Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Se ‘tibqa’ għassa’?

Se ‘tibqa’ għassa’?

“Għalhekk, ibqgħu għassa għax la tafu l-​jum u lanqas is-​siegħa.”—MATTEW 25:13.

1, 2. (a) Ġesù x’kixef dwar l-​aħħar jiem? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

 IPPROVA ġib quddiem għajnejk lil Ġesù bilqiegħda fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, li minn fuqha tistaʼ tara t-​tempju f’Ġerusalemm. Miegħu hemm erbgħa mill-​appostli tiegħu, Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni. Għandhom għajnejhom imsammrin fuq Ġesù hekk kif jgħidilhom profezija dwar il-​futur. Il-​profezija tikxef x’kien se jiġri matul l-​aħħar jiem taʼ din id-​dinja mill-​agħar meta Ġesù kien se jkun qed isaltan fis-​Saltna t’Alla. Ġesù jgħidilhom li matul dak iż-​żmien eċċitanti, “l-​ilsir leali u għaqli” tiegħu kien se jirrappreżentah fuq l-​art u kien se jagħti lis-​segwaċi tiegħu ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq.—Mattew 24:45-​47.

2 Imbagħad, fl-​istess profezija, Ġesù jgħid it-​tixbiha tal-​għaxar verġni. (Aqra Mattew 25:1-13.) F’dan l-​artiklu, se niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet: (1) X’inhu l-​messaġġ bażiku tat-​tixbiha? (2) Il-​midlukin leali b’liema mod taw kas it-​twissija li hemm fit-​tixbiha, u x’se jkun ir-​riżultat? (3) Kull wieħed u waħda minna llum kif jistaʼ jibbenefika mit-​tixbiha taʼ Ġesù?

X’INHU L-MESSAĠĠ TAT-TIXBIHA?

3. Fil-​passat, il-​letteratura tagħna kif spjegat it-​tixbiha tal-​għaxar verġni, u dan għal xiex setaʼ wassal?

3 Fl-​artiklu taʼ qabel, tgħallimna li fi snin reċenti, l-​ilsir leali aġġusta l-​mod kif jiġu spjegati ċerti rakkonti Bibliċi. Issa l-​ilsir leali jiffoka iktar fuq lezzjonijiet prattiċi u inqas fuq tifsiriet simboliċi jew profetiċi li jistaʼ jkun hemm. Pereżempju, ħu t-​tixbiha taʼ Ġesù tal-​għaxar verġni. Il-​letteratura tagħna qabel kienet tgħid li l-​imsiebaħ, iż-​żejt, u l-​kwies, jew fliexken, kienu jirrappreżentaw lil xi ħadd jew xi ħaġa. Jistaʼ jkun li billi qgħadna niffokaw fuq dettalji żgħar, tlifna l-​messaġġ sempliċi u urġenti tat-​tixbiha? It-​tweġiba taʼ din il-​mistoqsija hi importanti.

Il-​verġni jridu jkunu lesti bl-​imsiebaħ tagħhom mixgħulin meta jasal l-​għarus

4. Fit-​tixbiha, kif nafu (a) min hu l-​għarus? (b) min huma l-​verġni?

4 Ejja neżaminaw il-​messaġġ bażiku tat-​tixbiha taʼ Ġesù. L-​ewwel, aħseb dwar il-​karattri fit-​tixbiha tal-​għaxar verġni. Min hu l-​għarus? Hu Ġesù. Nafu dan għax iktar kmieni, Ġesù rrefera għalih innifsu bħala l-​għarus. (Luqa 5:34, 35) Min huma l-​verġni? Huma l-​“merħla żgħira” magħmula minn Kristjani midlukin. Kif nafu? Fit-​tixbiha, il-​verġni jridu jkunu lesti bl-​imsiebaħ tagħhom mixgħulin meta jasal l-​għarus. Issa nnota x’qal Ġesù lis-​segwaċi midlukin tiegħu: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-​imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-​festa tat-​tieġ.” (Luqa 12:32, 35, 36) Minbarra dan, kemm l-​appostlu Pawlu u kemm l-​appostlu Ġwanni qabblu lis-​segwaċi midlukin taʼ Kristu maʼ verġni safjin. (2 Korintin 11:2; Rivelazzjoni 14:4) Għalhekk, nistgħu naraw li t-​twissija f’​Mattew 25:1-​13 fil-​fatt tingħata lis-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù.

