Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif l-anzjani jħarrġu lil oħrajn biex jikkwalifikaw

Kif l-anzjani jħarrġu lil oħrajn biex jikkwalifikaw

“Dak li smajt mingħandi . . . , għaddih lil nies leali.”—2 TIMOTJU 2:2.

1. (a) Il-qaddejja t’Alla x’dejjem kienu jafu dwar it-taħriġ, u dan kif japplika llum il-ġurnata? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

IN-NIES t’Alla minn dejjem kienu jafu li t-taħriġ iġib miegħu s-suċċess. Pereżempju, Abram organizza “lill-irġiel imħarrġin tiegħu,” li b’suċċess iġġieldu biex jeħilsu lil Lot. (Ġenesi 14:14-16) Xi Leviti fi żmien is-Sultan David kienu “mħarrġin” biex ikantaw għanjiet li jfaħħru lil Ġeħova. (1 Kronaki 25:7) Illum il-ġurnata, irridu niġġieldu kontra Satana u d-dinja tiegħu. (Efesin 6:11-13) Ukoll, naħdmu iebes biex infaħħru lil Ġeħova billi nitkellmu m’oħrajn dwar ismu. (Ebrej 13:15, 16) Bħall-qaddejja t’Alla fil-passat, irridu nkunu mħarrġin biex ikollna suċċess. Fil-kongregazzjoni, Ġeħova ta lill-anzjani r-responsabbiltà li jħarrġu lil oħrajn. (2 Timotju 2:2) Liema metodi użaw xi anzjani biex iħarrġu lill-aħwa rġiel ħalli jieħdu ħsieb lin-nies taʼ Ġeħova?

SAĦĦAĦ L-IMĦABBA GĦAL ĠEĦOVA TAʼ DAWK LI QED TĦARREĠ

2. Qabel ma jgħallem lil ħu abbiltajiet ġodda, anzjan x’għandu mnejn ikun irid jagħmel, u għala?

2 Anzjan jistaʼ jitqabbel maʼ ġardinar. Qabel ma jiżraʼ ż-żerriegħa, ġardinar għandu mnejn jitfaʼ n-nutrimenti fil-ħamrija ħalli l-pjanti jikbru u jkunu b’saħħithom. B’mod simili, qabel ma anzjan jgħallem lil ħu abbiltajiet ġodda, għandu mnejn ikun irid jaqsam miegħu xi prinċipji Bibliċi li se jgħinuh ikun lest biex japplika dak li jitgħallem.—1 Timotju 4:6.

3. (a) Il-kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Marku 12:29, 30 kif jistaʼ jintuża f’konversazzjoni maʼ ħu li qed jitħarreġ? (b) Talba mingħand anzjan kif tistaʼ teffettwa lil ħu li qed jitħarreġ?

3 Hu importanti li tifhem kif il-verità teffettwa l-ħsibijiet u s-sentimenti tal-ħu li qed jitħarreġ. Biex tagħmel dan, forsi tistaʼ ssaqsih kif id-dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova effettwat id-deċiżjonijiet li ħa f’ħajtu. Din il-mistoqsija tistaʼ twassal għall-konversazzjoni dwar kif nistgħu naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha. (Aqra Marku 12:29, 30.) Forsi tistaʼ saħansitra titlob mal-ħu biex Ġeħova jagħtih l-ispirtu qaddis li għandu bżonn biex jitħarreġ. Meta l-ħu jisimgħek titlob għalih, dan abbli se jqanqlu biex jagħmel iktar!

4. (a) Agħti eżempji taʼ rakkonti Bibliċi li jistgħu jgħinu lil ħu li qed jitħarreġ jagħmel progress. (b) Liema mira għandu jkollhom l-anzjani meta jħarrġu lil oħrajn?

