Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Rigal mhux mistenni għall-Ġappun

Rigal mhux mistenni għall-Ġappun

F’LAQGĦA speċjali li saret f’Nagoya, il-Ġappun, fit-28 t’April 2013, Anthony Morris mill-Ġemgħa li Tiggverna għamel avviż eċċitanti: ħabbar il-pubblikazzjoni l-ġdida miktuba bil-Ġappuniż bit-titlu Il-Bibbja—L-Evanġelju skont Mattew. Għal din il-laqgħa attendew iktar minn 210,000 ruħ. Uħud minnhom semgħu b’mod dirett permezz tal-Internet. Wara li l-udjenza semgħet bl-aħbar, esprimiet il-ferħ tagħha billi ċapċpet għal ħin twil.

Din l-edizzjoni tal-Evanġelju taʼ Mattew ġiet stampata mill-ġdid mit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bil-Ġappuniż. Però, dan il-ktieb taʼ 128 paġna hu uniku. Ħuna Morris spjega li ġie ddisinjat biex jgħin lin-nies fit-territorju Ġappuniż. X’hemm differenti dwar dan il-ktieb? Għala kien hemm bżonnu? X’kienet ir-reazzjoni tan-nies?

X’HEMM DIFFERENTI DWAR DAN IL-KTIEB?

Ħafna wħud kienu sorpriżi bl-istil tal-ktieb Mattew. Il-Ġappuniż jinkiteb permezz taʼ karattri li jistgħu jkunu magħmulin minn għadd taʼ simboli. Dawn jistgħu jitpoġġew b’mod vertikali jew orizzontali, u f’ħafna affarijiet stampati, inkluż il-pubblikazzjonijiet tagħna, huma orizzontali. Madankollu, il-karattri f’dan il-ktieb il-ġdid tpoġġew b’mod vertikali, simili għall-istil taʼ ħafna gazzetti u letteratura oħra Ġappuniża. Għal ħafna Ġappuniżi, dan l-istil hu eħfef biex jinqara. Barra minn hekk, il-frażijiet li s-soltu jkunu fuq nett tal-paġna tpoġġew mal-kumplament tal-kliem bħala sottitli. Dan sar biex jgħin lill-qarrejja jaraw il-punti prinċipali b’mod iktar faċli.

L-aħwa rġiel u nisa fil-Ġappun bdew jaqraw il-ktieb Mattew mill-ewwel. Oħt li għandha fuq it-80 sena qalet: “Qrajt l-Evanġelju taʼ Mattew ħafna drabi qabel, imma l-istil vertikali u s-sottitli għenuni nifhem il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja aħjar.” Oħt żagħżugħa kitbet: “Qrajt Mattew minn qoxra sa qoxra f’darba waħda. Jien imdorrija naqra bl-istil orizzontali, imma ħafna Ġappuniżi jippreferu l-istil vertikali.”

IDDISINJAT GĦAT-TERRITORJU ĠAPPUNIŻ

Għala dan il-ktieb tal-Bibbja hu utli b’mod speċjali għat-territorju Ġappuniż? Għalkemm ħafna Ġappuniżi ma jafux ħafna dwar il-Bibbja, huma jkunu lesti li jaqrawha. Ħafna li qatt ma raw Bibbja, issa għandhom l-opportunità li jkollhom parti minnha f’idejhom u li jaqrawha.

Għala ntgħażel l-Evanġelju taʼ Mattew? Il-maġġorparti tal-Ġappuniżi, meta jisimgħu l-kelma “Bibbja,” f’moħħhom jiġihom Ġesù Kristu. Allura, l-Evanġelju taʼ Mattew intgħażel minħabba li jitkellem dwar it-twelid u d-dixxendenza taʼ Ġesù, il-prietka famuża tiegħu taʼ fuq il-muntanja, u l-profezija eċċitanti tiegħu dwar l-aħħar jiem. Dawn is-suġġetti kollha jinteressaw lil ħafna Ġappuniżi.

Il-pubblikaturi fil-Ġappun b’mod żeluż bdew joffru dan il-ktieb il-ġdid minn bieb għal bieb u fi żjajjar lura. Oħt kitbet: “Issa għandi iktar opportunitajiet li nħalli l-Kelma t’Alla man-nies fit-territorju tagħna. Fil-fatt, irnexxieli nħalli l-ktieb Mattew dakinhar stess tal-laqgħa speċjali!”

X’KIENET IR-REAZZJONI TAN-NIES?

Il-pubblikaturi kif jippreżentaw dan il-ktieb il-ġdid? Ħafna Ġappuniżi jafu espressjonijiet bħal “il-bieb id-dejjaq,” ‘tixħtux il-perli tagħkom quddiem il-ħnieżer,’ u “qatt tkunu ansjużi dwar l-għada.” (Mattew 6:34; 7:6, 13) Huma jibqgħu sorpriżi meta jsiru jafu li dan il-kliem hu taʼ Ġesù Kristu. Meta jaraw dan il-kliem fil-ktieb Mattew, ħafna jgħidu: “Minn dejjem xtaqt naqra l-Bibbja, imqar darba.”

Meta l-pubblikaturi jagħmlu ż-żjajjar lura lil dawk li aċċettaw il-ktieb Mattew, l-inkwilini spiss jgħidu li mill-ewwel qraw xi ftit minnu, jew saħansitra l-ktieb kollu. Raġel li għandu fuq is-60 sena qal lil pubblikatur: “Qrajtu kemm-il darba u ġejt imfarraġ. Jekk jogħġbok, għallimni iktar dwar il-Bibbja.”

Il-ktieb Mattew qed jiġi offrut ukoll waqt li jsir ippritkar f’postijiet pubbliċi. Meta oħt kienet qed tipprietka, tat l-e-mail tagħha lil waħda mara żagħżugħa li aċċettat il-ktieb. Siegħa wara, il-mara bagħtet e-mail lill-oħt u qalet li kienet qrat parti mill-ktieb u li xtaqet tkun taf iktar. Ġimgħa wara, dil-mara kellha l-ewwel studju tal-Bibbja, u ma damitx ma bdiet tattendi l-laqgħat.

Iktar minn 1,600,000 kopja tal-ktieb Mattew intbagħtu lill-kongregazzjonijiet fil-Ġappun. Kull xahar, ix-Xhieda qed iħallu għaxriet t’eluf minn dan il-ktieb man-nies. Id-daħla taʼ din l-edizzjoni turi s-sentimenti taʼ min ippubblika l-ktieb billi tgħid: “B’mod sinċier nittamaw li meta taqra dan il-volum, titqanqal biex ikollok iktar interess fil-Bibbja.”