Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Barkiet “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet”

Barkiet “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet”

JIEN twelidt f’Marzu tal-1930, fir-raħal taʼ Namkumba, il-Malawi, ġo familja li kienu qaddejja leali t’Alla. Fl-1942, iddedikajt ruħi lil Ġeħova u tgħammidt f’waħda mix-xmajjar sbieħ li għandna. Għal dawn l-aħħar 70 sena, ipprovajt nagħmel dak li l-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex jagħmel, jiġifieri li ‘jippriedka l-kelma u jagħmel dan b’urġenza fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet.’—2 Timotju 4:2.

Fl-1948, Nathan H. Knorr u Milton G. Henschel ġew il-Malawi, u ż-żjara tagħhom inkuraġġietni biex naqdi lil Ġeħova full-time. Iktar tard, iltqajt maʼ Lidasi, oħt mill-aħjar, li wkoll kellha l-mira li taqdi lil Ġeħova full-time. Fl-1950 iżżewwiġna, u sal-1953 kellna żewġt itfal. Għalkemm kellna ħafna responsabbiltajiet tal-familja, iddeċidejna li nibda naqdi bħala pijunier regulari. Sentejn wara, ġejt mistieden biex naqdi bħala pijunier speċjali.

L-assembleat saħħewna għal persekuzzjoni li kien se jkollna fil-futur

Ftit wara, kelli l-privileġġ li naqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Minħabba li kelli appoġġ kbir minn Lidasi, stajt nieħu ħsieb il-bżonnijiet kollha tal-familja tagħna u stajt nibqaʼ fis-servizz full-time. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Minkejja dan, it-tnejn li aħna ridna naqdu lil Ġeħova full-time. Allura ppjanajna sew, u bil-kooperazzjoni tal-ħamest itfal tagħna, Lidasi setgħet tibda fis-servizz full-time fl-1960.

Fl-1962 ħadna pjaċir fil-konvenzjoni bit-tema “Ministri kuraġġużi.” Sena wara, Ħuna Henschel żar il-Malawi għall-konvenzjoni speċjali li saret viċin il-belt taʼ Blantyre. Iktar minn 10,000 attendew dik il-konvenzjoni. Meta naħseb dwar dawk il-programmi speċjali, nirrealizza kemm dawn ippreparaw u saħħew l-aħwa kollha fil-Malawi għaż-żmien taʼ inkwiet li kellna niffaċċjaw ftit wara.

JIBDA ŻMIEN TAʼ INKWIET

Il-gvern ipprojbixxa x-xogħol tagħna u ħa taħt idejh il-proprjetà tal-fergħa

Fl-1964, ix-Xhieda ġew ippersegwitati minħabba li rrifjutaw li jipparteċipaw f’attivitajiet politiċi. Minħabba f’hekk, iktar minn 100 Sala tas-Saltna u iktar minn 1,000 dar tal-aħwa ġew meqrudin. Jien u Lidasi komplejna fl-inkarigu tagħna sakemm il-gvern ipprojbixxa lix-Xhieda fl-1967. Il-gvern ħa taħt idejh il-proprjetà tal-fergħa, sforza lill-missjunarji jitilqu mill-pajjiż, u tefaʼ ħafna Xhieda fil-ħabs, inkluż jien u Lidasi. Meta ġejna meħlusin mill-ħabs, aħna komplejna bix-xogħol tagħna imma qgħadna attenti ħafna kif nagħmlu dan.

Darba minnhom, f’Ottubru tal-1972, membri taʼ grupp politiku estrem (Malawi Youth League) kienu ġejjin għalina. Imma wieħed mill-membri tagħhom ġera iktar ’il quddiem mill-oħrajn biex jgħidli ninħeba għax kien beħsiebhom joqtluni. Jien għedt lil marti u t-tfal biex jinħbew fis-siġar tal-banana fil-viċin. Imbagħad tlaqt u tlajt maʼ siġra kbira tal-mangu. Minn hemmhekk, rajthom ikissru d-dar tagħna u kulma kellna.

