Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imitaw l-umiltà u t-tenerezza ta’ Ġesù

Imitaw l-umiltà u t-tenerezza ta’ Ġesù

“Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.”—1 PIETRU 2:21.

1. Il-fatt li nimitaw lil Ġesù, għala jressaqna eqreb lejn Ġeħova?

NORMALMENT nipprovaw nimitaw lin-nies li nammiraw. Min-nies kollha li għexu, Ġesù Kristu hu l-aħjar individwu biex jiġi imitat. Għala? Darba Ġesù qal: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier.” (Ġwanni 14:9) Ġesù qal hekk għax hu jimita l-personalità taʼ Missieru perfettament. Allura, meta nitgħallmu dwar Ġesù, inkunu qed nitgħallmu dwar Ġeħova. U meta nimitaw lil Ġesù, nersqu eqreb lejn Ġeħova, l-aqwa Persuna fl-univers. X’unur tal-għaġeb!

2, 3. (a) Ġeħova għala tana deskrizzjoni dettaljata tal-ħajja taʼ Ġesù, u Alla x’jistenna minna? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu u li jmiss?

2 Fil-Bibbja, Ġeħova tana deskrizzjoni dettaljata tal-ħajja taʼ Ġesù. Għala? Għax Alla jridna nkunu nafu ’l Ibnu ħalli nimitawh kemm jistaʼ jkun mill-qrib. (Aqra l-1 Pietru 2:21.) Fil-Bibbja, l-eżempju li ħallielna Ġesù jiġi mqabbel maʼ passi. Xi jfisser dan? Ġeħova jridna nimxu wara l-passi taʼ Ibnu, jiġifieri, li nimitaw lil Ġesù f’kulma għamel. M’għandniex xi ngħidu, Ġesù kien perfett, u allura Ġeħova ma jistenniex li nimitaw ’l Ibnu perfettament. Minflok, Alla jridna nagħmlu l-aħjar tagħna biex nimitaw lil Ġesù.

3 Issa ejja neżaminaw xi kwalitajiet sbieħ taʼ Ġesù. F’dan l-artiklu, se niddiskutu l-umiltà u t-tenerezza tiegħu. F’li jmiss, se niddiskutu l-kuraġġ u d-dixxerniment tiegħu. Se nwieġbu tliet mistoqsijiet dwar kull kwalità: Xi tfisser? Ġesù kif wera din il-kwalità? Kif nistgħu nimitawh?

ĠESÙ HU UMLI

4. Xi jfisser li nkunu umli?

4 X’inhi l-umiltà? Ħafna nies li huma kburin jaħsbu li l-umiltà hi sinjal taʼ dgħufija jew nuqqas taʼ fiduċja. Imma huwa minnu dan? Fil-fatt, biex inkunu umli, jeħtieġ li nkunu sodi u kuraġġużi. L-umiltà hi l-oppost tal-kburija u l-arroganza. Biex inkunu umli, l-ewwel irid ikollna l-attitudni t-tajba dwarna nfusna. Pereżempju, dizzjunarju tal-Bibbja jgħid: “L-umiltà hi li nkunu nafu kemm m’aħna xejn meta mqabblin m’Alla.” Barra minn hekk, jekk inkunu umli, ma nħossux li aħna aħjar minn ħaddieħor. (Rumani 12:3; Filippin 2:3) Mhijiex faċli għal bnedmin imperfetti biex juru din il-kwalità. Nistgħu nitgħallmu nkunu umli jekk nimmeditaw fuq il-kobor taʼ Ġeħova u nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù.

Jekk inkunu umli, ma nħossux li aħna aħjar minn ħaddieħor

5, 6. (a) Min hu Mikiel l-arkanġlu? (b) Mikiel kif wera attitudni t’umiltà?

5 Ġesù kif wera l-umiltà? L-Iben t’Alla dejjem kien umli, kemm fis-sema bħala anġlu setgħan u kemm fuq l-art bħala raġel perfett. Ħalli naraw ftit eżempji.