4 Meta l-ewwel tibda tħarreġ lill-ħu, ikun tajjeb li tiddiskuti miegħu rakkonti Bibliċi li jgħinuh jara l-importanza taʼ li jkun t’għajnuna, taʼ min joqgħod fuqu, u jkun umli. (1 Slaten 19:19-21; Neħemija 7:2; 13:13; Atti 18:24-26) Dawn il-kwalitajiet huma importanti għall-ħu li qed jitħarreġ daqskemm huma importanti n-nutrimenti għall-ħamrija. Dawn se jgħinu lill-ħu jikber, jiġifieri, jagħmel progress iktar malajr. Jean-Claude, anzjan minn Franza, jgħid li l-mira tiegħu meta jħarreġ hi li jgħin lil ħu jagħmel deċiżjonijiet għaqlin ibbażati fuq prinċipji tal-Bibbja. Hu jgħid: “Infittex għall-okkażjonijiet meta nkunu nistgħu naqraw skrittura flimkien biex niftaħlu għajnejh għall-‘affarijiet taʼ l-għaġeb’ fil-Kelma t’Alla.” (Salm 119:18) X’inhuma xi modi oħra kif tistaʼ ssaħħaħ ħu li qed jitħarreġ?

ISSUĠĠERIXXI MIRI U AGĦTI RAĠUNIJIET

5. (a) Kemm hu importanti li titkellem maʼ ħu li qed jitħarreġ dwar miri fis-servizz taʼ Ġeħova? (b) L-anzjani għala għandhom iħarrġu lil dawk li għadhom żgħar? (Ara n-nota taʼ taħt.)

5 Saqsi lil ħu li qed jitħarreġ x’inhuma l-miri tiegħu fis-servizz taʼ Ġeħova. Jekk m’għandux miri, għinu jagħmel waħda li jistaʼ jilħaq. Kun entużjast waqt li tgħidlu dwar mira li kellek u dwar kemm ħassejtek ferħan meta lħaqtha. Dan il-metodu hu sempliċi imma effettiv. Victor, anzjan u pijunier fl-Afrika, jgħid: “Meta kont għadni żgħir, anzjan saqsieni ftit mistoqsijiet dwar il-miri tiegħi. Dawn il-mistoqsijiet għenuni nibda naħseb bis-serjetà dwar il-ministeru tiegħi.” Anzjani tal-esperjenza jgħidu li hu importanti li jitħarrġu l-aħwa rġiel waqt li għadhom żgħar, forsi meta jkun għad għandhom madwar 14-il sena. Tistaʼ tagħtihom xi xogħol fil-kongregazzjoni skont l-età tagħhom. Meta l-aħwa rġiel jiġu mħarrġin waqt li jkunu għadhom żgħar, dan jistaʼ jgħinhom jibqgħu ffokati fuq il-miri tagħhom anke meta jikbru u meta jkollhom ħafna xi jtellifhom.—Aqra Salm 71:5, 17. * (Ara n-nota taʼ taħt.)

Spjega lil ħu għala x-xogħol li tlabtu jagħmel hu bżonjuż, u faħħru għall-isforzi tiegħu (Ara paragrafi 5-8)

6. Liema metodu importanti uża Ġesù biex iħarreġ lil oħrajn?

6 Sabiex tqanqal lil dak li qed jitħarreġ ħalli jkollu x-xewqa li jaqdi, trid tagħmel iktar milli tgħidlu x’għandu jagħmel. Trid ukoll tispjegalu għala dan hu importanti. L-Għalliem il-Kbir, Ġesù, qal lill-appostli tiegħu biex jippritkaw. Imma l-ewwel tahom raġuni għala għandhom jobdu. Hu qal: “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art. Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” (Mattew 28:18, 19) Kif tistaʼ timita l-metodu li uża Ġesù meta kien iħarreġ?

7, 8. (a) L-anzjani llum kif jistgħu jimitaw il-mod kif Ġesù kien iħarreġ? (b) Kemm hu importanti li tfaħħar lil ħu li qed jitħarreġ? (ċ) Liema suġġerimenti jistgħu jgħinu lill-anzjani jħarrġu lil oħrajn? (Ara l-kaxxa “ Kif tħarreġ lil oħrajn.”)