Minħabba li l-aħwa ma involvewx ruħhom fil-politika, id-djar tagħhom ġew maħruqa

Hekk kif il-persekuzzjoni żdiedet, eluf taʼ Xhieda telqu mill-Malawi. Aħna qgħadna ġo kamp tar-refuġjati fil-Możambik sa Ġunju tal-1974. F’dak ix-xahar, jien u Lidasi ġejna mitluba biex naqdu bħala pijunieri speċjali f’Dómue, il-Możambik. Aħna komplejna naqdu bħala pijunieri sal-1975 meta ġejna sforzati nitilqu mill-Możambik u mmorru lura l-Malawi, fejn ix-Xhieda kienu għadhom qed jiġu ppersegwitati.

Wara li morna lura, ġejt inkarigat biex inżur il-kongregazzjonijiet flimkien maʼ marti fil-belt kapitali, Lilongwe. Minkejja l-persekuzzjoni u d-diffikultajiet kollha, żdied l-ammont taʼ kongregazzjonijiet fl-inħawi li konna qed inżuru.

L-APPOĠĠ BI MĦABBA TAʼ ĠEĦOVA

Darba minnhom, wasalna f’raħal fejn kien hemm laqgħa politika għaddejja. Xi wħud saru jafu li konna Xhieda u ġegħluna npoġġu maʼ grupp politiku (Malawi Young Pioneers). Tlabna bil-ħrara lil Ġeħova għall-għajnuna u d-direzzjoni. Meta spiċċat il-laqgħa, bdew isawtuna. F’daqqa waħda, mara akbar minna fl-età ġiet tiġri u tgħajjat: “Jekk jogħġobkom, ħalluhom bi kwiethom lil dawn! Dan ir-raġel jiġi t-tifel taʼ ħija. Ħalluh jitlaq!” L-individwu li kien qed jieħu ħsieb il-laqgħa qal: “Ħalluhom imorru!” Ma nafux għala din il-mara qalet dak li qalet, għax din lanqas biss kienet tiġi minna. Aħna nemmnu li Ġeħova semaʼ talbna.

Biljett tal-partit politiku

Fl-1981, il-membri taʼ dan il-grupp politiku reġgħu sabuna. Din id-darba ħadulna r-roti, il-bagalji, u l-kotba, u kif ukoll dokumenti importanti dwar il-kongregazzjonijiet li konna qed inżuru. Aħna ħrabna u ġrejna lejn id-dar t’anzjan. Madankollu, aħna konna inkwetati dwar l-informazzjoni li kien hemm fid-dokumenti. Meta dawn il-membri raw id-dokumenti, sabu ittri li l-aħwa kienu bagħtuli mill-Malawi kollu. Dan beżżagħhom għax ħasbu li kont xi uffiċjal tal-gvern importanti. Allura mill-ewwel taw lura d-dokumenti kollha lill-anzjani lokali.

Darba minnhom, konna qed naqsmu xmara b’dgħajsa. Sid id-dgħajsa kien mexxej politiku, u ried jara l-biljetti tal-partit politiku taʼ kull min kien fid-dgħajsa. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Hekk kif kien qed joqrob lejna, induna b’ħalliel li l-pulizija kienu qed ifittxu. Qamet konfużjoni sħiħa, u s-sid waqaf milli jiċċekkja l-biljetti tal-partit politiku. Għal darb’oħra, ħassejna l-appoġġ bi mħabba taʼ Ġeħova.

ARRESTAT U MITFUGĦ IL-ĦABS

Fi Frar tal-1984, kont fi triqti lejn Lilongwe biex inwassal rapporti għall-uffiċċju tal-fergħa fiz-Zambja. Pulizija waqqafni u fittixli fil-basket. Hu sab xi letteratura Biblika, u allura ħadni l-għassa tal-pulizija u beda jsawwatni. Imbagħad, rabatni bi ħbula u tefagħni f’kamra maʼ priġunieri li kienu ħallelin.

