Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dejjem afda f’Ġeħova!

Dejjem afda f’Ġeħova!

“Afda fih dejjem, O poplu.”—SALM 62:8.

1-3. Pawlu għala kien konvint li setaʼ jafda f’Ġeħova? (Ara l-ewwel stampa.)

KIEKU kont Kristjan f’Ruma fl-ewwel seklu, kieku kont tkun qed tgħix fi żminijiet diffiċli. Il-Kristjani kienu qed jiġu ppersegwitati bl-aħrax mir-Rumani. Meta Ruma ngħatat in-nar, ir-Rumani waħħlu fil-Kristjani u akkużawhom li kienu jobogħdu lin-nies. Ħafna minn ħutek irġiel u nisa Kristjani kienu qed jiġu arrestati. Xi wħud ġew imbiċċrin mill-annimali. Oħrajn ġew imsammrin m’arblu mir-Rumani stess, u mbagħad ħarquhom ħajjin biex jagħmlu d-dawl bihom billejl. Kuljum kien jgħaddilek minn moħħok li jistaʼ jiġrilek xi waħda minn dawn.

2 Matul dan iż-żmien diffiċli ħafna, l-appostlu Pawl kien mitfugħ il-ħabs. Jistaʼ jkun li ħaseb jekk ħutu l-Kristjani kinux se jgħinuh minħabba li ftakar li ma kien għenu ħadd f’sitwazzjoni li kellu qabel. Imma Pawlu kien irċieva għajnuna minn Ġeħova permezz tal-Mulej Ġesù. Hu qal: “Il-Mulej qagħad ħdejja u mlieni bil-qawwa.” Ġesù ta lil Pawlu l-qawwa li kellu bżonn. Imma kemm kienet prattika din l-għajnuna? Innota x’kien ir-riżultat: “Jien inħlist minn ħalq l-iljun.”—2 Timotju 4:16, 17. * (Ara n-nota taʼ taħt.)

3 Pawlu ftakar kif Ġeħova kien għenu fil-passat. Allura, kien konvint li Ġeħova kien se jagħtih is-saħħa li kellu bżonn biex jissaporti s-sitwazzjoni li kien fiha, u kif ukoll kwalunkwe prova li kienet għad trid tiġi. Tant kien ċert minn dan, li kiteb: “Il-Mulej jeħlisni minn kull għemil ħażin.” (2 Timotju 4:18) Pawlu kien tgħallem li anki f’sitwazzjonijiet meta l-aħwa ma setgħux jgħinuh, hu dejjem setaʼ jafda fl-għajnuna taʼ Ġeħova u Ġesù. Lanqas l-iċken dubju ma kellu dwar dan.

OPPORTUNITAJIET BIEX NAFDAW F’ĠEĦOVA

4, 5. (a) Min dejjem jistaʼ jagħtik l-għajnuna li jkollok bżonn? (b) Kif tistaʼ tagħmel ir-relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova iktar b’saħħitha?

4 Ġieli kellek problema diffiċli u ħassejtek waħdek, bla ma kellek lil ħadd biex jagħtik daqqa t’id? Forsi spiċċajt bla xogħol jew kellek pressjoni l-iskola. Forsi kont ma tiflaħx sew jew kellek xi prova diffiċli oħra. Għandu mnejn tlabt l-għajnuna taʼ nies oħra imma ħriġt diżappuntat għax ma tawkx l-għajnuna li kellek bżonn. Ovvjament, xi problemi huma impossibbli għal bniedem biex isolvihom. X’se tagħmel f’dak il-każ? Il-Bibbja tgħidilna biex ‘nafdaw f’Ġeħova.’ (Proverbji 3:5, 6) Imma tistaʼ tkun ċert li se jgħinek? Iva! Nistgħu naqraw dwar ħafna eżempji mill-Bibbja li jikkonvinċuna li Ġeħova verament jgħin lill-poplu tiegħu.

Prova tagħtina l-opportunità biex nafdaw f’Ġeħova b’għajnejna magħluqa

5 Tħossokx irrabjat meta n-nies ma jagħtux l-għajnuna li jkollok bżonn. Minflok, bħal Pawlu, aħseb dwar il-prova bħala opportunità biex tafda lil Ġeħova b’għajnejk magħluqa. Hija opportunità wkoll li tara f’ħajtek stess kif hu jieħu ħsiebek. Imbagħad, il-fiduċja f’Ġeħova u r-relazzjoni li għandek miegħu se jkunu iktar b’saħħithom.

