Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqa’ żeluż fil-ministeru

Ibqa’ żeluż fil-ministeru

L-IPPRITKAR tal-aħbar tajba hu l-iktar xogħol importanti li qed isir fuq l-art illum. Hu unur għalina li nirrappreżentaw lil Ġeħova f’dan ix-xogħol taʼ tagħlim. Madanakollu, xi kultant jistaʼ jkun taʼ sfida għall-pijunieri u l-pubblikaturi li jibqgħu żelużi fil-ministeru. Għala?

X’jistaʼ jgħinek tibqaʼ żeluż fil-ministeru?

Xi pubblikaturi jsibu li ftit li xejn ikollhom konversazzjonijiet meta jippritkaw minn dar għal dar għax ħafna nies ma jkunux id-dar. U meta jinzertaw in-nies id-dar, dawn jafu ma jkunux interessati fil-messaġġ tas-Saltna u jafu saħansitra jirrabjaw magħhom. Pubblikaturi oħra għandhom territorju kbir ħafna u jsibu diversi wħud interessati imma jibżgħu li qatt ma se jirnexxilhom jagħtu xhieda lil kulħadd fit-territorju tagħhom. Jerġaʼ oħrajn ilhom jippritkaw għal bosta snin u jħossuhom skuraġġiti għax it-tmiem għadu ma ġiex.

Se jkun hemm sfidi fil-ministeru tagħna li jistgħu jeffettwawlna ż-żelu. Qed ngħixu f’dinja li hi kkontrollata mill-“Ħażin,” Satana x-Xitan, u għalhekk nistennew li se jkun diffiċli għalina biex nippritkaw l-aħbar tajba.—1 Ġwanni 5:19.

Huma x’inhuma l-isfidi li tesperjenza fil-ministeru tiegħek, tistaʼ sserraħ moħħok li Ġeħova se jgħinek tegħlibhom. Imma x’tistaʼ tagħmel biex issir iktar żeluż fil-ministeru? Ejja niddiskutu xi suġġerimenti.

GĦIN LILL-PUBBLIKATURI L-ĠODDA

Kull sena, eluf taʼ individwi jitgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Jekk m’ilekx li tgħammidt, hemm ħafna x’tistaʼ titgħallem minn dawk li ilhom jippritkaw għal bosta snin. U jekk ilek pubblikatur għal diversi snin, tistaʼ int tgħin f’li tħarreġ lil dawk iktar ġodda? Dan ix-xogħol jistaʼ jkun sodisfaċenti ferm.

Ġesù kien jaf li d-dixxipli tiegħu kellhom bżonn gwida biex ikunu għalliema effettivi, u wriehom kif kellhom jippritkaw. (Luqa 8:1) Illum, uħud ġodda għandhom bżonn taħriġ simili biex isiru ministri effettivi.

M’għandniex naħsbu li għax pubblikatur ġdid joħroġ fil-ministeru, ikun fil-fatt qed jitgħallem kif jipprietka. Għandu bżonn istruzzjoni persunali mogħtija b’qalb tajba u bi mħabba minn xi ħadd t’esperjenza. Il-pubblikatur t’esperjenza għandu bżonn jgħallmu kif (1) jipprepara u jipprattika dak li se jgħid lill-inkwilin, (2) ikollu konversazzjoni man-nies, (3) joffri l-letteratura, (4) jerġaʼ jżur lil dawk li wrew interess, u (5) jibda studju tal-Bibbja. Pubblikatur ġdid jistaʼ jsir predikatur effettiv jekk josserva u jimita l-mod kif jgħallem il-pubblikatur t’esperjenza. (Luqa 6:40) U l-pubblikatur il-ġdid se jħossu iktar kunfidenti jekk ikun jaf li hemm xi ħadd lest li jgħinu jekk ikun hemm bżonn. Ukoll, il-pubblikatur il-ġdid jistaʼ jiġi megħjun jekk jiġi mfaħħar u jingħata xi suġġerimenti.—Ekkleżjasti 4:9, 10.

TKELLEM MAʼ MIN TKUN QED TAĦDEM FIL-MINISTERU

Minkejja l-isforzi kollha tiegħek biex titkellem mal-inkwilini, xi drabi l-aħjar konversazzjoni li se jkollok waqt li tkun fil-ministeru se tkun maʼ min tkun qed taħdem. Ftakar li Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu “tnejn tnejn” biex jippritkaw. (Luqa 10:1) Hekk kif ħadmu flimkien, setgħu jibnu u jħeġġu lil xulxin. Aħna għandna opportunità tajba biex “ninkuraġġixxu lil xulxin” meta naħdmu maʼ ħutna rġiel u nisa fil-ministeru.—Rumani 1:12.

Dwar xiex tistaʼ titkellem? Dan l-aħħar, kellu xi ħadd minnkom xi esperjenza inkuraġġanti? Tgħallimt xi ħaġa interessanti fl-istudju persunali jew fl-istudju bħala familja? Ħassejtek inkuraġġit minn xi ħaġa li smajt fil-laqgħa? Kultant għandek mnejn taħdem maʼ pubblikatur li ma tantx tafu sew. Forsi tistaʼ tistaqsih kif ġie fil-verità. Xi kkonvinċieh li din hi l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Liema privileġġi jew esperjenzi kellu? Forsi tistaʼ tgħidlu dwar ftit mill-esperjenzi tiegħek. Jilqgħuk kif jilqgħuk in-nies fit-territorju, meta taħdem maʼ xi ħadd fil-ministeru, ikollok opportunità tajba biex ‘tibqgħu tibnu lil xulxin.’—1 Tessalonikin 5:11.