7 Meta titlob lil ħu jagħmel biċċa xogħol, spjegalu mill-Bibbja għala dan ix-xogħol hu importanti. Meta tagħmel dan, tkun qed tgħallmu jagħmel l-affarijiet minħabba l-prinċipji tal-Bibbja u mhux biss minħabba r-regoli. Pereżempju, jekk issaqsi lil ħu biex iżomm l-entratura tas-Sala tas-Saltna nadifa u b’mod li ma tkunx taʼ periklu għall-aħwa, tistaʼ turih Titu 2:10. Spjegalu kif dan ix-xogħol se jsebbaħ il-messaġġ tas-Saltna. Ukoll, saqsi lil dak li qed jitħarreġ biex jaħseb fl-uħud avvanzati fl-età fil-kongregazzjoni u kif dan ix-xogħol se jkun t’għajnuna għalihom. Konversazzjoni bħal din tipprovdi taħriġ li se jgħinu jaħseb iktar fin-nies milli fir-regoli. Meta jara kif l-aħwa rġiel u nisa jibbenefikaw minn xogħlu, se jħossu tajjeb għax ikun qed jaqdi lil oħrajn.

8 Minbarra dan, kun ċert li tfaħħar lil ħu li qed jitħarreġ talli applika s-suġġerimenti tiegħek. Kemm hu importanti li tfaħħru? Bħalma l-ilma jgħin biex pjanta tikber u tkun f’saħħitha, hekk ukoll meta tfaħħar lil ħu li qed jitħarreġ, tkun qed tgħinu jagħmel progress fis-servizz tiegħu lil Ġeħova.—Qabbel Mattew 3:17.

DIFFIKULTÀ OĦRA

9. (a) Għala jistaʼ jkun diffiċli għall-anzjani f’pajjiżi sinjuri biex iħarrġu lil oħrajn? (b) Is-servizz lil Alla għala mhuwiex prijorità fil-ħajja taʼ xi aħwa rġiel żgħażagħ?

9 Anzjani f’pajjiżi sinjuri għandhom mnejn isibuha diffiċli biex iħeġġu lill-aħwa rġiel mgħammdin li għadhom żgħar ħalli jagħmlu iktar fil-kongregazzjoni. Anzjani t’esperjenza f’madwar 20 pajjiż qalulna għala jaħsbu li xi aħwa rġiel żgħażagħ iżommu lura milli jagħmlu iktar fil-kongregazzjoni. Il-biċċa l-kbira minnhom qalu li meta l-aħwa rġiel kienu iżgħar, il-ġenituri ma ħeġġewhomx biex jagħmlu miri fis-servizz taʼ Ġeħova. U meta xi aħwa rġiel riedu jagħmlu iktar, il-ġenituri tagħhom ħeġġewhom biex minflok, jagħmlu miri dwar edukazzjoni iktar għolja jew dwar karriera fid-dinja! Għalhekk, is-servizz lil Alla qatt ma ħa l-ewwel post f’ħajjithom.—Mattew 10:24.

10, 11. (a) Anzjan kif jistaʼ bil-mod il-mod jgħin lil ħu jbiddel il-mod kif jaħsibha? (b) Liema skritturi jistaʼ juża anzjan biex iqanqal lil ħu, u għala? (Ara n-nota taʼ taħt.)

10 Jekk ħu jidher li mhuwiex interessat f’li jagħmel iktar fil-kongregazzjoni, se jirrikjedi ħafna xogħol u paċenzja min-naħa tiegħek biex tbiddel il-mod kif jaħsibha, imma jistaʼ jirnexxilek tagħmel dan. Ġardinar jistaʼ jgħin biex pjanta tikber b’mod dritt billi bil-mod il-mod jiggwida z-zokk. B’mod simili, int tistaʼ bil-mod il-mod tgħin lil ħu jara li għandu bżonn ibiddel l-attitudni tiegħu u jaċċetta iktar responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Imma kif?

11 Ħu l-ħin biex issir ħabib mal-ħu. Għidlu kemm il-kongregazzjoni għandha bżonnu. Imbagħad, hekk kif jgħaddi ż-żmien, poġġi bilqiegħda u rraġuna miegħu permezz taʼ skritturi li jistgħu jgħinuh jaħseb dwar id-dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova. (Ekkleżjasti 5:4; Isaija 6:8; Mattew 6:24, 33; Luqa 9:57-62; 1 Korintin 15:58; 2 Korintin 5:15; 13:5) Ipprova ilħaqlu qalbu billi ssaqsih mistoqsijiet bħal: ‘X’wegħedt lil Ġeħova meta ddedikajt ħajtek lilu? Kif taħseb li ħassu Ġeħova meta tgħammidt?’ (Proverbji 27:11) ‘Satana kif ħassu?’ (1 Pietru 5:8) Skritturi bħal dawn jistgħu jolqtu lil ħu fil-laħam il-ħaj u tassew jistgħu jeffettwawlu qalbu.—Aqra Ebrej 4:12. * (Ara n-nota taʼ taħt.)

