Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imitaw il-kuraġġ u d-dixxerniment ta’ Ġesù

Imitaw il-kuraġġ u d-dixxerniment ta’ Ġesù

“Għalkemm qatt ma rajtuh, tħobbuh. Għalkemm m’intomx tarawh fil-preżent, qed teżerċitaw il-fidi fih.”—1 PIETRU 1:8.

1, 2. (a) Kif nistgħu niksbu l-ħajja taʼ dejjem? (b) X’jistaʼ jgħinna nibqgħu ffokati fuq il-vjaġġ tagħna?

META nsiru Kristjani, ikun bħallikieku nibdew vjaġġ. Jekk nibqgħu leali lejn Alla, il-vjaġġ tagħna se jkun taʼ suċċess u se nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. Ġesù qal: “Min jissaporti sat-tmiem jiġi salvat.” (Mattew 24:13) Iva, sabiex nispiċċaw il-vjaġġ tagħna, għandna nibqgħu leali lejn Alla “sat-tmiem,” kemm jekk ikun it-tmiem tal-ħajja tagħna u kemm jekk ikun it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Imma rridu noqogħdu attenti li ma niġux imfixkla minn din id-dinja. (1 Ġwanni 2:15-17) Kif nistgħu nibqgħu ffokati fuq il-vjaġġ tagħna?

2 Ġesù ħallielna eżempju perfett. Billi nistudjaw dak li l-Bibbja tgħid dwar il-vjaġġ taʼ Ġesù, jew il-ħajja li kellu, nistgħu nitgħallmu x’tip taʼ persuna hu. U nistgħu nibdew inħobbuh u jkollna fidi fih. (Aqra l-1 Pietru 1:8, 9.) L-appostlu Pietru qal li Ġesù ħallielna eżempju biex insegwuh mill-qrib. (1 Pietru 2:21) U jekk nimitaw sew l-eżempju taʼ Ġesù, aħna se nkunu nistgħu nissaportu sat-tmiem. * Fl-artiklu taʼ qabel, tgħallimna kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ umiltà u tenerezza taʼ Ġesù. F’dan l-artiklu, se nitgħallmu kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu taʼ kuraġġ u dixxerniment.

ĠESÙ HU KURAĠĠUŻ

3. X’inhu l-kuraġġ, u kif tistaʼ takkwistah?

3 Il-kuraġġ hu sentiment li jistaʼ jsaħħaħna u jgħinna nissaportu d-diffikultajiet. Barra minn hekk, il-kuraġġ jgħinna niddefendu dak li hu tajjeb. Jistaʼ jgħinna nibqgħu kalmi u leali lejn Alla meta ngħaddu minn provi. Il-kuraġġ għandu x’jaqsam mal-biżaʼ, it-tama, u l-imħabba. Kif? Meta jkollna l-biżaʼ li ma nogħġbux ’l Alla, ma nħallux il-biżaʼ tal-bniedem jeffettwana. (1 Samwel 11:7; Proverbji 29:25) It-tama f’Ġeħova tgħinna niffokaw fuq il-futur u mhux fuq il-provi tagħna. (Salm 27:14) L-imħabba mhux egoistika tqanqalna nuru l-kuraġġ anki meta nkunu ppersegwitati. (Ġwanni 15:13) Aħna niksbu l-kuraġġ billi nafdaw f’Alla u nimitaw ’l Ibnu.—Salm 28:7.

4. Ġesù kif wera l-kuraġġ fit-tempju? (Ara l-ewwel stampa.)

4 Meta Ġesù kellu 12-il sena, hu wera l-kuraġġ meta kien “fit-tempju bil-qiegħda f’nofs l-għalliema.” (Aqra Luqa 2:41-47.) Dawn l-għalliema reliġjużi kienu jafu l-Liġi Mosajka sew, imma kienu jafu wkoll it-tradizzjonijiet Lhud. Dawn it-tradizzjonijiet għamluha diffiċli biex il-Liġi tiġi obduta. Imma Ġesù ma ħalliex l-għarfien tagħhom iwaqqfu milli jitkellem. Ma beżax. Baqaʼ “jistaqsihom.” Ovvjament, Ġesù ma kienx qed isaqsi mistoqsijiet li normalment tifel żgħir isaqsi. Minflok, nistgħu nimmaġinawh isaqsi mistoqsijiet profondi li ġiegħlu lil dawk l-għalliema joqogħdu attenti u jaħsbu. U jekk l-għalliema pprovaw jonsbu lil Ġesù b’mistoqsijiet argumentattivi, ma rnexxilhomx. Dawk kollha li kienu qed jisimgħu, inkluż l-għalliema, baqgħu mistagħġbin “b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.” Iva, Ġesù b’kuraġġ iddefenda l-verità li hemm fil-Kelma t’Alla!