HEMM BŻONN LI NAFDAW F’ĠEĦOVA

6. Għala għandu mnejn ma jkunx faċli li nafdaw lil Ġeħova meta jkollna problema diffiċli?

6 Forsi għandek problema diffiċli li qed tinkwetak. Int għamilt kulma stajt dwar is-sitwazzjoni, u tlabt lil Ġeħova għall-għajnuna. Tistaʼ issa sserraħ rasek għax qed tafda li se jgħinek? Iva tistaʼ! (Aqra Salm 62:8; 1 Pietru 5:7.) Jekk trid li jkollok relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, hu importanti li titgħallem tafdah. Imma li tagħmel dan ma jkunx dejjem faċli. Għala? Waħda mir-raġunijiet hi minħabba li Ġeħova mhux bilfors iwieġeb it-talb tiegħek mill-ewwel.—Salm 13:1, 2; 74:10; 89:46; 90:13; Ħabakkuk 1:2.

Ġeħova, Missierna tas-sema, iħobbna u jaf x’għandna bżonn

7. Ġeħova għala mhux dejjem iwieġeb it-talb tagħna mill-ewwel?

7 Ġeħova għala mhux dejjem iwieġeb it-talb tagħna mill-ewwel? Il-Bibbja tgħid li Ġeħova hu Missierna u li aħna wliedu. (Salm 103:13) Missier uman lil ibnu ma jagħtihx kulma jitolbu u lanqas ma jagħtih kulma jrid mill-ewwel. Missier jaf li t-tfal għandhom mnejn ikunu jridu xi ħaġa dak il-ħin stess u mbagħad ma jkunux iriduha iktar. Missier jaf ukoll x’inhu l-aħjar għal ibnu, u jaf kif din il-ħaġa tistaʼ teffettwa lil oħrajn. Hu jaf x’għandu bżonn it-tifel u meta għandu jagħtihielu. Jekk il-missier jagħti lil ibnu kulma jitolbu mill-ewwel, il-missier jispiċċa l-qaddej t’ibnu. Ġeħova, Missierna tas-sema, iħobbna. Bħala l-Ħallieq għaref tagħna, hu jaf x’għandna bżonn u hu jiddeċiedi meta jkun l-aħjar biex jagħtina dak li nitolbuh. Ikun għall-ġid tagħna li nistennew u naraw kif Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna.—Qabbel Isaija 29:16; 45:9.

8. Ġeħova xi jwiegħed dwar meta jkollna l-provi?

8 Ftakar ukoll, li Ġeħova jaf x’tiflaħ u x’ma tiflaħx tissaporti kull persuna. (Salm 103:14) Għaldaqstant, hu jagħtina s-saħħa li għandna bżonn. Veru, kultant għandu mnejn inħossu li ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Iżda Ġeħova jwiegħed li se ‘jiftħilna t-triq’ jekk prova ssir diffiċli wisq għalina biex nissaportuha. (Aqra l-1 Korintin 10:13.) Aħna nafu li Ġeħova jaf sew x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna u nafu li mhux se jitlob minna iktar milli nifilħu. Dan hu sors taʼ faraġ għalina.

9. X’għandna nagħmlu jekk nitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova imma hu ma jwiġibniex mill-ewwel?

9 Jekk nitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova u hu ma jwiġibniex mill-ewwel, ikun tajjeb li nkunu paċenzjużi. Ftakar li Ġeħova hu ħerqan li jgħinna, imma hu jistenna bil-paċenzja kollha l-aħjar ħin biex jagħtina dak li għandna bżonn. Il-Bibbja tgħidilna: “Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom qalb tajba, u għaldaqstant se jqum biex jurikom ħniena. Għax Ġeħova hu Alla taʼ ġudizzju. Henjin dawk kollha li jibqgħu jistennewh.”—Isaija 30:18.

“ĦALQ L-ILJUN”

10. Meta nkunu għaddejjin minn provi kbar, x’għandna nagħmlu?

10 Is-sitwazzjoni tiegħek tistaʼ tkun tant diffiċli għalik li tħossok bħal Pawlu u li jkollok bżonn tinħeles minn “ħalq l-iljun.” (2 Timotju 4:17) Matul żminijiet bħal dawn, ikun importanti ħafna li tafda f’Ġeħova. Pereżempju, forsi qed tieħu ħsieb membru tal-familja li hu marid serjament. Probabbilment int tlabt lil Ġeħova biex jgħinek tieħu deċiżjonijiet tajbin u biex tkun b’saħħtek. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Ladarba għamilt dak li stajt f’dan ir-rigward, issa tistaʼ tħoss xi ftit tas-serħan meta tiftakar li Ġeħova jara u jifhem lilek u s-sitwazzjoni tiegħek. Hu se jgħinek tissaporti u tkun leali lejh.—Salm 32:8.