5. It-​tixbiha taʼ Ġesù għal liema perijodu taʼ żmien japplika? Spjega.

5 It-​tixbiha taʼ Ġesù għal liema perijodu taʼ żmien japplika? Dak li Ġesù qal lejn l-​aħħar tat-​tixbiha jgħinna nwieġbu din il-​mistoqsija. Hu qal: “Wasal l-​għarus.” (Mattew 25:10) Fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013, tgħallimna li l-​profezija taʼ Ġesù f’​Mattew kapitli 24 u 25 tirreferi tmien darbiet għal li “jiġi” jew “jasal” Ġesù. Meta Ġesù jirreferi għall-​‘wasla’ jew il-​‘miġja’ tiegħu, ikun qed jirreferi għal dak iż-​żmien, fit-​tribulazzjoni l-​kbira, meta jiġi biex jiġġudika u jeqred lil din id-​dinja mill-​agħar. Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li t-​tixbiha taʼ Ġesù tapplika għall-​aħħar jiem, imma se “jiġi” matul it-​tribulazzjoni l-​kbira.

6. X’inhu l-​messaġġ bażiku tat-​tixbiha?

6 Liema messaġġ bażiku nitgħallmu minn din it-​tixbiha? Ftakar fil-​kuntest taʼ dan ir-​rakkont Bibliku. F’​Mattew kapitlu 24, Ġesù tkellem dwar “l-​ilsir leali u għaqli.” Dan l-​ilsir kien se jkun grupp żgħir taʼ rġiel midlukin li kienu se jieħdu t-​tmexxija fost is-​segwaċi taʼ Kristu matul l-​aħħar jiem. Ġesù wissa lil dawk l-​irġiel li għandhom jibqgħu leali. Fil-​kapitlu taʼ wara, Ġesù juża t-​tixbiha tal-​għaxar verġni biex iwissi lis-​segwaċi midlukin kollha tiegħu fl-​aħħar jiem. Il-​messaġġ kien li ‘jibqgħu għassa’ ħalli ma jitilfux il-​premju tagħhom li jmorru fis-​sema. (Mattew 25:13) Issa ejja neżaminaw it-​tixbiha u naraw kif il-​midlukin taw kas din it-​twissija.

IL-MIDLUKIN B’LIEMA MOD TAW KAS IT-TWISSIJA TAT-TIXBIHA?

7, 8. (a) Il-​verġni għaqlin għala kienu lesti? (b) Il-​midlukin kif inhuma preparati?

7 Fit-​tixbiha, Ġesù enfasizza li kuntrarju għall-​verġni boloh, il-​verġni għaqlin kienu lesti meta jiġi l-​għarus. Għala? Għax kienu preparati u għassa. L-​għaxar verġni kollha kellhom jibqgħu għassa u jżommu l-​imsiebaħ tagħhom mixgħulin tul il-​lejl kollu. Kuntrarju għall-​verġni boloh, il-​ħames verġni għaqlin kienu preparati għax minbarra li ġabu l-​imsiebaħ tagħhom ġabu wkoll iktar żejt. Il-​Kristjani midlukin leali kif ippreparaw ruħhom għall-​wasla taʼ Ġesù?