5. Ġesù b’liema modi wera l-kuraġġ matul il-ministeru tiegħu?

5 Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù wera l-kuraġġ b’diversi modi. Pereżempju, hu wera lin-nies li l-mexxejja reliġjużi kienu qed iqarrqu bihom permezz tat-tagħlim falz tagħhom. (Mattew 23:13-36) Apparti minn hekk, Ġesù ma ħalliex id-dinja tinfluwenzah b’mod ħażin. (Ġwanni 16:33) Hu baqaʼ jipprietka minkejja l-oppożizzjoni. (Ġwanni 5:15-18; 7:14) Hu naddaf it-tempju darbtejn billi b’kuraġġ tefaʼ ’l barra lil dawk li kienu qed jgħawġu l-qima vera.—Mattew 21:12, 13; Ġwanni 2:14-17.

Ġesù b’kuraġġ qal lill- qorti superjuri Lhudija li kien il-Kristu u l-Iben t’Alla

6. Ġesù kif wera l-kuraġġ fl-aħħar ġurnata taʼ ħajtu fuq l-art?

6 Ejjew neżaminaw il-kuraġġ li wera Ġesù fl-aħħar ġurnata taʼ ħajtu fuq l-art. Ġesù kien jaf x’kellu jiġri ladarba Ġuda jittradih. Madankollu, waqt l-ikla tal-Qbiż, Ġesù qal lil Ġuda: “Dak li se tagħmel, agħmlu iktar malajr.” (Ġwanni 13:21-27) Imbagħad, fil-ġnien tal-Ġetsemani, Ġesù b’kuraġġ identifika ruħu meta marru s-suldati biex jarrestawh. Għalkemm ħajtu stess kienet fil-periklu, hu pproteġa d-dixxipli tiegħu, billi qal lis-suldati: “Ħalluhom imorru lil dawn.” (Ġwanni 18:1-8) Iktar tard, meta l-qorti superjuri Lhudija interrogatu, Ġesù b’kuraġġ qalilhom li kien il-Kristu u l-Iben t’Alla. Ma beżax, avolja l-qassis il-kbir kien qed ifittex skuża biex joqtlu. (Marku 14:60-65) Ġesù żamm l-integrità tiegħu lejn Alla u miet fuq iz-zokk tat-tortura. Bl-aħħar nifs, hu għajjat: “Twettaq!”—Ġwanni 19:28-30.

IMITAW IL-KURAĠĠ TAʼ ĠESÙ

7. (a) Żgħażagħ, kif tħossukom dwar li intom Xhieda taʼ Ġeħova? (b) Kif tistgħu turu li intom kuraġġużi?

7 Kif nistgħu nimitaw il-kuraġġ taʼ Ġesù? L-iskola. Żgħażagħ, intom tkunu kuraġġużi meta tgħidu lil sħabkom tal-klassi u oħrajn li intom Xhieda taʼ Ġeħova. B’dan il-mod, turu li intom kburin li tissejħu bl-isem taʼ Ġeħova, anki jekk dan ifisser li forsi ħaddieħor jgħaddikom biż-żmien. (Aqra Salm 86:12.) Xi wħud għandu mnejn ikunu jridukom temmnu bl-evoluzzjoni. Imma intom tistgħu tkunu ċerti li dak li tgħid il-Bibbja dwar il-ħolqien hu minnu. Tistgħu tużaw il-browxer The Origin of Life—Five Questions Worth Asking jew tmorru fil-Websajt jw.org/mt taħt is-sezzjoni “Iż-żgħażagħ jistaqsu” biex twieġbu lil dawk li jridu jkunu jafu “raġuni għat-tama li għandkom.” (1 Pietru 3:15) Imbagħad se tħossukom sodisfatti minħabba li tkunu tafu li b’kuraġġ iddefendejtu l-verità tal-Bibbja!

