Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

B’lealtà nappoġġaw lil ħut Kristu

B’lealtà nappoġġaw lil ħut Kristu

“Kulmeta għamiltu dan maʼ wieħed mill-​iżgħar minn dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”—MATTEW 25:40.

1, 2. (a) Ġesù liema tixbihat qal lill-​ħbieb tal-​qalb tiegħu? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’għandna nkunu nafu dwar it-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż?

 ĠESÙ kien qed jitkellem mal-​ħbieb tal-​qalb tiegħu Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni dwar xi ħaġa interessanti ħafna. Wara li qalilhom it-​tixbihat tal-​ilsir leali u għaqli, tal-​għaxar verġni, u tat-​talenti, Ġesù qal lill-​ħbieb tiegħu tixbiha oħra. Fiha, tkellem dwar żmien meta “Bin il-​bniedem” se jiġġudika “l-​ġnus kollha.” Hu qal li “Bin il-​bniedem” se jifred lin-​nies f’żewġ gruppi, grupp minnhom iddeskrivieh bħala n-​nagħaġ u l-​ieħor bħala l-​mogħoż. U hu ddeskriva grupp importanti ieħor, jiġifieri ‘ħut’ is-​Sultan.—Aqra Mattew 25:31-46.

2 Bħall-​appostli, anki l-​qaddejja taʼ Ġeħova taʼ żmienna kienu u għadhom interessati f’din it-​tixbiha minħabba li l-​ħajja tan-​nies hi involuta. Ġesù qal li xi wħud se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem, imma oħrajn se jinqerdu. Għalhekk, huwa importanti ħafna li nkunu nafu xi tfisser it-​tixbiha u x’għandna nagħmlu biex nirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Allura f’dan l-​artiklu, se nwieġbu l-​mistoqsijiet li ġejjin: Ġeħova kif għenna nifhmu din it-​tixbiha? Kif nafu li t-​tixbiha tenfasizza x-​xogħol tal-​ippritkar? Min għandu jipprietka? U għala hu importanti għan-​nies li jkunu leali issa lejn ‘is-​Sultan’ u ‘ħutu’?

ĠEĦOVA KIF GĦENNA NIFHMU T-​TIXBIHA?

3, 4. (a) X’neħtieġu nkunu nafu biex nifhmu din it-​tixbiha? (b) Fl-​1881, It-​Torri tal-​Għassa kif spjega din it-​tixbiha?

3 Sabiex nifhmu dak li tfisser it-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż, neħtieġu nkunu nafu t-​tweġiba tal-​mistoqsijiet li ġejjin: (1) Min hu “Bin il-​bniedem,” jew ‘is-​Sultan,’ min huma n-​nagħaġ u l-​mogħoż, u min huma ‘ħut’ is-​Sultan? (2) Meta “Bin il-​bniedem” se jifred, jew jiġġudika, lin-​nagħaġ u l-​mogħoż? u (3) Għala xi wħud jissejħu nagħaġ u oħrajn mogħoż?

4 Fl-​1881, It-​Torri tal-​Għassa qal li “Bin il-​bniedem,” jew ‘is-​Sultan,’ hu Ġesù. Spjega wkoll li ‘ħut’ is-​Sultan mhumiex biss dawk li se jmexxu fis-​sema maʼ Ġesù imma wkoll in-​nies kollha li se jgħixu fuq l-​art meta jsiru perfetti. It-​Torri tal-​Għassa qal li n-​nies se jiġu mifrudin matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu u li dawk li imitaw l-​imħabba t’Alla f’kulma jkunu għamlu se jissejħu nagħaġ.

5. Fl-​1923, in-​nies t’Alla kif fehmu t-​tixbiha?

5 Iktar tard, Ġeħova għen lin-​nies tiegħu biex jifhmu iktar ċar din it-​tixbiha. Fl-​1923, It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru qal li “Bin il-​bniedem” hu Ġesù. Imma mbagħad uża versi Bibliċi biex jispjega li ‘ħut’ Ġesù fit-​tixbiha jirreferu biss għal dawk li se jmexxu maʼ Ġesù u li lkoll kemm huma se jkunu fis-​sema matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena. Qal ukoll li n-​nagħaġ jirreferu għal dawk li se jgħixu fuq l-​art taħt it-​tmexxija taʼ Ġesù u ħutu. U ladarba t-​tixbiha tgħid li dawn se jgħinu lil ħut is-​Sultan, il-​frid, jiġifieri l-​ġudizzju, għandu jseħħ waqt li ħut Ġesù l-​midlukin ikunu għadhom fuq l-​art, jiġifieri qabel ma tibda t-​Tmexxija taʼ Elf Sena. L-​artiklu qal ukoll li n-​nagħaġ se jkunu dawk li jemmnu b’Ġesù u li jemmnu li s-​Saltna se ġġib ħajja aħjar.