6 L-attitudni tiegħu. Fil-ktieb Bibliku taʼ Ġuda, naqraw dwar il-ħajja taʼ Ġesù qabel ġie fuq l-art. (Aqra Ġuda 9.) Fl-inkarigu tiegħu bħala Mikiel l-arkanġlu, jiġifieri l-anġlu prinċipali, Ġesù “kellu tilwima max-Xitan u kien qed jargumenta” miegħu, jiġifieri maʼ dan il-wieħed mill-agħar, “dwar il-ġisem taʼ Mosè.” Wara li miet Mosè, ġismu ġie midfun minn Ġeħova f’post fejn ħadd ma setaʼ jsibu. (Dewteronomju 34:5, 6) Forsi x-Xitan ried juża l-ġisem taʼ Mosè biex jippromwovi qima falza. Kienet x’kienet ir-raġuni tax-Xitan, Mikiel b’kuraġġ waqqfu. Ktieb taʼ referenza jgħid li l-kliem “kellu tilwima” u “jargumenta” jintuża wkoll biex jiddeskrivi “argument legali” u jistaʼ jissuġġerixxi li “Mikiel ‘sfida d-dritt tax-Xitan’ li jieħu l-ġisem taʼ Mosè.” Madankollu, l-arkanġlu kien jaf li l-awtorità tiegħu kienet limitata. Allura għadda l-każ għand Ġeħova, l-Imħallef Suprem, l-uniku wieħed li kellu d-dritt li jiġġudika lil Satana. X’attitudni t’umiltà wera Ġesù!

Ġesù b’umiltà għamel kulma qallu Ġeħova, obda saħansitra “sal-mewt”

7. Ġesù kif wera umiltà bil-kliem u l-azzjonijiet tiegħu?

7 Meta Ġesù kien fuq l-art, wera wkoll umiltà bil-mod kif tkellem u għamel l-affarijiet. Il-kliem tiegħu. Ġesù qatt ma ried attenzjoni żejda minn ħaddieħor. Minflok, ried li Missieru jkollu l-glorja kollha. (Marku 10:17, 18; Ġwanni 7:16) Ġesù qatt ma kellem lid-dixxipli tiegħu b’tali mod li jġegħelhom iħossuhom stupidi jew inferjuri. Anzi, irrispettahom u wriehom li kien jafdahom billi faħħarhom għall-kwalitajiet tajbin tagħhom. (Luqa 22:31, 32; Ġwanni 1:47) L-azzjonijiet tiegħu. Ġesù għażel li jgħix ħajja sempliċi mingħajr ma jkollu ħafna affarijiet materjali. (Mattew 8:20) Kien lest li jagħmel xogħol umli li ħaddieħor ma kienx lest li jagħmel. (Ġwanni 13:3-15) Apparti minn hekk, hu ħalla eżempju perfett tal-umiltà permezz tal-ubbidjenza tiegħu. (Aqra Filippin 2:5-8.) Kuntrarju għan-nies kburin li jobogħdu jobdu lil ħaddieħor, Ġesù b’umiltà għamel kulma qallu Ġeħova, obda saħansitra “sal-mewt.” Huwa ċar li Ġesù, Bin il-bniedem, kien ‘umli f’qalbu.’—Mattew 11:29.

IMITAW L-UMILTÀ TAʼ ĠESÙ

8, 9. Kif nistgħu nuru l-umiltà?