8. X’raġunijiet għandna biex nippritkaw bil-kuraġġ?

8 Il-ministeru tagħna. Bħala Kristjani veri, għandna bżonn nibqgħu ‘nitkellmu bil-qlubija permezz taʼ l-awtorità li tana Ġeħova.’ (Atti 14:3) Għala nistgħu nippritkaw bil-kuraġġ? L-ewwel, aħna nafu li dak li nippritkaw huwa l-verità għax ġej mill-Bibbja. (Ġwanni 17:17) It-tieni, “aħna ħaddiema sħab m’Alla,” u hu tana l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna. (1 Korintin 3:9; Atti 4:31) It-tielet, aħna nħobbu lil Ġeħova u n-nies, u allura nkunu mmotivati biex nagħmlu kulma nistgħu biex ngħidu lil oħrajn dwar l-aħbar tajba. (Mattew 22:37-39) Minħabba li aħna kuraġġużi, mhux se nieqfu nippritkaw. Aħna determinati li ngħallmu l-verità lil dawk li ġew ‘mogħmijin’ jew imqarrqin mill-mexxejja reliġjużi. (2 Korintin 4:4) U aħna se nkomplu nippritkaw l-aħbar tajba anki jekk oħrajn jirrifjutaw il-messaġġ tagħna jew jippersegwitawna.—1 Tessalonikin 2:1, 2.

9. Kif nistgħu nuru kuraġġ meta ngħaddu minn provi?

9 Meta ngħaddu minn provi. Meta nafdaw f’Alla, hu se jagħtina l-fidi u l-kuraġġ li għandna bżonn biex nissaportu d-diffikultajiet. Jekk imut xi ħadd li nħobbu, aħna nitnikktu, imma ma nitilfux it-tama. Aħna ċerti li “l-Alla taʼ kull faraġ” se jsaħħaħna. (2 Korintin 1:3, 4; 1 Tessalonikin 4:13) Jekk inkunu ma nifilħux jew imweġġgħin, jistaʼ jkun li nkunu muġugħin, imma aħna nirrifjutaw kwalunkwe trattament li ma jogħġobx ’l Alla. (Atti 15:28, 29) Jekk inkunu dipressi, għandu mnejn li “qlubna jikkundannawna,” imma aħna ma naqtgħux qalbna. Aħna nafdaw f’Ġeħova, li hu “qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma.” *1 Ġwanni 3:19, 20; Salm 34:18.

ĠESÙ JUŻA D-DIXXERNIMENT

10. X’inhu d-dixxerniment, u Kristjan kif juża d-dixxerniment bil-kliem u l-azzjoni?

10 Id-dixxerniment hu l-abbiltà li dak li jkun jifhem id-differenza bejn dak li hu tajjeb u ħażin u li mbagħad jagħmel dak li hu tajjeb. (Ebrej 5:14) Kristjan li juża d-dixxerniment jieħu deċiżjonijiet li jsaħħu r-relazzjoni li għandu m’Alla. Individwu bħal dan joqgħod attent li ma jweġġax lil oħrajn bi kliemu. Minflok, hu jogħġob lil Ġeħova għax jagħżel kliem li jgħin lil oħrajn. (Proverbji 11:12, 13) Hu “jdum biex jirrabja.” (Proverbji 14:29) Hu “jimxi dritt ’il quddiem,” jiġifieri jieħu deċiżjonijiet tajbin matul ħajtu. (Proverbji 15:21) Kif nistgħu nitgħallmu nużaw id-dixxerniment? Aħna għandna nistudjaw il-Kelma t’Alla u napplikaw dak li nitgħallmu. (Proverbji 2:1-5, 10, 11) Nistgħu wkoll nistudjaw u nimitaw l-eżempju perfett tad-dixxerniment taʼ Ġesù.

11. Ġesù kif wera d-dixxerniment bi kliemu?

