Illum il-ġurnata, in-nies tiegħu qed jgħallmu l-verità tal-Bibbja madwar id-dinja kollha. Jidher ċar u tond li l-profezija taʼ Danjel twettqet. Kważi tmien miljuni tgħallmu l-verità u qed jgħallmuha lil ħaddieħor. Allura, x’inhuma xi affarijiet li għenu lin-nies taʼ Ġeħova biex jippritkaw madwar id-dinja?

IT-TRADUZZJONI TAL-BIBBJA

4. Sal-1900, f’kemm-il lingwa kienet tradotta l-Bibbja?

4 Illum, ħafna nies għandhom Bibbja, u dan jgħinna ngħallmuhom l-aħbar tajba. Imma dan mhux dejjem kien il-każ. Għal mijiet taʼ snin, il-membri tal-kleru tal-Kristjaneżmu ma ridux li n-nies jaqraw il-Bibbja. Saħansitra ppersegwitaw lil dawk li qrawha u qatlu lil xi ftit minn dawk li ttraduċewha. Imma mbagħad, wara l-1800, xi organizzazzjonijiet ittraduċew jew stampaw il-Bibbja f’madwar 400 lingwa. Sal-1900, ħafna nies kellhom Bibbja. Minkejja dan, ma kinux jifhmu dak li tgħallem.

5. Liema xogħol għamlu x-Xhieda taʼ Ġeħova biex jittraduċu l-Bibbja?

5 In-nies taʼ Ġeħova kienu jafu li kellhom jgħidu lil oħrajn x’tgħallem il-Bibbja, u hekk għamlu. Għall-ewwel, użaw verżjonijiet tal-Bibbja li kienu disponibbli u offrew kopji lin-nies. Sa mill-1950, ippubblikaw it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa jew parti minnha f’iktar minn 120 lingwa. Fl-2013, ippubblikaw edizzjoni riveduta tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż. Din l-edizzjoni hi iktar faċli biex tinftiehem u anki biex tiġi tradotta. U meta nużaw Bibbja li n-nies jistgħu jifhmu, ikun iktar faċli biex ngħallmuhom il-verità.

ŻMINIJIET TAʼ PAĊI

6, 7. (a) Liema gwerer kien hemm matul l-aħħar 100 sena? (b) Iż-żminijiet taʼ paċi f’xi pajjiżi kif għenuna nippritkaw?

6 Matul l-aħħar 100 sena, kien hemm ħafna gwerer, inkluż żewġ gwerer dinjin. Mietu miljuni taʼ nies. Allura f’liema sens kien hawn il-paċi, u dan kif għen lin-nies taʼ Ġeħova biex jippritkaw? Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Nathan Knorr kien qed jieħu t-tmexxija fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova. F’konvenzjoni fl-1942, ta taħdita eċċitanti bit-titlu “Il-Paċi—Tistaʼ Tibqaʼ?” Ħuna Knorr spjega l-profezija taʼ Rivelazzjoni kapitlu 17 u minnha ta prova li Armageddon kien għad fadlilha biex tiġi. Wara l-gwerra kien se jkun hemm żmien taʼ paċi.—Rivelazzjoni 17:3, 11.

7 Ovvjament, dan ma fissirx li wara l-gwerra kien hemm paċi kullimkien. Mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l quddiem, miljuni taʼ nies mietu fi gwerer oħra. Imma f’ħafna pajjiżi kien hemm żminijiet taʼ paċi, u dawn għamluha eħfef biex in-nies taʼ Ġeħova jippritkaw. X’kien ir-riżultat? Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kien hemm inqas minn 110,000 Xhud taʼ Ġeħova. Imma llum hemm kważi 8 miljuni! (Aqra Isaija 60:22.) Iva, fi żminijiet taʼ paċi, nistgħu nippritkaw l-aħbar tajba lil saħansitra iktar nies.

PROGRESS FIL-MOD KIF NIVVJAĠĠAW

8, 9. Kif sar iktar faċli biex wieħed jivvjaġġa, u dan kif jgħinna f’xogħolna?

8 Meta n-nies taʼ Ġeħova bdew jippritkaw fl-Istati Uniti, ma kienx faċli għalihom biex jivvjaġġaw. Fl-1900, xi 21 sena wara li bdew jistampaw It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż, kien hemm biss xi 8,000 karozza u ftit li xejn toroq tajbin f’dak il-pajjiż. Imma llum, hemm iktar minn 1.5 biljun karozza madwar id-dinja u ħafna toroq tajbin f’ħafna postijiet. Għalhekk, nistgħu nużaw il-karozzi u t-toroq biex immorru nippritkaw lin-nies f’postijiet li huma ’l bogħod minn bliet u li huma diffiċli biex jintlaħqu. Imma anki jekk ngħixu f’post fejn l-ivvjaġġar mhuwiex faċli u jkollna nimxu distanzi twal, xorta nagħmlu kulma nistgħu biex immorru nippritkaw lin-nies, ikunu fejn ikunu.—Mattew 28:19, 20.