6. Fl-​1995, kif tbiddlet il-​fehma tagħna dwar din it-​tixbiha?

6 Għal ħafna snin konna naħsbu li n-​nies qed jiġu ġġudikati permezz tal-​ippritkar f’dan iż-​żmien tal-​aħħar. Kieku aċċettaw il-​messaġġ, kienu jkunu nagħaġ, u kieku rrifjutaw il-​messaġġ, kienu jkunu mogħoż. Imma fl-​1995, il-​fehma tagħna dwar din it-​tixbiha tbiddlet. It-​Torri tal-​Għassa qabbel Mattew 24:29-​31 (aqra) maʼ Mattew 25:31, 32 (aqra), u spjega li Ġesù se jiġġudika lin-​nies matul it-​tribulazzjoni l-​kbira meta hu bħala Bin il-​bniedem “jasal fil-​glorja tiegħu.” a

Aħna ninsabu grati ħafna li Ġeħova għenna nifhmu t-​tixbihat taʼ Ġesù

7. Xi tfisser it-​tixbiha?

7 Illum, nifhmu t-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż b’mod ċar. Aħna nafu li “Bin il-​bniedem,” jew ‘is-​Sultan,’ hu Ġesù. ‘Ħut’ is-​Sultan huma dawk li huma midlukin bl-​ispirtu qaddis u li se jmexxu fis-​sema maʼ Ġesù. (Rumani 8:16, 17) “In-​nagħaġ” u “l-​mogħoż” huma nies minn kull ġens. Huma se jiġu ġġudikati lejn l-​aħħar tat-​tribulazzjoni l-​kbira li dalwaqt se tibda. U aħna nafu li Ġesù se jiġġudika lin-​nies skont kif ittrattaw lill-​midlukin li għadhom fuq l-​art. Aħna ninsabu grati ħafna li matul is-​snin Ġeħova għenna nifhmu din it-​tixbiha u tixbihat oħra li nsibu f’kapitli 24 u 25 taʼ Mattew!

IT-​TIXBIHA TGĦALLIMNA LI L-​IPPRITKAR HU IMPORTANTI ĦAFNA

8, 9. Ġesù għala sejjaħ lin-​nagħaġ bħala wħud “sewwa”?

8 Ġesù m’użax il-​kliem “xandar,” “prietka” jew “xogħol tal-​ippritkar” fit-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż. Allura, kif nafu li t-​tixbiha tgħallimna li l-​ippritkar hu importanti ħafna?

9 Sabiex insibu t-​tweġiba, l-​ewwel irridu niftakru li Ġesù kien qed joħroġ tagħlima permezz taʼ tixbiha. Hu ma kienx qed jitkellem dwar nagħaġ u mogħoż letterali. Bl-​istess mod, hu ma kienx qed jgħid li kull individwu li se jkun iġġudikat bħala nagħġa għandu jagħti ikel u ħwejjeġ lill-​midlukin, jieħu ħsiebhom meta jkunu morda, jew iżurhom fil-​ħabs. Le, Ġesù ddeskriva lin-​nagħaġ bħala wħud “sewwa” minħabba li qiesu l-​midlukin bħala ħutu u minħabba li huma leali lejn il-​midlukin matul dawn iż-​żminijiet tal-​aħħar li huma diffiċli.—Mattew 10:40-​42; 25:40, 46; 2 Timotju 3:1-​5.

