Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Min hu Gog taʼ Magog li jissemma fil-ktieb t’Eżekjel?

Għal ħafna snin, il-pubblikazzjonijiet tagħna spjegaw li l-isem Gog taʼ Magog jirreferi għal Satana wara li twaddab għal isfel mis-sema. Għala? Għax il-ktieb tar-Rivelazzjoni juri li Satana hu dak li jmexxi l-attakk globali kontra l-poplu t’Alla. (Rivelazzjoni 12:1-17) Għalhekk, ħsibna li Gog bilfors li hu isem ieħor għal Satana.

Imma kien hemm xi problemi b’din l-ispjegazzjoni. Aħseb dwar dan: Meta jitkellem dwar il-qerda taʼ Gog, Ġeħova qal li Gog kien se jingħata “bħala ikel lill-għasafar tal-priża, l-għasafar b’kull xorta taʼ ġwienaħ, u l-bhejjem salvaġġi tar-rabaʼ.” (Eżekjel 39:4) Imbagħad Ġeħova żied: “Irid iseħħ dakinhar li nagħti lil Gog post hemmhekk, post taʼ dfin f’Israel.” (Eżekjel 39:11) Imma Satana, li hu ħliqa spirtu inviżibbli, kif setaʼ jittiekel mill-għasafar u l-bhejjem salvaġġi? Kif setaʼ jiġi midfun hawn fuq l-art? Il-Bibbja turi b’mod ċar li Satana se jiġi mixħut fl-abbiss għal 1,000 sena. Mhux se jittiekel jew jiġi midfun.—Rivelazzjoni 20:1, 2.

Il-Bibbja tgħid li fit-tmiem tal-1,000 sena, Satana se jiġi meħlus mill-abbiss u se “joħroġ biex iqarraq b’dawk il-ġnus fl-erbaʼ rokniet taʼ l-art, Gog u Magog, biex jiġborhom għall-gwerra.” (Rivelazzjoni 20:8) Imma jekk Satana hu Gog, dan ifisser li Satana se jkollu jqarraq bih innifsu. Għalhekk, “Gog” ma jirreferix għal Satana, la fil-ktieb t’Eżekjel u lanqas fil-ktieb tar-Rivelazzjoni.

Allura min hu Gog taʼ Magog? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, għandna bżonn infittxu fil-Bibbja ħalli nsiru nafu min se jattakka l-poplu t’Alla. Il-Bibbja ssemmi l-attakk taʼ ‘Gog taʼ Magog,’ l-attakk tas-“sultan tat-tramuntana,” u l-attakk tas-“slaten taʼ l-art.” (Eżekjel 38:2, 10-13; Danjel 11:40, 44, 45; Rivelazzjoni 17:14; 19:19) Huma dawn attakki differenti? Wisq probabbli le. Jidher li l-Bibbja qed tuża ismijiet differenti biex tiddeskrivi l-istess attakk. Għala ngħidu hekk? Għax il-Bibbja tgħidilna li l-ġnus kollha tal-art se jkunu parti minn dan l-attakk finali li se jagħti bidu għall-gwerra t’Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16.

Meta nqabblu dawn ir-referenzi Bibliċi kollha dwar l-attakk finali fuq in-nies t’Alla, jidher ċar li l-isem Gog taʼ Magog ma jirreferix għal Satana. Minflok, Gog taʼ Magog jirreferi għal grupp taʼ ġnus. “Is-sultan tat-tramuntana” se jmexxi dan il-grupp? Ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert. Imma jidher li din l-ispjegazzjoni hi fi qbil maʼ dak li Ġeħova jgħid dwar Gog: “Int żgur li se tiġi minn postok, mill-iktar partijiet imbegħdin tat-tramuntana, int u ħafna popli miegħek, ilkoll kemm huma rekbin iż-żwiemel, ġemgħa kbira, iva, qawwa militari numeruża.”—Eżekjel 38:6, 15.

Bl-istess mod, il-profeta Danjel, li għex fl-istess żmien t’Eżekjel, jgħid hekk dwar is-sultan tat-Tramuntana: “Ikun hemm rapporti li jħawduh, minn tlugħ ix-xemx u mit-tramuntana, u hu joħroġ b’dagħdigħa kbira fuqu sabiex iġib fix-xejn u jeqred lil ħafna. U jarma t-tined irjali tiegħu bejn il-baħar il-kbir u l-muntanja qaddisa tad-Dekorazzjoni; u jkollu jiġi t-triq kollha sa tmiemu, u ma jkunx hemm min jgħinu.” (Danjel 11:44, 45) Dan hu simili għal dak li l-ktieb t’Eżekjel jgħid li se jagħmel Gog.—Eżekjel 38:8-12, 16.

X’se jiġri wara l-aħħar attakk? Danjel jgħidilna: “Matul dak iż-żmien iqum [f’Armageddon] Mikiel [Ġesù Kristu], il-prinċep il-kbir li jinsab wieqaf [sa mill-1914] għan-nom taʼ wlied il-poplu tiegħek. U jseħħ żmien taʼ niket [it-tribulazzjoni l-kbira] li bħalu qatt ma seħħ mindu kien hemm ġens sa dak iż-żmien. U matul dak iż-żmien il-poplu tiegħek jinħeles, kulmin jinstab miktub fil-ktieb.” (Danjel 12:1) Naqraw deskrizzjoni simili taʼ dak li se jagħmel Ġesù f’Rivelazzjoni 19:11-21.

Imma l-isem “Gog u Magog” li jissemma f’Rivelazzjoni 20:8 għal min jirreferi? Dan jirreferi għal dawk kollha li jirribellaw kontra Ġeħova u jattakkaw lill-poplu tiegħu matul l-aħħar prova fi tmiem tal-1,000 sena. Se jkollhom l-istess attitudni taʼ mibegħda bħal taʼ Gog taʼ Magog, jiġifieri l-ġnus li jattakkaw in-nies t’Alla fl-aħħar tat-tribulazzjoni l-kbira. U l-istess bħalma dawk il-ġnus se jinqerdu f’Armageddon, hekk ukoll Gog u Magog se jiġi meqrud. (Rivelazzjoni 19:20, 21; 20:9) Għalhekk, jagħmel sens li dawk kollha li jirribellaw fl-aħħar tal-1,000 sena jissejħu “Gog u Magog.”

Bħala studenti serji tal-Bibbja, aħna ħerqanin li fil-futur qarib se nsiru nafu min hu “s-sultan tat-tramuntana.” Imma hu min hu li jmexxi l-ġnus kontra l-poplu t’Alla, aħna nistgħu nkunu ċerti minn żewġ affarijiet: (1) Gog taʼ Magog u l-armati tiegħu se jiġu megħlubin u meqrudin. (2) Is-Sultan tagħna, Ġesù Kristu, se jsalva n-nies t’Alla u jdaħħalhom ġo dinja ġdida taʼ paċi u sigurtà vera.—Rivelazzjoni 7:14-17.