Nagħmlu kulma nistgħu biex immorru nippritkaw lin-nies, ikunu fejn ikunu

9 Nużaw ukoll mezzi oħra taʼ trasport. Nibagħtu Bibbji u letteratura oħra permezz taʼ trakkijiet, vapuri, u ferroviji. Dan ifisser li fi żmien ftit ġimgħat, nistgħu nibagħtu letteratura lill-aħwa f’postijiet iżolati. Indokraturi li jivvjaġġaw, membri tal-Kumitati tal-Fergħa, missjunarji, u oħrajn jivvjaġġaw bl-ajruplani biex jagħtu taħditiet f’konvenzjonijiet u biex jgħinu lill-kongregazzjonijiet. Anki l-Membri tal-Ġemgħa li Tiggverna u aħwa oħra mill-kwartieri ġenerali jivvjaġġaw lejn ħafna pajjiżi biex jinkuraġġixxu u jħarrġu lil ħuthom. Dan kollu jgħin biex in-nies taʼ Ġeħova jkunu magħqudin.—Salm 133:1-3.

IL-LINGWA U T-TRADUZZJONI

10. L-Ingliż kif jintuża madwar id-dinja?

10 Fl-ewwel seklu, ħafna nies fl-Imperu Ruman kienu jitkellmu bil-Grieg. Illum, ħafna nies madwar id-dinja jitkellmu bl-Ingliż. Infatti, il-ktieb English as a Global Language jgħid li madwar kwart tal-popolazzjoni tad-dinja jitkellmu jew jifhmu l-Ingliż. Ħafna nies jitgħallmu l-Ingliż għax dan jintuża madwar id-dinja fil-qasam tan-negozju, il-politika, ix-xjenza, u t-teknoloġija.

11. L-Ingliż kif effettwa x-xogħol tan-nies taʼ Ġeħova?

11 Il-fatt li l-Ingliż hu tant komuni għen biex tinxtered il-verità. Fil-passat, il-pubblikazzjonijiet tagħna kienu disponibbli l-ewwel bl-Ingliż. Ħafna nies setgħu jaqrawhom għax l-Ingliż kien mitkellem madwar id-dinja. L-Ingliż jintuża wkoll fil-kwartieri ġenerali tagħna. U l-aħwa li jiġu minn diversi pajjiżi u li jifhmu l-Ingliż jiġu mħarrġin fl-iskejjel tagħna f’Patterson, New York.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja jifhmu l-“lingwa pura” tal-verità tal-Bibbja u huma magħqudin

12. F’kemm-il lingwa ttraduċejna l-letteratura tagħna, u xi programmi tal-kompjuters, kif għamlu dan possibbli?

12 Imma aħna għandna r-responsabbiltà li nippritkaw l-aħbar tajba lin-nies fid-dinja kollha. Hu għalhekk li nittraduċu l-letteratura tagħna f’iktar minn 700 lingwa. Dan kif kien possibbli? Il-kompjuters u xi programmi tal-kompjuters, bħal pereżempju l-MEPS, għenuna fix-xogħol tat-traduzzjoni. B’hekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja jistgħu jifhmu l-“lingwa pura” tal-verità tal-Bibbja u jkunu magħqudin.—Aqra Sofonija 3:9.

LIĠIJIET U DEĊIŻJONIJIET TAL-QRATI

13, 14. Il-liġijiet u d-deċiżjonijiet tal-qrati kif għenuna?

13 B’ħafna modi, il-liġijiet Rumani għenu lill-Kristjani fl-ewwel seklu biex jippritkaw. Anki llum il-liġijiet f’ħafna pajjiżi jgħinuna hekk kif nippritkaw. Pereżempju, il-liġijiet fl-Istati Uniti jagħtu lin-nies id-dritt li jagħżlu r-reliġjon tagħhom, li jitkellmu dwar dak li jemmnu, u li jiltaqgħu flimkien. Dan ifisser li għandna l-libertà li jkollna l-laqgħat u li nippritkaw f’dak il-pajjiż. Ukoll, għandna d-dritt li norganizzaw l-ippritkar globali mill-kwartieri ġenerali tagħna fl-Istati Uniti. Naturalment, kien hemm drabi meta kellna mmorru fil-qrati ħalli niddefendu d-dritt tagħna li nippritkaw l-aħbar tajba. (Filippin 1:7) U meta l-imħallfin u l-ġuriji f’dawk il-qrati pprovaw ineħħulna d-dritt li nippritkaw, appellajna lill-qrati superjuri u ħafna drabi rbaħna.