AĦWA RĠIEL LI QED TITĦARRĠU, URU LI INTOM LEALI

12, 13. (a) Eliżew liema attitudni wera bħala wieħed li ġie mħarreġ? (b) Ġeħova kif ippremja l-fedeltà t’Eliżew?

12 Aħwa rġiel żgħażagħ, il-kongregazzjoni għandha bżonn l-għajnuna tagħkom! Liema attitudni se tgħinkom ikollkom suċċess fis-servizz tagħkom lil Ġeħova? Biex insibu t-tweġiba, ejja niddiskutu xi ġrajjiet li seħħew fil-ħajja t’Eliżew, karattru Bibliku li wkoll ġie mħarreġ.

13 Xi 3,000 sena ilu, il-profeta Elija stieden lil Eliżew, li kien għadu żgħir, biex jgħinu f’xogħlu. Eliżew mill-ewwel aċċetta u b’fedeltà għamel xogħol għall-profeta li bniedem kburi kieku ma kienx ikun lest li jagħmlu. (2 Slaten 3:11) Elija ħarreġ lil Eliżew għal madwar sitt snin. Imbagħad, meta xogħol Elija f’Iżrael kien kważi wasal fi tmiemu, il-profeta qal lil Eliżew li setaʼ jieqaf jaqdih. Imma tliet darbiet Eliżew qal: “M’iniex se nitilqek.” Kien determinat li jibqaʼ kemm jistaʼ jkun mal-wieħed li kien ħarrġu. U Ġeħova ppremja l-lealtà u l-fedeltà t’Eliżew billi ħallieh jara lil Elija jittieħed f’riefnu.—2 Slaten 2:1-12.

14. (a) Illum il-ġurnata, dawk li jitħarrġu kif jistgħu jimitaw lil Eliżew? (b) Għala hu tant importanti li ħu li qed jitħarreġ ikun leali?

14 Bħala ħu li qed titħarreġ, kif tistaʼ timita lil Eliżew? Aċċetta inkarigi mill-ewwel, anke jekk ikunu inkarigi li mhux kulħadd jieħu pjaċir jagħmilhom. Tinsiex li dak li qed iħarrġek hu l-ħabib tiegħek. Għidlu li tapprezza dak li qed jagħmel għalik u wrieh li trid tkompli titgħallem minnu. Iktar importanti minn hekk, kun leali meta tieħu ħsieb l-inkarigu tiegħek. Għala? Għax meta turi li int leali u taʼ min joqgħod fuqek, l-anzjani jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova jrid li jkollok iktar responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni.—Salm 101:6; aqra t-2 Timotju 2:2.

IRRISPETTA ANZJANI TAL-ESPERJENZA

15, 16. (a) Eliżew b’liema modi wera li rrispetta lil dak li kien ħarrġu? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Il-profeti l-oħra għala kienu jafdaw f’Eliżew?

15 Ir-rakkont t’Eliżew juri wkoll li hu importanti li l-aħwa rġiel illum jirrispettaw anzjani tal-esperjenza. Wara li Elija u Eliżew żaru grupp taʼ profeti f’Ġeriko, iż-żewġt irġiel waslu ħdejn ix-Xmara Ġordan. Imbagħad “Elija ħa l-libsa tiegħu taʼ profeta, kebbibha, u laqat l-ilmijiet, u bil-mod il-mod dawn inferqu.” L-irġiel qasmu l-Ġordan fuq art niexfa, u baqgħu “jitkellmu huma u mexjin.” Eliżew semaʼ bir-reqqa dak kollu li qallu Elija u baqaʼ jitgħallem minnu. Eliżew qatt ma ħaseb li kien jaf kollox. Imbagħad Elija ttieħed f’riefnu, u Eliżew mar lura ħdejn ix-Xmara Ġordan. Hemmhekk, laqat l-ilmijiet bil-libsa uffiċjali t’Elija u qal: “Fejn hu Ġeħova l-Alla t’Elija?” Għal darb’oħra, l-ilmijiet tax-xmara nferqu.—2 Slaten 2:8-14.