10. In-​nagħaġ kif jistgħu jgħinu lil ħut Kristu?

10 Meta Ġesù qal it-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż, kien qed jitkellem dwar x’kellu jiġri fiż-​żmien tal-​aħħar. (Mattew 24:3) Pereżempju, hu qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha.” (Mattew 24:14) Imbagħad, eżatt qabel ma tkellem dwar in-​nagħaġ u l-​mogħoż, Ġesù qal it-​tixbiha tat-​talenti. Hu qal din it-​tixbiha biex jgħallem lill-​midlukin li għandhom jaħdmu iebes fl-​ippritkar. Imma fadal ammont żgħir biss minnhom fuq l-​art, u hemm ħafna xogħol xi jsir! Lill-​midlukin intqalilhom biex jippritkaw “lill-​ġnus kollha” qabel it-​tmiem. Bħalma nitgħallmu mit-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż, “in-​nagħaġ” jgħinu lil ħut Ġesù. U wieħed mill-​aħjar modi kif jistgħu jagħmlu dan hu permezz tal-​ippritkar. Imma, hu biżżejjed li sempliċement jagħtu donazzjonijiet biex isir ix-​xogħol jew li jinkuraġġixxu lil ħut Ġesù biex jippritkaw?

MIN GĦANDU JIPPRIETKA?

11. Liema mistoqsija xi wħud forsi jsaqsu, u għala?

11 Illum, hemm tmien miljun dixxiplu taʼ Ġesù, u l-​biċċa l-​kbira minnhom mhumiex midlukin. Lil dawn Ġesù ma tahomx it-​talenti. Hu ta t-​talenti lil ħutu l-​midlukin. (Mattew 25:14-​18) Għaldaqstant, xi wħud forsi jsaqsu, ‘Jekk Ġesù ma tahomx it-​talenti, tassew hemm bżonn li jippritkaw?’ Iva. Ħalli naraw għala.

12. X’nitgħallmu mill-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 28:19, 20?

12 Ġesù kkmanda lid-​dixxipli kollha tiegħu jippritkaw. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, qal lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli’ u biex jgħallmuhom “dak kollu” li kkmandalhom. Allura, dawn id-​dixxipli wkoll kellhom jobdu l-​ordni taʼ Ġesù biex jippritkaw. (Aqra Mattew 28:19, 20.) Hu ċar li lkoll neħtieġu nippritkaw, kemm jekk għandna t-​tama għas-​sema u kemm jekk għall-​art.—Atti 10:42.

Ilkoll neħtieġu nippritkaw, kemm jekk għandna t-​tama għas-​sema u kemm jekk għall-​art

13. X’nitgħallmu mill-​viżjoni li ra Ġwanni?

13 Mill-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, nitgħallmu li l-​ippritkar kellu jsir kemm mill-​midlukin u kemm minn oħrajn. Ġesù ta lill-​appostlu Ġwanni viżjoni taʼ “għarusa” li qed tistieden lin-​nies biex jiġu u jixorbu l-​ilma tal-​ħajja. L-​għarusa tirreferi għall-​144,000 midluk li se jmexxu maʼ Ġesù fis-​sema. (Rivelazzjoni 14:1, 3; 22:17) L-​ilma jirreferi għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa li se jgħin lin-​nies biex ikollhom ħajja mingħajr dnub u mewt. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:9, 10) Il-​midlukin jgħallmu b’żelu lin-​nies dwar il-​fidwa u dwar kif dawn in-​nies jistgħu jibbenefikaw minnha. (1 Korintin 1:23) Imma l-​viżjoni ssemmi grupp ieħor taʼ nies li mhumiex mill-​midlukin imma li għandhom it-​tama għall-​art. Huma wkoll jiġu kkmandati biex jgħidu lin-​nies: “Ejja!” U huma jobdu dan il-​kmand billi jgħallmu lil oħrajn l-​aħbar tajba. Allura, din il-​viżjoni turi li dawk kollha li jaċċettaw il-​messaġġ tal-​aħbar tajba jeħtieġu jxandru lil oħrajn.

14. Kif nobdu “l-​liġi tal-​Kristu”?

14 Dawk kollha li jobdu “l-​liġi tal-​Kristu” jeħtieġu jippritkaw. (Galatin 6:2) Ġeħova jistenna li kull min jaqdih, jobdi l-​istess liġijiet. Fil-​passat, hu stenna li kemm l-​Iżraelin u kemm il-​barranin li kienu jgħixu magħhom jobdu l-​liġijiet tiegħu. (Eżodu 12:49; Levitiku 24:22) M’għandniex xi ngħidu, illum mhuwiex meħtieġ li nobdu l-​liġijiet kollha li ġew mogħtijin lill-​Iżraelin. Minflok, kemm jekk aħna mill-​midlukin u kemm jekk le, għandna nobdu “l-​liġi tal-​Kristu.” Waħda mill-​iktar affarijiet importanti li għallimna Ġesù hi li nħobbu. (Ġwanni 13:35; Ġakbu 2:8) Aħna għandna nħobbu lil Ġeħova, lil Ġesù, u lin-​nies. U l-​aħjar mod biex nuru din l-​imħabba hu billi ngħidu lin-​nies dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna.—Ġwanni 15:10; Atti 1:8.