8 Il-​midlukin huma preparati u lesti li jwettqu l-​inkarigu tagħhom sat-​tmiem. Jifhmu li biex jaqdu lil Alla jridu jissagrifikaw xi kumditajiet materjali li toffri d-​dinja taʼ Satana, imma dan jagħmluh minn qalbhom. Huma determinati li jaqdu lil Ġeħova b’lealtà, mhux għax qorob it-​tmiem, imma għax iħobbuh u jħobbu lil Ibnu. Huma jżommu l-​integrità tagħhom, u ma jħallux l-​attitudnijiet materjalistiċi, immorali, u egoistiċi tad-​dinja jeffettwawhom. Bħall-​verġni għaqlin li kienu lesti bl-​imsiebaħ tagħhom, il-​midlukin ikomplu jiddu u bil-​paċenzja jibqgħu jistennew il-​wasla tal-​Għarus, anke jekk jidher li qed jiddawwar.—Filippin 2:15.

Ġesù wissa lill-​midlukin biex jibqgħu leali

9. (a) Ġesù liema twissija ta dwar li wieħed jibda jongħos? (b) Il-​midlukin kif wieġbu għall-​għajta: “Wasal l-​għarus”? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

9 Raġuni oħra għala l-​verġni għaqlin kienu lesti għall-​wasla tal-​għarus kienet għax qagħdu għassa. Imma fit-​tixbiha, l-​għaxar verġni kollha “bdew jonogħsu u raqdu” waqt li kienu qed jistennew lill-​għarus, li donnu kien qed jiddawwar. Allura, hu possibbli li Kristjani midlukin illum ‘jorqdu,’ jiġifieri, jiġu aljenati waqt li jkunu qed jistennew il-​wasla taʼ Kristu? Iva. Ġesù kien jaf li anki individwu li hu lest u ħerqan jistaʼ jsir dgħajjef u aljenat waqt li jkun qed jistennieh jiġi. Għalhekk, il-​Kristjani midlukin leali stinkaw kemm felħu biex jibqgħu għassa. B’liema mod? Fit-​tixbiha, l-​għaxar verġni kollha wieġbu għall-​għajta: “Wasal l-​għarus!” Imma l-​verġni għaqlin biss baqgħu għassa. (Mattew 25:5, 6; 26:41) Bl-​istess mod, matul l-​aħħar jiem, Kristjani midlukin leali wieġbu għall-​għajta: “Wasal l-​għarus!” Aċċettaw l-​evidenza ċara daqs il-​kristall li Ġesù wasal biex jiġi, u huma lesti għall-​wasla tiegħu. a Issa ejja neżaminaw it-​tmiem tat-​tixbiha taʼ Ġesù, li jiffoka fuq perijodu taʼ żmien speċifiku.

PREMJU GĦALL-GĦAQLIN U KASTIG GĦALL-BOLOH

10. X’għandna mnejn insaqsu dwar il-​konversazzjoni bejn il-​verġni għaqlin u l-​verġni boloh?

10 Lejn l-​aħħar tat-​tixbiha, il-​verġni boloh talbu lill-​verġni għaqlin għal ftit żejt għall-​imsiebaħ tagħhom. Imma l-​verġni għaqlin jirrifjutaw li jgħinuhom. (Aqra Mattew 25:8, 9.) Imma, il-​Kristjani midlukin leali qatt irrifjutaw li jgħinu lil xi ħadd fil-​bżonn? Tinsiex għal liema perijodu taʼ żmien qed tirreferi t-​tixbiha. Ġesù, l-​Għarus, jiġi biex jiġġudika lejn l-​aħħar tat-​tribulazzjoni l-​kbira. Għalhekk, x’aktarx li l-​konversazzjoni bejn il-​verġni għaqlin u l-​verġni boloh tirreferi għal dak li jiġri eżatt qabel it-​tmiem tat-​tribulazzjoni l-​kbira. Għala ngħidu hekk? Għax sa dak iż-​żmien, il-​midlukin se jkunu rċivew l-​aħħar immarkar bis-​siġill.

11. (a) X’se jiġri eżatt qabel il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira? (b) Il-​verġni għaqlin x’riedu jfissru meta qalu lill-​verġni boloh biex imorru jixtru ż-​żejt?