Jistaʼ jkollok fiduċja li Missierek tas-sema se jagħtik is-saħħa biex tobdih b’lealtà

11, 12. (a) X’għandu mnejn jagħmilha diffiċli biex tieħu ħsieb membru tal-familja marid? (b) Meta tafda f’Ġeħova fi żminijiet diffiċli, dan kif se jeffettwa r-relazzjoni li għandek miegħu? Agħti eżempju.

11 Kultant għandu mnejn tħoss li Ġeħova mhux jgħinek. Forsi t-tobba mhumiex qed jaqblu bejniethom dwar x’għandu jsir. Jew kont qed tittama li l-qraba se jfarrġuk, imma minflok donnhom qed jagħmlu l-affarijiet agħar milli huma. Dejjem strieħ fuq Ġeħova biex jagħtik is-saħħa. Ibqaʼ ersaq qrib tiegħu. (Aqra l-1 Samwel 30:3, 6.) Iktar tard, meta tirrealizza kif Ġeħova għenek, ir-relazzjoni li għandek miegħu tkun iktar b’saħħitha.

12 Hekk ħassitha Linda. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Il-ġenituri tagħha kienu morda u hi qattgħet xi ftit tas-snin tieħu ħsiebhom sakemm mietu. Hi tgħid: “Meta konna fis-sitwazzjoni, żewġi, ħija, u jien stess sibnieha diffiċli biex inkunu nafu x’għandna nagħmlu. Kultant ma konniex nafu fejn se naqbdu nagħtu rasna. Però, meta nħarsu lura, naraw iktar ċar kemm Ġeħova wera li kien magħna. Hu saħħaħna u pprovdielna eżattament dak li kellna bżonn, anki meta ħassejna li konna ġejna darna mal-ħajt.”

13. Il-fatt li Rhonda fdat f’Ġeħova, kif għenha tkampa maʼ traġedja wara l-oħra?

13 Il-fiduċja sħiħa tagħna f’Ġeħova se tgħinna wkoll meta niffaċċjaw traġedji. Issa ejjew naraw x’esperjenzat Rhonda. Żewġha, li mhuwiex Xhud taʼ Ġeħova, ried jiddivorzjaha. Matul dan iż-żmien, ħuha sar jaf li għandu marda serja ħafna li jisimha lupus, marda li teffettwa s-sistema tal-immunità. Imbagħad, ftit tax-xhur wara, mietet il-mara taʼ ħuha. Meta Rhonda bdiet tirkupra mix-xokk taʼ dawn il-ġrajjiet, bdiet taqdi bħala pijuniera regulari. Imma mbagħad mietet ommha. Rhonda kif setgħet tkampa maʼ dawn it-traġedji? Hi tgħid: “Ikkomunikajt maʼ Ġeħova kuljum, anki dwar affarijiet żgħar. Billi għamilt hekk ġegħelni nħoss li Ġeħova hu reali għalija. Dan għallimni nistrieħ fuqu u mhux fuqi jew fuq xi ħadd ieħor. U verament għenni—tani kulma kelli bżonn. B’hekk, esperjenzajt li naħdem id f’id maʼ Ġeħova.”

Anki sitwazzjonijiet fil-familja tiegħek jistgħu jgħaddulek minn prova r-relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova (Ara paragrafi 14-16)

14. Ġeħova kif jistaʼ jgħinek jekk xi ħadd minn tal-familja jiġi maqtugħ mis-sħubija?

14 Aħseb dwar sitwazzjoni diffiċli oħra. Forsi xi ħadd minn tal-familja ġie maqtugħ mis-sħubija. Int taf x’tgħid il-Bibbja dwar kif għandek tittratta wħud li jiġu maqtugħin mis-sħubija. (1 Korintin 5:11; 2 Ġwanni 10) Imma peress li int tħobb lil dan l-individwu, forsi tħoss li hu diffiċli ħafna jew saħansitra impossibbli li tobdi l-kmand tal-Bibbja. Għandek int fiduċja li Missierek tas-sema se jagħtik is-saħħa biex tobdih b’lealtà? Se tqis din is-sitwazzjoni bħala opportunità biex tersaq eqreb lejn Ġeħova?