L-għada, il-kap tal-pulizija ħadni f’kamra oħra u riedni niffirma karta li kienet tgħid: “Jien, Trophim R. Nsomba, waqaft milli nkun Xhud taʼ Ġeħova biex ninħeles.” Jien irrifjutajt li niffirma, u għedtlu: “Jien mhux biss lest li nintrabat imma wkoll li mmut. Jien għadni Xhud taʼ Ġeħova.” Peress li rrabjajt lill-kap, hu sabbat fuq il-mejda b’tant qawwa li l-pulizija li kien fil-kamra taʼ ħdejna ġie jiġri biex jara x’kien ġara. Il-kap qallu: “Dan ir-raġel qed jirrifjuta li jiffirma li jieqaf jipprietka. Allura, ħallih jiffirma li hu wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u mbagħad nibagħtuh Lilongwe biex ikun marbut hemm.” Sadattant, marti ma kinitx taf fejn kont. Erbat ijiem wara, xi aħwa rġiel fl-aħħar setgħu jgħidulha x’kien ġara minni.

Fl-għassa taʼ Lilongwe, il-pulizija ttrattawni tajjeb. Il-kap tal-pulizija qal: “Ħu dan il-platt ross għax int ġejt marbut minħabba l-Kelma t’Alla. In-nies l-oħra t’hawn huma ħallelin.” Imbagħad bagħatni l-Ħabs taʼ Kachere, u żammewni hemm għal ħames xhur.

Il-gwardjan taʼ dak il-ħabs kien kuntent li ntbgħatt hemm għax riedni nkun il-“qassis” tal-ħabs. Hu neħħa l-qassis li kien hemm qabli, u qallu: “Ma rridekx terġaʼ tgħallem il-Kelma t’Alla hawn, għax lilek tefgħuk il-ħabs minħabba li sraqt mill-knisja tiegħek!” Allura kull ġimgħa għallimt il-Bibbja f’forma taʼ laqgħat għall-priġunieri.

Iktar tard, l-affarijiet iggravaw. Uffiċjali tal-ħabs interrogawni għax riedu jkunu jafu kemm hemm Xhieda fil-Malawi. Ma wiġibthomx kif xtaqu huma, u allura sawtuni sakemm intlift minn sensija. Darb’oħra riedu jkunu jafu fejn huma l-kwartieri ġenerali tagħna. Jien għedt, “Intom saqsejtuni mistoqsija sempliċi, u jien se nwiġibkom.” Għedtilhom li l-kwartieri ġenerali tagħna huma deskritti fil-Bibbja. Kienu sorpriżi u saqsew, “Fejn fil-Bibbja?”

“F’Isaija 43:12,” għedtilhom jien. Fittxewha u qrawha b’attenzjoni: “‘Intom ix-xhieda tiegħi,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u jien Alla.’” Huma qraw din l-iskrittura tliet darbiet. Imbagħad saqsew: “Kif jistaʼ jkun li l-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova jkunu hawn fil-Bibbja u mhux fl-Amerika?” Jien għedtilhom: “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Amerika wkoll iqisu din l-iskrittura bħala li tiddeskrivi l-kwartieri ġenerali tagħhom.” Minħabba li ma ridtx ngħidilhom dak li riedu jisimgħu, intbgħatt fil-Ħabs taʼ Dzaleka, fit-Tramuntana taʼ Lilongwe.

BARKIET SAĦANSITRA FI ŻMIEN TAʼ INKWIET

Meta wasalt fil-Ħabs taʼ Dzaleka f’Lulju tal-1984, diġà kien hemm 81 Xhud. Dan il-ħabs tant kien mimli bin-nies li 300 priġunier kellhom jorqdu mal-art imrekknin ħdejn xulxin. Maż-żmien, ix-Xhieda kollha setgħu jiltaqgħu fi gruppi żgħar biex jiddiskutu skrittura kuljum, u dan inkuraġġiena ħafna.