11 Ġesù wera d-dixxerniment f’kulma qal u għamel. Il-kliem tiegħu. Meta pprietka l-aħbar tajba, Ġesù uża kliem kollu ħlewwa li ħalla lin-nies b’ħalqhom miftuħ. (Mattew 7:28; Luqa 4:22) Hu spiss qara jew irrefera għall-Kelma t’Alla. Hu kien jaf eżatt liema skritturi għandu juża fi kwalunkwe sitwazzjoni. (Mattew 4:4, 7, 10; 12:1-5; Luqa 4:16-21) Barra minn hekk, il-kliem li uża Ġesù biex jispjega l-Iskrittura qanqal il-qalb tan-nies. Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù kellem lil tnejn mid-dixxipli tiegħu waqt li kienu fi triqithom lejn Għemmaws. Hu spjega t-tifsir tal-iskritturi li applikaw għalih innifsu. Id-dixxipli iktar tard qalu: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-triq, hu u jispjegalna ċar l-Iskrittura?”—Luqa 24:27, 32.

12, 13. Liema eżempji juru li Ġesù ma kienx jirrabja malajr u li kien raġunevoli?

12 L-emozzjonijiet u l-attitudni tiegħu. Id-dixxerniment għen lil Ġesù “ma jirrabjax malajr.” (Proverbji 16:32) Hu setaʼ jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu, u kien “ġwejjed.” (Mattew 11:29) Ġesù dejjem kien paċenzjuż mad-dixxipli tiegħu minkejja n-nuqqasijiet tagħhom. (Marku 14:34-38; Luqa 22:24-27) U hu baqaʼ kalm anki meta kien trattat ħażin.—1 Pietru 2:23.

13 Id-dixxerniment għen lil Ġesù jkun raġunevoli. Hu fehem l-iskop veru tal-Liġi Mosajka. Dan effettwa l-mod kif ittratta lin-nies. Pereżempju, aħseb dwar il-mara li kellha “tnixxija taʼ demm.” (Aqra Marku 5:25-34.) Il-mara mxiet minn qalb folla nies, messet il-libsa taʼ Ġesù, u fieqet. Skont il-Liġi, hi ma kinitx nadifa, u allura suppost ma messet lil ħadd. (Levitiku 15:25-27) Imma Ġesù ma ħatafhiex. Għala? Għax fehem li kwalitajiet bħall-“ħniena u l-fedeltà” kienu ħafna iktar importanti milli wieħed jobdi b’mod strett il-Liġi. (Mattew 23:23) B’qalb tajba Ġesù qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi, u kun imfejqa mill-marda kiefra tiegħek.” X’eżempju mill-isbaħ taʼ kif id-dixxerniment qanqal lil Ġesù juri qalb tajba!

14. X’għażel li jagħmel Ġesù, u kif baqaʼ ffokat fuq il-ministeru tiegħu?

14 Il-mod taʼ ħajja li kellu. Ġesù wera d-dixxerniment mill-mod kif għex ħajtu. Hu għażel il-ministeru bħala l-karriera tiegħu. (Luqa 4:43) Barra minn hekk, Ġesù ħa deċiżjonijiet li għenuh jiffoka fuq dan ix-xogħol u jispiċċa l-inkarigu tiegħu. Pereżempju, hu żamm ħajja sempliċi ħalli jkun jistaʼ juża l-ħin u l-enerġija tiegħu fil-ministeru. (Luqa 9:58) Hu kien jaf li kien neċessarju li jħarreġ lil oħrajn biex ikomplu jippritkaw wara mewtu. (Luqa 10:1-12; Ġwanni 14:12) U wiegħed lid-dixxipli tiegħu li kien se jgħinhom fil-ministeru “sal-konklużjoni tas-sistema.”—Mattew 28:19, 20.