8 Kif nistgħu nimitaw l-umiltà taʼ Ġesù? L-attitudni tagħna. Meta nkunu umli, nifhmu li l-awtorità tagħna hi limitata. Għaldaqstant, aħna nifhmu li m’għandniex id-dritt li niġġudikaw lil oħrajn. Aħna mhux se nikkritikawhom jew niddubitaw il-motivi tagħhom. (Luqa 6:37; Ġakbu 4:12) L-umiltà tgħinna biex ma nkunux ‘ġusti żżejjed.’ Dan ifisser li mhux se nħossuna aħjar minn dawk li m’għandhomx l-abbiltajiet jew privileġġi li għandna aħna. (Ekkleżjasti 7:16) Anzjani umli ma jaħsbux li huma aħjar minn ħuthom. Minflok, dawn ir-ragħajja ‘jqisu lill-oħrajn superjuri,’ jiġifieri, jikkunsidraw lil ħaddieħor iktar importanti minnhom infushom.—Filippin 2:3; Luqa 9:48.

9 Ħudu l-eżempju taʼ W. J. Thorn, li beda jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa fl-1894. Wara ħafna snin, kien inkarigat biex jieħu ħsieb it-tiġieġ f’razzett tal-organizzazzjoni (Kingdom Farm) fi New York. Kull meta ħass li għandu jagħmel xi xogħol iktar importanti, Ħuna Thorn kien jgħid lilu nnifsu: “Ja nitfa trab. X’għandek biex tkun kburi bih?” (Aqra Isaija 40:12-15.) X’attitudni t’umiltà!

10. Kif nistgħu nuru l-umiltà bil-kliem u l-azzjonijiet tagħna?

10 Il-kliem tagħna. Jekk aħna verament umli, dan se jeffettwa l-mod kif nitkellmu m’oħrajn. (Luqa 6:45) Meta nitkellmu m’oħrajn, m’għandniex niffokaw fuq il-privileġġi tagħna u l-affarijiet li għamilna. (Proverbji 27:2) Minflok, għandna nfaħħru lil ħutna għat-tajjeb li jagħmlu u niffokaw fuq il-kwalitajiet u l-abbiltajiet tajbin tagħhom. (Proverbji 15:23) L-azzjonijiet tagħna. Kristjani umli ma jipprovawx isiru famużi jew importanti f’din id-dinja. Minflok, jagħżlu li jgħixu ħajja sempliċi, u saħansitra jagħmlu xogħol umli, ħalli jkunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova kemm jistaʼ jkun possibbli. (1 Timotju 6:6, 8) L-iktar mod importanti kif nuru umiltà hu billi nkunu ubbidjenti. Għandna nkunu umli sabiex inkunu “ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu” fil-kongregazzjoni u biex naċċettaw u nsegwu d-direzzjoni tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.—Ebrej 13:17.

ĠESÙ HU TENERU

11. X’inhi t-tenerezza?

11 X’inhi t-tenerezza? Il-kelma “teneru” tiddeskrivi emozzjonijiet taʼ ġentilezza. It-tenerezza hi espressjoni taʼ mħabba u tixbah emozzjonijiet bħal mogħdrija u ħniena. Fil-fatt, il-Bibbja tuża termini bħal “mogħdrija tenera,” “ħniena tenera,” u “affezzjoni tenera.” (Luqa 1:78; 2 Korintin 1:3; Filippin 1:8) Referenza tal-Bibbja tgħid li meta wieħed juri tenerezza ma jkunx biss qed iħossu ddispjaċut għal dawk fil-bżonn. Tkompli tgħid li biex ikun hemm sentimenti taʼ tenerezza jfisser li jkun “jimpurtana biżżejjed li ninvolvu ruħna u ngħinu.” Dan nistgħu nagħmluh billi nagħmlu xi ħaġa li tbiddel il-ħajja t’oħrajn għall-aħjar. It-tenerezza hi kwalità li timmotiva individwu biex jagħmel differenza f’ħajjet ħaddieħor.