Aħwa qed jittieħdu l-ħabs wara li lestew mill-qorti

F’Ottubru tal-1984, ilkoll kemm aħna kellna nidhru quddiem il-qorti u ġejna kkundannati sentejn ħabs. Bħal qabel, erġajna spiċċajna maʼ priġunieri mhux Xhieda. Imma l-gwardjan tal-ħabs qal lil kulħadd: “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jpejpux sigaretti. Allura għassiesa, iddejquhomx billi toqogħdu titolbuhom is-sigaretti u tibagħtuhomx jiġbru biċċiet tal-faħam biex tqabbdu s-sigarett tagħkom. Huma n-nies t’Alla! Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kollha għandu jingħatalhom żewġ ikliet kuljum, ladarba dawn mhumiex hawn minħabba xi kriminalità imma minħabba t-twemmin li għandhom fuq il-Bibbja.”

Kien hemm iktar benefiċċji minħabba l-kondotta tajba tagħna. Meta t-temp kien ikun imdallam jew bix-xita, l-għassiesa ma kinux iħallu l-priġunieri joħorġu barra. Imma lilna kienu jħalluna noħorġu mill-bini għax kienu jafdawna u kienu jafu li ma konniex se nipprovaw naħarbu. Pereżempju, darba konna qed naħdmu barra fl-għelieqi u għassies beda jħossu ma jiflaħx sew. Allura ġarrejnieh lura l-ħabs. Minħabba li komplejna nuru kondotta tajba, stajna naraw isem Ġeħova jiġi mfaħħar mill-għassiesa.—1 Pietru 2:12. * (Ara n-nota taʼ taħt.)

REĠAʼ GĦANDNA ŻMIEN FAVOREVOLI

Fil-11 taʼ Mejju tal-1985, ġejt meħlus mill-Ħabs taʼ Dzaleka u kont ferħan lura mal-familja tiegħi! Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova talli għenna nżommu l-integrità lejh matul dawk iż-żminijiet diffiċli. Aħna nħossuna bħall-appostlu Pawlu meta kiteb: “Ma nixtiqukomx ma tkunux tafu bit-tribulazzjoni li ġarrabna . . . Lanqas saħansitra minn ħajjitna ma konna ċerti. Fil-fatt, ġo fina ħassejna li konna ngħatajna s-sentenza tal-mewt. Dan kien biex il-fiduċja tagħna ma tkunx fina nfusna, imma fl-Alla li jqajjem il-mejtin. Minn ħaġa daqstant kbira bħalma hi l-mewt ħelisna.”—2 Korintin 1:8-10.

Ħuna Nsomba u martu, Lidasi, quddiem Sala tas-Saltna, fl-2004

Kultant kien qisu mhux se jirnexxilna nibqgħu ħajjin. Imma dejjem tlabna lil Ġeħova biex jagħtina kuraġġ, għerf, u umiltà ħalli nkomplu nġibu glorja lill-ismu l-kbir.

Ġeħova bierek is-servizz tagħna għalih “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet.” Illum, aħna kuntenti ħafna li għandna uffiċċju tal-fergħa ġdid mill-isbaħ f’Lilongwe u iktar minn 1,000 Sala tas-Saltna ġdida fil-Malawi! Dawn il-barkiet minn Ġeħova tant huma sbieħ għalija u għal Lidasi li donnhom jidhru bħal ħolma! *—Ara n-nota taʼ taħt.

^ par. 6 Aħwa rġiel li għandhom tfal żgħar fid-dar m’għadhomx jiġu mistiedna biex jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet.

^ par. 16 Dan il-biljett juri li l-individwu jappoġġa l-partit politiku li qed imexxi.

^ par. 27 Għal iktar informazzjoni dwar il-persekuzzjoni fil-Malawi, ara n-1999 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 171-223.

^ par. 31 Matul il-preparamenti taʼ dan l-artiklu, Ħuna Nsomba miet fl-età taʼ 83 sena.