SIĠRA taż-żebbuġ li hi mgħawġa taf ma tantx tidher impressjonanti meta mqabbla maʼ siġra mill-isbaħ taċ-ċedru tal-Libanu. Imma s-siġar taż-żebbuġ għandhom l-abbiltà tal-għaġeb li jibqgħu jgħixu minkejja kundizzjonijiet diffiċli. Xi ftit minnhom ilhom ħajjin iktar minn 1,000 sena. L-għeruq tas-siġra taż-żebbuġ jinżlu ’l isfel fil-fond tal-ħamrija, u s-siġra tistaʼ terġaʼ tikber anke jekk iz-zokk jitqaċċat. Jekk l-għeruq għadhom ħajjin, mela tistaʼ terġaʼ tikber.
Ir-raġel leali Ġob kien fiduċjuż li anke jekk imut, kien se jerġaʼ jgħix. (Ġob 14:13-15) Hu uża l-eżempju taʼ siġra, jistaʼ jkun is-siġra taż-żebbuġ, biex juri kemm kien fiduċjuż fl-abbiltà t’Alla li jirxoxtah. Ġob qal: “Hemm tama saħansitra għal siġra. Jekk tinqataʼ, terġaʼ tarmi.” Meta tagħmel ix-xita wara żmien taʼ nixfa, iz-zokk niexef tas-siġra taż-żebbuġ jistaʼ jerġaʼ jieħu l-ħajja u jipproduċi “fergħa bħal xitla ġdida.”—Ġob 14:7-9.
Bħalma bidwi jkun ħerqan li jara siġra taż-żebbuġ li ġiet maqtugħa terġaʼ tikber, hekk ukoll Alla Ġeħova hu ħerqan li jirxoxta lill-qaddejja tiegħu u lil ħafna wħud oħra. (Mattew 22:31, 32; Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15) Immaġina ftit kemm se nifirħu meta nilqgħu lura l-mejtin u nerġgħu narawhom ħajjin magħna!