16 Innotajt li l-ewwel miraklu t’Eliżew kien eżatt l-istess bħall-aħħar miraklu t’Elija? Dan x’jgħallimna? Eliżew ma ħassx li peress li issa hu kien qed jieħu ħsieb l-affarijiet, mela kellu jagħmel l-affarijiet differenti minn kif kien jagħmilhom Elija. Minflok, billi imita l-metodi t’Elija, Eliżew wera li rrispetta lil dak li kien ħarrġu, u dan għen lil profeti oħra jafdaw f’Eliżew. (2 Slaten 2:15) Eliżew qeda bħala profeta għal 60 sena, u Ġeħova tah il-qawwa biex iwettaq bil-wisq iktar mirakli milli kien wettaq Elija. Dan x’jgħallem lil dawk li qed jitħarrġu llum?

17. (a) Illum, l-aħwa rġiel li qed jitħarrġu kif jistgħu jimitaw l-attitudni t’Eliżew? (b) Maż-żmien, Ġeħova kif jistaʼ juża lill-aħwa leali li qed jitħarrġu?

17 Meta tirċievi iktar responsabbiltà fil-kongregazzjoni, tħossokx li għandek bżonn tagħmel l-affarijiet b’mod li hu totalment differenti mill-mod kif kienu jsiru qabel. Ftakar li jkun hemm bidliet għax ikun hemm xi bżonn fil-kongregazzjoni jew għax ikun hemm xi direzzjoni mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. M’għandekx tagħmel bidliet sempliċement għax hekk fettillek tagħmel. Billi kompla juża l-metodi t’Elija, Eliżew għen lil profeti oħra jafdaw fih u wera li rrispetta lil dak li ħarrġu. B’mod simili, jekk tkompli tuża l-metodi bbażati fuq il-Bibbja taʼ dawk li ħarrġuk, se tkun qed turi li tirrispetta lill-anzjani tal-esperjenza, u ħutek irġiel u nisa se jafdaw fik. (Aqra l-1 Korintin 4:17.) Hekk kif issir iktar t’esperjenza, se tapplika bidliet li jistgħu jgħinu l-kongregazzjoni ħalli ssegwi l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, li dejjem miexja ’l quddiem. U maż-żmien Ġeħova jistaʼ jgħinek tagħmel xogħlijiet akbar minn dawk li għamlu l-anzjani li ħarrġuk, sewwasew bħalma għen lil Eliżew.—Ġwanni 14:12.

18. Għala hu urġenti li l-aħwa rġiel fil-kongregazzjonijiet jitħarrġu?

18 Nittamaw li s-suġġerimenti f’dan l-artiklu u l-artiklu taʼ qabel iqanqlu lil iktar anzjani biex jieħdu l-ħin ħalli jħarrġu lill-aħwa rġiel. U jalla jkollna iktar aħwa rġiel li jkunu lesti li jitħarrġu u jużaw dak li jitgħallmu biex jieħdu ħsieb in-nies taʼ Ġeħova. Dan se jsaħħaħ il-kongregazzjonijiet madwar id-dinja kollha u se jgħin lil kull wieħed u waħda minna jibqaʼ leali matul iż-żminijiet eċċitanti li ġejjin.

^ par. 5 Jekk ħu żagħżugħ juri li hu matur u umli u għandu l-kwalitajiet meħtiġin biex jaqdi fil-kongregazzjoni, l-anzjani jistgħu jissuġġerixxu li jiġi maħtur bħala qaddej ministerjali anke jekk għad m’għandux 20 sena.—1 Timotju 3:8-10, 12; ara Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Mejju 2000, paġna 8.

^ par. 11 Tistaʼ tiddiskuti punti mit-Torri tal-Għassa tal-15 t’April 2012, paġni 14-16, paragrafi 8-13, u “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla,” kapitlu 16, paragrafi 1-3.