TEJJEB IL-KWALITÀ TAL-ISTUDJU PERSUNALI TIEGĦEK

Biex nibqgħu żelużi fil-ministeru, għandna bżonn intejbu l-kwalità tal-istudju persunali tagħna. “L-ilsir leali u għaqli” jippubblika informazzjoni fuq ħafna suġġetti differenti li nistgħu nistudjaw. (Mattew 24:45) Ejja niddiskutu eżempju taʼ suġġett tajjeb għall-istudju persunali: L-ippritkar għala hu tant importanti? Il-kaxxa “ Għala għandek tibqaʼ żeluż fil-ministeru?” tagħtina ftit mir-raġunijiet.

Meta teżamina l-punti mniżżlin fil-kaxxa, tistaʼ tħossok imqanqal tkompli tipprietka b’żelu. Bħala proġett taʼ studju, ipprova aħseb f’raġunijiet Skritturali oħra għala għandek tipprietka b’żelu. Imbagħad immedita fuq dawn ir-raġunijiet. Meta tagħmel hekk, se tkun iktar żeluż fil-ministeru.

KUN LEST LI TIPPROVA XI ĦAĠA ĠDIDA

L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova b’mod regulari tagħtina suġġerimenti li jgħinuna ntejbu l-ministeru tagħna. Pereżempju, minbarra li nagħtu xhieda minn dar għal dar, nistgħu nipprovaw ukoll li nagħtu xhieda permezz tal-ittri jew bit-telefown, nippritkaw fit-toroq jew f’postijiet pubbliċi oħra, u nagħtu xhieda lin-nies b’mod informali jew meta jkunu fuq il-post tax-xogħol. Forsi nistgħu wkoll nagħmlu pjanijiet biex nippritkaw fi nħawi fejn ftit li xejn hemm Xhieda jew xejn affattu.

Lest int li tipprova xi ħaġa ġdida? Ħafna wħud li pprovaw dawn is-suġġerimenti kellhom suċċess. Ikkunsidra tliet eżempji.

Oħt jisimha April iddeċidiet li tipprova suġġeriment minn wieħed mill-artikli fil-Ministeru tas-Saltna dwar kif jinbdew studji tal-Bibbja. Offriet studju lil tlieta mill-kollegi tagħha. April baqgħet skantata u kienet eċċitata meta t-tlieta li huma aċċettaw studju u bdew jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni.

Ukoll, ġejna inkuraġġiti nfittxu wħud li jafu jkunu interessati f’artikli partikulari fir-rivisti tagħna. Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fl-Istati Uniti ddeċieda li joffri l-ħarġa taʼ Stenbaħ! li kien fiha artiklu dwar it-tyres tal-karozzi lill-maniġers tal-ħwienet kollha tat-tyres f’ċerta akkwata. Minbarra dan, hu u martu offrew serje bit-titlu “Understanding Your Doctor” f’iktar minn 100 klinika. Hu jgħid li dawn iż-żjajjar għenu lin-nies isiru familjari mal-ippritkar u l-letteratura tagħna. Wara li saru jafu lin-nies aħjar fit-territorju, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u martu rnexxielhom jagħmlu iktar żjajjar lura.

Oħt jisimha Judy kitbet lill-kwartieri ġenerali għax kienet grata għall-inkuraġġiment biex nagħtu xhieda bit-telefown. Hi qalet li ommha, li kellha 86 sena u li kellha ħafna problemi taʼ saħħa, b’mod regulari ppritkat lin-nies permezz tat-telefown. B’hekk, irnexxielha tibda studju tal-Bibbja maʼ mara li kellha 92 sena!

Is-suġġerimenti li jkollna fil-pubblikazzjonijiet tagħna tassew huma prattiċi. Ipprovahom! Jistgħu jgħinuk tibqaʼ ferħan u żeluż fil-ministeru.

AGĦMEL MIRI RAĠUNEVOLI

X’jiddetermina jekk aħniex predikaturi taʼ suċċess? Mhux kemm inħallu pubblikazzjonijiet, kemm għandna studji tal-Bibbja, jew kemm ngħinu nies isiru Xhieda taʼ Ġeħova. Aħseb f’Noè. Noè kemm-il persuna għen minbarra l-familja tiegħu biex isiru aduraturi taʼ Ġeħova? Imma żgur li xorta kien predikatur taʼ suċċess. Dak li hu importanti hu li naqdu lil Ġeħova b’fedeltà.—1 Korintin 4:2.

Ħafna pubblikaturi jirrealizzaw li biex iħossuhom eċċitati dwar l-ippritkar, għandhom bżonn jagħmlu miri raġunevoli. X’inhuma xi ftit minn dawn il-miri? Ftit ideat huma mniżżlin fil-kaxxa “ Agħmel miri raġunevoli.

Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tagħmel il-ministeru sodisfaċenti u siewi. Meta tilħaq il-miri tiegħek, se tħossok sodisfatt għax tkun taf li qed tagħmel kulma tistaʼ biex tipprietka l-aħbar tajba.

Huwa minnu li l-ippritkar tal-aħbar tajba jistaʼ jkun taʼ sfida. Imma hemm affarijiet li tistaʼ tagħmel biex tkun żeluż fil-ministeru. Aqbad konversazzjoni inkuraġġanti maʼ min tkun qed taħdem fil-ministeru, agħmel ċert li l-istudju persunali tiegħek ikun regulari u siewi, ipprova s-suġġerimenti tal-ilsir leali u għaqli, u agħmel miri raġunevoli. Iktar importanti minn hekk, ftakar li Alla Ġeħova tak il-privileġġ li tipprietka l-aħbar tajba bħala wieħed mix-Xhieda tiegħu. (Isaija 43:10) Iva, se tesperjenza ferħ kbir hekk kif tibqaʼ żeluż fil-ministeru!