15. Adam għala m’obdiex lil Ġeħova?

15 Dan kif jistaʼ jiġi mqabbel mas-sitwazzjoni tal-ewwel bniedem, Adam? Ħaseb li setaʼ ma jobdix lil Ġeħova u jibqaʼ jgħix? Le, Adam “ma ġiex imqarraq.” (1 Timotju 2:14) Allura għala m’obdiex lil Ġeħova? Adam kiel il-frotta li martu tatu għax ħabb lil martu iktar milli ħabb lil Ġeħova. Hu semaʼ minn martu flok mill-kmand taʼ Ġeħova.—Ġenesi 3:6, 17.

16. Lil min għandna nħobbu l-iktar, u għala?

16 Id-deċiżjoni t’Adam tgħallimna li għandna nħobbu lil Ġeħova iktar milli nħobbu lil ħaddieħor. (Aqra Mattew 22:37, 38.) U meta l-imħabba tagħna għal Ġeħova tkun daqstant b’saħħitha, inkunu nistgħu ngħinu l-qraba tagħna bl-aħjar mod, kemm jekk qed jaqdu lil Ġeħova u kemm jekk le. Għaldaqstant, ibqaʼ saħħaħ l-imħabba li għandek għal Ġeħova u l-fiduċja li għandek fih. Jekk int inkwetat dwar membru tal-familja li ġie maqtugħ mis-sħubija, itlob lil Ġeħova u għidlu kulma qed tħoss. * (Ara n-nota taʼ taħt.) (Rumani 12:12; Filippin 4:6, 7) Anki jekk qed tbati ħafna wġigħ emozzjonali, qis din is-sitwazzjoni bħala opportunità biex issaħħaħ ir-relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova. Imbagħad se tkun tistaʼ tafdah u taf li meta tobdih, dan se jġib l-aħjar riżultat possibbli.

WAQT LI NISTENNEW

Uri lil Ġeħova li int tafdah billi żżomm ruħek okkupat fix-xogħol tal-ippritkar (Ara paragrafu 17)

17. Jekk inżommu ruħna okkupati fix-xogħol tal-ippritkar, x’nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jagħmel?

17 Ġeħova għala salva lil Pawlu minn “ħalq l-iljun”? Pawlu jgħid: “Biex permezz tiegħi l-ippridkar jitwettaq bis-sħiħ.” (2 Timotju 4:17) Ġeħova tana wkoll ix-xogħol tal-ippritkar tal-“aħbar tajba,” u hu jsejħilna ‘ħaddiema sħabu.’ (1 Tessalonikin 2:4; 1 Korintin 3:9) Jekk inżommu ruħna okkupati kemm jistaʼ jkun f’dan ix-xogħol, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jagħtina kulma għandna bżonn. (Mattew 6:33) U se jkun eħfef għalina biex nistennew lil Ġeħova ħalli jwiġbilna t-talb.

18. Kif tistaʼ tkabbar il-fiduċja f’Ġeħova u ssaħħaħ ir-relazzjoni li għandek miegħu?

18 Allura, agħmel ċert li kuljum issaħħaħ ir-relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova. Meta tħabbat wiċċek maʼ prova u ssir ansjuż, qis dan bħala opportunità biex tersaq eqreb lejn Ġeħova. Aqra, studja, u mmedita dwar il-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Ibqaʼ itlob lil Ġeħova u ibqaʼ okkupat f’li taqdih. Jekk tagħmel dawn l-affarijiet, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jgħinek tissaporti l-provi kollha issa u kwalunkwe prova li jistaʼ jkollok fil-futur.

^ par. 2 Jistaʼ jkun li Pawlu nħeles minn iljuni taʼ vera jew minn xi sitwazzjoni perikoluża oħra.

^ par. 10 Ġew ippubblikati artikli biex jgħinu lil Kristjani jkampaw mal-mard tagħhom u biex jgħinu lil dawk li qed jieħdu ħsiebhom. Ara Stenbaħ! bl-Ingliż tat-8 taʼ Frar 1994; tat-8 taʼ Frar 1997; tat-22 taʼ Mejju 2000; u tat-22 taʼ Jannar 2001.

^ par. 12 L-ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 16 Ġew ippubblikati artikli biex jgħinuna meta membru tal-familja jitlaq lil Ġeħova. Ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Settembru 2006, paġni 17-21, u tal-15 taʼ Jannar 2007, paġni 17-20.