11 Allura, qabel ma tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​midlukin leali kollha fuq l-​art se jkunu rċivew l-​aħħar immarkar bis-​siġill. (Rivelazzjoni 7:1-​4) Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, mhu se jkun hemm l-​ebda dubju li se jitilgħu fis-​sema. Imma aħseb dwar is-​snin qabel it-​tribulazzjoni l-​kbira. X’se jiġri minn dawk il-​midlukin li ma jibqgħux għassa u li jsiru żleali? Mhux se jirċievu l-​aħħar immarkar bis-​siġill. Sa dak iż-​żmien, Kristjani leali oħra se jkunu ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis biex jieħdu posthom. Ladarba tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​boloh jafu jibqgħu skantati meta tinqered Babilonja l-​Kbira. Jistaʼ jkun li f’dan il-​waqt jindunaw li mhumiex lesti għall-​wasla taʼ Ġesù. F’dak il-​mument, x’se jiġri jekk jitolbu l-​għajnuna? Insibu t-​tweġiba fit-​tixbiha. Il-​verġni għaqlin irrifjutaw li jagħtu ż-​żejt tagħhom lill-​verġni boloh u minflok qalulhom biex imorru jixtru ż-​żejt. Peress li kien “nofsillejl,” ma kien hemm ħadd biex ibegħelhom iż-​żejt. Kien tard wisq.

12. (a) Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, x’se jiġri minn dawk li xi darba kienu midlukin imma li saru żleali qabel l-​aħħar immarkar bis-​siġill? (b) Ġesù kif se jwieġeb lil dawk li huma bħall-​verġni boloh?

12 Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​midlukin leali ma jistgħu jgħinu lil ħadd minn dawk li saru żleali. Se jkun tard wisq. Allura x’se jiġri minn dawk żleali? Innota x’ġara lill-​verġni boloh li marru jixtru ż-​żejt: “Wasal l-​għarus, u l-​verġni li kienu lesti daħlu miegħu għall-​festa tat-​tieġ; u l-​bieb ngħalaq.” Meta Ġesù jiġi fil-​glorja tiegħu lejn l-​aħħar tat-​tribulazzjoni l-​kbira, se jiġbor fis-​sema lill-​midlukin leali li jkun hawn fuq l-​art. (Mattew 24:31; 25:10; Ġwanni 14:1-​3; 1 Tessalonikin 4:17) Iżda, Ġesù se jiċħad lil dawk żleali. Bħall-​verġni boloh, forsi jgħidu: “Sinjur, sinjur, iftħilna!” Imma, Ġesù kif se jwiġibhom? B’sogħba, se jagħtihom l-​istess tweġiba li se jagħti lil ħafna wħud li jkunu bħal mogħoż: “Ngħidilkom il-​verità, ma nafkomx.”—Mattew 7:21-​23; 25:11, 12.

Kull Kristjan midluk irid jagħżel li jkun preparat u għassa

13. (a) Għala m’għandniex nikkonkludu li ħafna mis-​segwaċi midlukin taʼ Kristu se jsiru żleali? (b) Għala nistgħu ngħidu li t-​tixbiha taʼ Ġesù tikxef il-​fiduċja li għandu fil-​Kristjani midlukin? (Ara l-​ewwel stampa.)

13 Kien Ġesù qed jgħid li ħafna mill-​midlukin kienu se jsiru żleali u jkun hemm bżonn li xi ħadd jiħdilhom posthom? Le. F’​Mattew kapitlu 24 naqraw li Ġesù wissa lill-​ilsir leali u għaqli biex ma jsirx ilsir mill-​agħar. Dan ma jfissirx li stenna li se jiġri hekk. B’mod simili, it-​tixbiha tal-​għaxar verġni hi twissija. Sewwasew bħalma ħames verġni kienu boloh u ħamsa kienu għaqlin, hekk ukoll kull Kristjan midluk irid jagħżel li jkun preparat u għassa. Inkella, jistaʼ jsir iblah u żleali. Pawlu ta twissija simili lil ħutu rġiel u nisa midlukin. (Aqra Ebrej 6:4-​9; qabbel Dewteronomju 30:19.) Pawlu ma qagħadx idur mal-​lewża meta ta t-​twissija tiegħu, imma kellu wkoll fiduċja li ħutu rġiel u nisa kienu se jirċievu l-​premju tagħhom. It-​twissija fit-​tixbiha tal-​għaxar verġni tikxef li Ġesù kellu u għandu fiduċja simili fil-​midlukin. Hu jaf li kull wieħed u waħda mill-​qaddejja midlukin tiegħu jistaʼ jibqaʼ leali u jirċievi l-​premju meraviljuż!