14 F’pajjiżi oħra wkoll morna fil-qrati biex niddefendu d-dritt tagħna li nqimu lil Ġeħova u nippritkaw. Meta tlifna, ressaqna l-każ quddiem il-qrati internazzjonali. Pereżempju, spiss il-każ spiċċa quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Sa Ġunju tal-2014 diġà konna rbaħna 57 każ f’din il-Qorti, u d-deċiżjonijiet taʼ din il-Qorti jridu jiġu obduti fil-maġġuranza tal-pajjiżi fl-Ewropa. Għalkemm aħna “mibgħudin mill-ġnus kollha,” il-liġijiet f’ħafna pajjiżi ppermettewlna nqimu lil Ġeħova bil-libertà.—Mattew 24:9.

INVENZJONIJIET LI GĦENUNA

Aħna noffru l-letteratura tal-Bibbja b’ħafna lingwi

15. B’liema modi tjiebu l-metodi taʼ stampar, u dawn kif għenuna?

15 Metodi ġodda taʼ stampar għenuna nippritkaw l-aħbar tajba lil iktar u iktar nies. Għal mijiet taʼ snin, in-nies użaw metodu taʼ stampar li kien ġie vvintat minn Johannes Gutenberg, bejn wieħed u ieħor fl-1450. Imma fl-aħħar 200 sena, l-istamperiji tjiebu b’diversi modi. Ġie vvintat metodu ġdid taʼ stampar, imsejjaħ l-istampar offset; u wara dan, l-istampar kien isir b’iktar ħeffa u l-kwalità tjiebet. Ukoll, sar irħas biex wieħed jipproduċi l-karta u biex jillega l-kotba. Dawn il-bidliet kif effettwaw il-pubblikazzjonijiet tagħna? Fl-1879, l-ewwel ħarġa tat-Torri tal-Għassa kienet stampata bl-Ingliż biss. Ma kellhiex stampi, u ġew stampati 6,000 kopja. Illum il-ġurnata, It-Torri tal-Għassa jiġi stampat f’iktar minn 200 lingwa. Fih stampi mill-isbaħ kollhom kuluri, u jiġu stampati iktar minn 50,000,000 kopja kull ħarġa.

16. Liema invenzjonijiet għenuna nippritkaw mad-dinja kollha? (Ara l-ewwel stampa.)

16 Ħafna invenzjonijiet matul l-aħħar 200 sena għenu lin-nies taʼ Ġeħova jippritkaw l-aħbar tajba. Diġà semmejna l-ferroviji, il-karozzi, u l-ajruplani. Imma wkoll kien hemm ir-roti, it-typewriters, l-apparat għan-nies li ma jarawx, it-telegrafu, it-telefowns, il-kameras, l-apparat għar-rekordjar, ir-radju, it-televixin, il-films, il-kompjuters, u l-Internet. Għalkemm in-nies taʼ Ġeħova ma vvintawx dawn l-affarijiet, huma jużawhom biex jipproduċu l-Bibbja u letteratura oħra b’ħafna lingwi u biex jippritkaw mad-dinja kollha. B’dan il-mod, ‘kielu r-riżorsi tal-ġnus,’ eżatt bħalma bassret il-Bibbja.—Aqra Isaija 61:6.

Ġeħova jħobbna u jridna naħdmu miegħu

17. (a) X’jidher ċar mill-ippritkar? (b) Ġeħova għala jridna naħdmu miegħu?

17 Jidher ċar daqs il-kristall li Ġeħova qed jiggwida l-ippritkar tagħna. Ġeħova ma taniex dan ix-xogħol għax mhuwiex kapaċi jagħmlu mingħajr l-għajnuna tagħna, imma għax iħobbna u jridna naħdmu miegħu. Billi nippritkaw, nuruh li nħobbuh u li nħobbu lil nies oħra. (Marku 12:28-31; 1 Korintin 3:9) Aħna tassew grati li Ġeħova qed jgħinna nippritkaw mad-dinja kollha. Għalhekk, jalla naħtfu kull opportunità biex nippritkaw dwar Ġeħova u Saltnatu!

^ par. 1 Minn madwar l-1870, in-nies taʼ Ġeħova kienu magħrufin bħala Studenti tal-Bibbja. Fl-1931, bdew jużaw l-isem ix-Xhieda taʼ Ġeħova.—Isaija 43:10.