12. X’juri li Ġesù ħass mogħdrija tenera għal oħrajn, u t-tenerezza tiegħu xi mmotivatu jagħmel?

12 Ġesù kif wera t-tenerezza? Is-sentimenti u l-azzjonijiet teneri tiegħu. Ġesù ħass mogħdrija tenera għal oħrajn. Meta ra lil ħabiba tiegħu Marija u oħrajn jibku minħabba l-mewt taʼ Lazzru, Ġesù beka magħhom. (Aqra Ġwanni 11:32-35.) Imbagħad, l-istess mogħdrija li ġegħlitu jirxoxta iben armla qanqlitu jirxoxta lil Lazzru. (Luqa 7:11-15; Ġwanni 11:38-44) Din l-azzjoni tenera setgħet tat lil Lazzru l-opportunità li jirċievi l-ħajja fis-sema. Xi żmien qabel, Ġesù “ħass affezzjoni tenera” għall-folla li marret għandu. Il-mogħdrija tenera tiegħu mmotivatu biex “jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Marku 6:34; Kingdom Interlinear) Din il-ġrajja biddlet il-ħajja taʼ dawk li applikaw it-tagħlim tiegħu! It-tenerezza taʼ Ġesù kienet iktar minn sentiment. It-tenerezza tiegħu mmotivatu wkoll biex jgħin lin-nies fil-bżonn.—Mattew 15:32-38; 20:29-34; Marku 1:40-42.

13. Ġesù kif tkellem b’mod teneru m’oħrajn? (Ara l-ewwel stampa.)

13 Il-kliem teneru tiegħu. Il-mogħdrija taʼ Ġesù mmotivatu jitkellem b’mod teneru m’oħrajn, speċjalment maʼ dawk li kienu qed jiġu ttrattati ħażin. L-appostlu Mattew ikkwota l-kliem li Isaija qal dwar Ġesù. Isaija qal: “Qasba miksura ma jaqsamhiex; ftila tal-kittien tnemnem ma jitfihiex.” (Isaija 42:3; Mattew 12:20) Xi jfisser dan? Ġesù m’abbużax min-nies jew ittrattahom ħażin. Anzi, kien jitkellem b’tali mod li jġibilhom serħan. Hu pprietka messaġġ taʼ tama lil “dawk b’qalbhom maqsuma.” (Isaija 61:1) Hu stieden lin-nies li kienu “mħabbtin u mgħobbijin” biex imorru għandu ħalli ‘jsibu serħan.’ (Mattew 11:28-30) Hu wiegħed lid-dixxipli tiegħu li Alla kien jieħu ħsieb b’tenerezza lil kull qaddej Tiegħu, inkluż lil dawk “ċkejknin,” jiġifieri dawk li mhumiex ikkunsidrati importanti f’għajnejn in-nies.—Mattew 18:12-14; Luqa 12:6, 7.

IMITAW IT-TENEREZZA TAʼ ĠESÙ

14. Kif nistgħu nuru sentimenti teneri maʼ ħaddieħor?

14 Kif nistgħu nimitaw it-tenerezza taʼ Ġesù? Is-sentimenti teneri tagħna. Il-Bibbja tgħidilna biex naħdmu ħalli nuru “sentimenti profondi [jiġifieri teneri] taʼ mogħdrija,” anki jekk ma jkunx naturali għalina. Dawn is-sentimenti huma parti mill-“personalità l-ġdida” li Ġeħova jistenna li l-Kristjani kollha japplikaw. (Aqra Kolossin 3:9, 10, 12.) Kif nistgħu nuru sentimenti teneri? Il-Bibbja tgħid: “Wessgħu qalbkom.” (2 Korintin 6:11-13) Isimgħu sew meta xi ħadd jgħidilkom kif iħossu u x’qed jinkwetah. (Ġakbu 1:19) Użaw l-immaġinazzjoni tagħkom u saqsu lilkom infuskom: ‘Li kieku kont fiż-żarbuna tiegħu, kif kont inħossni? X’kien ikolli bżonn?’—1 Pietru 3:8.

15. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dawk li huma mnikktin jew qed ibatu?