IN-“NAGĦAĠ OĦRAJN” TAʼ KRISTU KIF JISTGĦU JIBBENEFIKAW?

14. Għala jistgħu jibbenefikaw anki n-​“nagħaġ oħrajn” mit-​tixbiha tal-​għaxar verġni?

14 It-​tixbiha taʼ Ġesù ngħatat lill-​Kristjani midlukin. Imma jistgħu jibbenefikaw anki n-​“nagħaġ oħrajn” mit-​tixbiha taʼ Ġesù? (Ġwanni 10:16) Iva! Il-​messaġġ tat-​tixbiha hu sempliċi: “Ibqgħu għassa.” U Ġesù darba minnhom qal: “Dak li ngħid lilkom ngħidu lil kulħadd, Ibqgħu għassa.” (Marku 13:37) Ġesù jistenna li d-​dixxipli kollha tiegħu jkunu preparati u għassa. U l-​Kristjani kollha jistgħu jimitaw l-​eżempju tajjeb tal-​midlukin, li jpoġġu l-​ministeru l-​ewwel f’ħajjithom. Ftakar li l-​verġni boloh talbu l-​verġni għaqlin għal ftit miż-​żejt tagħhom. It-​talba tagħhom ma ġietx milqugħa. Dan ifakkarna li hu f’idejn kull wieħed u waħda minna biex jibqaʼ leali lejn Alla, ikun preparat, u jibqaʼ għassa. Ħadd ma jistaʼ jagħmel dan għalina. Ilkoll irridu nagħtu kont lill-​Imħallef ġust, Ġesù Kristu, li wasal biex jiġi. Għalhekk, irridu nkunu lesti għalih!

Ħadd ma jistaʼ jkun leali jew joqgħod għassa għalina

15. Iż-​żwieġ taʼ Kristu u l-​għarusa tiegħu, għala hu eċċitanti għall-​Kristjani veri kollha?

15 Il-​Kristjani kollha huma eċċitati dwar iż-​żwieġ li jissemma fit-​tixbiha taʼ Ġesù. Fil-​futur, wara l-​gwerra t’Armageddon, il-​Kristjani midlukin se jingħaqdu maʼ Kristu fiż-​żwieġ. (Rivelazzjoni 19:7-​9) Imbagħad kulħadd fuq l-​art se jibbenefika minn dak iż-​żwieġ fis-​sema. Għala? Għax meta jiġri dan, se jkun hawn gvern perfett għal kulħadd. Kemm jekk għandna t-​tama li ngħixu għal dejjem fis-​sema u kemm jekk fuq l-​art, ejja nibqgħu determinati li nkunu preparati u nibqgħu għassa. Jekk nagħmlu dan, inkunu nistgħu ngawdu l-​futur tal-​għaġeb li Ġeħova ħejja għalina!

a Fit-​tixbiha, hemm perijodu taʼ żmien bejn l-​għajta, “Wasal l-​għarus!” (vers 6) u l-​miġja tal-​għarus (vers 10). Matul l-​aħħar jiem, il-​midlukin baqgħu għassa. Għarfu s-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù, u għalhekk jafu li qed imexxi bħala Sultan fis-​Saltna t’Alla. Xorta waħda, iridu jibqgħu għassa sa ma jiġi.