15. Għala nistgħu ngħidu li Ġesù kkmanda lid-​dixxipli kollha tiegħu jippritkaw?

15 Dak li Ġesù qal lil ftit mid-​dixxipli tiegħu kultant jistaʼ jirreferi għal ħafna dixxipli. Pereżempju, Ġesù għamel patt maʼ 11-​il appostlu tiegħu biss, u wegħedhom li se jmexxu fis-​Saltna tiegħu. Imma fir-​realtà, 144,000 se jmexxu miegħu. (Luqa 22:29, 30; Rivelazzjoni 5:10; 7:4-​8) U wara li Ġesù ġie rxoxtat, ftit biss mid-​dixxipli tiegħu semgħu l-​kmand biex jippritkaw. (Atti 10:40-​42; 1 Korintin 15:6) Imma d-​dixxipli kollha taʼ Ġesù tal-​ewwel seklu obdew dan il-​kmand. (Atti 8:4; 1 Pietru 1:8) Illum ukoll, aħna nafu li għandna nippritkaw, avolja ma smajniex b’widnejna stess leħen Ġesù jgħidilna biex nagħmlu dan ix-​xogħol. Fil-​fatt, hemm kważi tmien miljuni minna li qed jippritkaw. Aħna nafu li permezz tal-​ippritkar, inkunu qed nuru li verament għandna fidi f’Ġesù.—Ġakbu 2:18.

ISSA HU Ż-​ŻMIEN LI NKUNU LEALI

16-18. Kif nistgħu b’lealtà ngħinu lil ħut Kristu, u għala għandna nagħmlu dan issa?

16 Satana qed jiġġieled iktar u iktar kontra l-​aħwa midlukin taʼ Kristu li għadhom fuq l-​art, u hu jaf li baqagħlu biss “żmien qasir.” (Rivelazzjoni 12:9, 12, 17) Imma minkejja l-​attakki taʼ Satana, il-​midlukin ikomplu jmexxu x-​xogħol tal-​ippritkar u aktar nies minn qatt qabel qed jisimgħu l-​aħbar tajba. B’mod ċar, Ġesù hu mal-​midlukin, u hu qed jiggwidahom.—Mattew 28:20.

Hu unur li ngħinu lil ħut Kristu

17 Aħna nħossu li hu unur għalina li ngħinu lil ħut Kristu billi nippritkaw. Aħna ngħinu wkoll billi nagħtu donazzjonijiet u billi naħdmu iebes biex nibnu Swali tas-​Saltna, Swali tal-​Assemblea, u uffiċċji tal-​fergħa. Meta nobdu b’lealtà lill-​anzjani u aħwa oħra maħtura mill-​“ilsir leali u għaqli,” nuru li rridu ngħinu lil ħut Kristu.—Mattew 24:45-​47; Ebrej 13:17.

18 Dalwaqt, il-​midlukin li għad fadal fuq l-​art se jirċievu l-​aħħar immarkar bis-​siġill. Imbagħad, l-​anġli se jitilqu “l-​erbat irjieħ taʼ l-​art,” u t-​tribulazzjoni l-​kbira tibda. (Rivelazzjoni 7:1-​3) Qabel ma tibda Armageddon, Ġesù se jieħu lill-​midlukin fis-​sema. (Mattew 13:41-​43) Allura, jekk irridu niġu ġġudikati bħala nagħaġ meta jiġi Ġesù, issa hu ż-​żmien li nkunu leali lejn l-​aħwa midlukin taʼ Kristu.

Aħna ngħinu lil ħut Kristu b’ħafna modi differenti (Ara paragrafu 17)

a Għal diskussjoni iktar dettaljata taʼ din it-​tixbiha, ara l-​artikli “Kif Se Tieqaf Int Quddiem it-​Tron tal-​Ġudizzju?” u “Liema Futur għan-​Ngħaġ u l-​Mogħoż?” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru 1995.