IMITAW ID-DIXXERNIMENT TAʼ ĠESÙ

Id-dixxerniment jgħinna nifhmu x’għandhom bżonn in-nies u jgħinna noqogħdu attenti xi kliem nużaw (Ara paragrafu 15)

15. Kif nistgħu nuru d-dixxerniment bil-kliem tagħna?

15 Kif nistgħu nimitaw id-dixxerniment taʼ Ġesù? Il-kliem tagħna. Meta nitkellmu maʼ ħutna, nużaw kliem li jinkuraġġixxi minflok li jkisser. (Efesin 4:29) Meta nitkellmu m’oħrajn dwar is-Saltna t’Alla, kliemna għandu jkun “imħawwar bil-melħ,” jiġifieri għandna nitkellmu bit-tattika. (Kolossin 4:6) Aħna nipprovaw nifhmu x’għandhom bżonn in-nies u x’jinteressahom, u mbagħad noqogħdu attenti xi kliem nużaw. Jekk nużaw kliem kollu ħlewwa, għandu mnejn in-nies ikunu jridu jisimgħuna, u l-messaġġ tagħna għandu mnejn imissilhom qalbhom. Apparti minn hekk, meta nispjegaw it-twemmin tagħna, aħna naqraw mill-Bibbja kull meta jkun possibbli għax il-Kelma t’Alla hi l-awtorità. Aħna nafu li l-messaġġ tal-Bibbja hu ħafna iktar b’saħħtu minn kwalunkwe ħaġa li nistgħu ngħidu.—Ebrej 4:12.

16, 17. (a) Kif nistgħu nuru li aħna tqal biex nirrabjaw u li aħna raġunevoli? (b) Kif nistgħu nibqgħu ffokati fuq il-ministeru tagħna?

16 L-emozzjonijiet u l-attitudni tagħna. Id-dixxerniment jgħinna nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna meta nkunu taħt pressjoni u jgħinna nkunu ‘tqal biex ninkorlaw.’ (Ġakbu 1:19) Meta n-nies jirfsulna l-kallu, aħna nipprovaw nifhmu għala jitkellmu jew jaġixxu hekk. Imbagħad ikun eħfef biex naħfru u biex ma nkunux irrabjati għalihom. (Proverbji 19:11) Id-dixxerniment jgħinna wkoll biex inkunu raġunevoli. Ma nistennewx il-perfezzjoni minn ħutna. Minflok, niftakru li forsi jkollhom problemi li ma nistgħux nifhmuhom għalkollox. Aħna għandna nkunu lesti li nisimgħu l-opinjoni tagħhom. U meta jkun possibbli, għandna nċedu, jiġifieri ma ninsistux li tgħaddi tagħna.—Filippin 4:5.

17 Il-mod taʼ ħajja li għandna. Aħna nafu li meta nippritkaw l-aħbar tajba, dan ikun l-ikbar unur li qatt jistaʼ jkollna. Allura, irridu nieħdu deċiżjonijiet li jgħinuna nibqgħu ffokati fuq il-ministeru tagħna. Aħna nagħżlu li npoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna. Aħna ngħixu ħajja sempliċi ħalli nkunu nistgħu nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex nippritkaw l-aħbar tajba qabel ma jasal it-tmiem.—Mattew 6:33; 24:14.

18. Kif nistgħu nkomplu l-vjaġġ tagħna għall-ħajja taʼ dejjem, u x’aħna determinati li nagħmlu?

18 Li nitgħallmu dwar ftit mill-kwalitajiet mill-isbaħ taʼ Ġesù żgur li kien pjaċevoli. Immaġina kemm nistgħu nibbenefikaw meta nistudjaw il-kwalitajiet l-oħra tiegħu u meta nitgħallmu nkunu iktar bħalu. Allura, ejja nkunu determinati li nimitaw lil Ġesù. Billi nagħmlu hekk, se nkomplu l-vjaġġ tagħna għall-ħajja taʼ dejjem u nersqu eqreb lejn Ġeħova.

^ par. 2 L-1 Pietru 1:8, 9 nkiteb għall-Kristjani li għandhom it-tama għas-sema. Madankollu, il-kliem taʼ Pietru jistaʼ jiġi applikat ukoll għall-Kristjani li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art.

^ par. 9 Għal eżempji taʼ nies li wrew kuraġġ meta għaddew minn provi, araw It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru 2000, paġni 24-28; Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju 2003, paġni 26-29; u Stenbaħ! bl-Ingliż tat-22 taʼ Jannar 1995, paġni 11-15.