15 L-azzjonijiet teneri tagħna. It-tenerezza għandha timmotivana ngħinu lil oħrajn, speċjalment lil dawk li huma mnikktin jew qed ibatu. Kif nistgħu ngħinuhom? Rumani 12:15 jgħid: “Ibku maʼ min jibki.” Ħafna drabi, in-nies ikollhom bżonn faraġ iktar milli soluzzjonijiet. Ikollhom bżonn xi ħabib li jkun interessat fihom u li jagħtihom widen. Oħt li ħassitha mfarrġa mill-aħwa wara li mietet bintha tgħid, “Apprezzajt meta l-ħbieb ġew iżuruni u sempliċement bkew miegħi.” Aħna nistgħu nuru tenerezza wkoll billi nagħmlu affarijiet prattiċi biex ngħinu lil ħaddieħor. Forsi hemm armla li għandha bżonn manutenzjoni fid-dar tagħha. Jew forsi hemm xi Kristjan avvanzat fl-età li għandu bżonn l-għajnuna biex jattendi l-laqgħat, joħroġ fil-ministeru, jew imur għand it-tabib. Anki att żgħir taʼ qalb tajba jistaʼ jagħmel differenza kbira fil-ħajja taʼ dak li jkun. (1 Ġwanni 3:17, 18) L-iktar mod importanti kif nuru tenerezza hu billi nagħmlu kulma nistgħu biex nippritkaw l-aħbar tajba. Dan hu l-aħjar mod biex nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies sinċieri!

Tinteressa ruħek b’mod ġenwin f’ħutek? (Ara paragrafu 15)

16. X’nistgħu ngħidu biex ninkuraġġixxu lil dawk dipressi?

16 Il-kliem teneru tagħna. Is-sentimenti teneri tagħna se jimmotivawna biex ‘nikkonslaw lid-dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:14) X’nistgħu ngħidu biex ninkuraġġuhom? Nistgħu ngħidulhom kemm jimpurtana minnhom. Nistgħu nfaħħruhom u ngħinuhom jaraw il-kwalitajiet u l-abbiltajiet pożittivi tagħhom. Nistgħu nfakkruhom li Ġeħova għenhom isibu l-verità, u allura Ġeħova żgur li jqishom prezzjużi. (Ġwanni 6:44) Nistgħu naċċertawhom li Ġeħova jimpurtah ħafna mill-qaddejja tiegħu li għandhom “qalbhom maqsuma” jew “spirtu miksur.” (Salm 34:18) Il-kliem teneru tagħna jistaʼ verament ikun taʼ serħan għal dawk li għandhom bżonn il-faraġ.—Proverbji 16:24.

17, 18. (a) Ġeħova kif jistenna li l-anzjani jittrattaw lin-nagħaġ tiegħu? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

17 Anzjani, Ġeħova jistenna li tittrattaw lin-nagħaġ tiegħu b’tenerezza. (Atti 20:28, 29) Ftakru, hija r-responsabbiltà tagħkom li tgħallmu, tinkuraġġixxu, u li tkunu taʼ serħan għan-nagħaġ tiegħu. (Isaija 32:1, 2; 1 Pietru 5:2-4) Għaldaqstant, anzjan li juża mogħdrija tenera ma jipprovax jikkontrolla lil ħutu, jiġifieri, li jagħmel regoli jew juża sens taʼ ħtija biex jagħmlilhom pressjoni ħalli jagħmlu iktar milli jistgħu. Minflok, anzjan ikun irid li ħutu jkunu verament ferħanin, u hu fiduċjuż li l-imħabba li għandhom għal Ġeħova se timmotivahom jagħmlu l-aħjar tagħhom għal Alla.—Mattew 22:37.

18 Hekk kif nimmeditaw fuq l-umiltà u t-tenerezza taʼ Ġesù, se nkunu mmotivati biex nimitawh. Fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu kif nistgħu nimitaw il-kuraġġ u d-dixxerniment taʼ Ġesù.