Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma ‘raw’ l-affarijiet imwegħdin

Huma ‘raw’ l-affarijiet imwegħdin

“Ma qalgħux it-twettiq tal-wegħdi, imma rawhom mill-bogħod.”—EBREJ 11:13.

1. Għala hu tajjeb li nistgħu nimmaġinaw affarijiet li qatt ma rajna? (Ara l-ewwel stampa.)

ĠEĦOVA tana għotja mill-isbaħ. Hija l-abbiltà li nimmaġinaw affarijiet li qatt ma rajna. Din l-abbiltà tgħinna nħarsu ’l quddiem għal affarijiet tajbin li se jkollna fil-futur u tgħinna wkoll nippjanaw minn qabel u nevitaw il-problemi. Ġeħova jaf il-futur, u jgħidilna ftit mill-affarijiet li nistgħu nħarsu ’l quddiem għalihom. Għalkemm ma nistgħux naraw dawn l-affarijiet, nistgħu nimmaġinawhom u jkollna l-fidi li dawn se jseħħu.—2 Korintin 4:18.

2, 3. (a) L-immaġinazzjoni tagħna kif tistaʼ tgħinna? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-artiklu?

2 Ovvjament, kultant nimmaġinaw affarijiet li qatt ma se jiġru. Pereżempju, tifla żgħira forsi timmaġina li qed ittir fuq farfett. M’għandniex xi ngħidu, dan mhux possibbli. Imma omm Samwel, Ħanna, immaġinat affarijiet li kienu possibbli. Hi baqgħet taħseb fuq il-ġurnata meta kienet se tieħu lil binha t-tabernaklu biex jaħdem mal-qassisin. Din ma kinitx sempliċi ħolma. Kienet xi ħaġa li kienet iddeċidiet li tagħmel. Għalhekk, il-fatt li Ħanna immaġinat din il-ġurnata għenha tibqaʼ determinata li żżomm il-wegħda li għamlet lil Ġeħova. (1 Samwel 1:22) U meta nimmaġinaw dak li Ġeħova wiegħed li jagħmel, inkunu qed nimmaġinaw affarijiet li żgur se jseħħu.—2 Pietru 1:19-21.

3 Ħafna min-nies taʼ Ġeħova fi żminijiet Bibliċi setgħu jimmaġinaw dak li kien wiegħed. Għala kien tajjeb għalihom li jagħmlu dan? U għala hu tajjeb għalina li nimmaġinaw kif se tkun ħajjitna meta l-wegħdi t’Alla jsiru realtà?

IL-FIDI TAGĦHOM ISSAĦĦET META IMMAĠINAW IL-FUTUR

4. Abel għala setaʼ jimmaġina futur aħjar?

4 Abel kien l-ewwel raġel li kien jafda fil-wegħdi t’Alla. Kien jaf dak li Ġeħova kien qal lis-serp wara li dinbu Adam u Eva: “Inqanqal għadwa bejnek u bejn il-mara u bejn nislek u nisilha. Hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:14, 15) Abel ma kienx jaf eżatt kif kien se jitwettaq dan il-kliem. Imma żgur li ħaseb ħafna dwar dak li kien qal Alla. Abel setaʼ ħaseb, ‘Min se jkun dak il-wieħed li jiġi mweġġaʼ mis-serp u li jgħin lill-bnedmin jerġgħu jsiru perfetti?’ Abel kellu fidi li hu x’inhu dak li wiegħed Ġeħova, żgur li se jitwettaq, u meta offra sagrifiċċju, Ġeħova ħa pjaċir bih.—Aqra Ġenesi 4:3-5; Ebrej 11:4.

5. Għala kien tajjeb għal Enok li jimmaġina l-futur?

5 Enok kien raġel ieħor li kellu fidi soda f’Alla. Hu għex fost nies mill-agħar li qalu “kliem li jkexkex” kontra Alla. Imma Enok kien kuraġġuż u pprietka l-messaġġ t’Alla. Qal lin-nies li Ġeħova kien se jeqred lill-uħud mill-agħar. (Ġuda 14, 15) X’għenu biex jagħmel dan? Jistaʼ jkun li Enok qagħad jimmaġina kif se tkun id-dinja meta kulħadd ikun jaqdi lil Ġeħova.—Aqra Ebrej 11:5, 6.

6. Wara d-Dulluvju, Noè fuqiex setaʼ qagħad jaħseb?

6 Noè kellu fidi f’Ġeħova, u għalhekk ma ġiex meqrud fid-Dulluvju. (Ebrej 11:7) U mbagħad, għax kellu l-fidi, Noè ssagrifika l-annimali lil Ġeħova. (Ġenesi 8:20) Wara d-Dulluvju, l-art reġgħet imtliet bil-ħażen. Nimrod beda jaħkem u ried li n-nies jirribellaw kontra Ġeħova. (Ġenesi 10:8-12) Imma l-fidi taʼ Noè baqgħet b’saħħitha. L-istess bħal Abel, hu kien ċert li Alla kien se jneħħi d-dnub u l-mewt, avolja ma kienx jaf meta. Ukoll, Noè setaʼ ħaseb fuq iż-żmien meta ma jkunx hawn ħakkiema kattivi. Aħna wkoll nistgħu nimmaġinaw dan iż-żmien mill-isbaħ, li issa jinsab fil-qrib ħafna!—Rumani 6:23.

HUMA IMMAĠINAW IŻ-ŻMIEN META L-WEGĦDI T’ALLA KIENU SE JITWETTQU

7. Abraham, Iżakk, u Ġakobb għal liema futur setgħu jħarsu ’l quddiem?

7 Abraham, Iżakk, u Ġakobb setgħu jimmaġinaw futur meraviljuż. Ġeħova kien wegħedhom li nies mill-ġnus kollha kienu se jitbierku permezz taʼ ‘nisilhom.’ (Ġenesi 22:18; 26:4; 28:14) Alla kien wiegħed ukoll li l-familja tagħhom kienet se ssir ġens kbir u tgħix fl-Art Imwiegħda li kienet tant sabiħa. (Ġenesi 15:5-7) Peress li Abraham, Iżakk, u Ġakobb kienu jafu li l-wegħdi t’Alla se jitwettqu, setgħu jimmaġinaw b’mod ċar lill-familja tagħhom diġà qed tgħix f’dik l-art. Infatti, minn meta dinbu Adam u Eva, Ġeħova għen lill-qaddejja leali tiegħu jifhmu kif il-bnedmin xi darba se jerġaʼ jkollhom ħajja perfetta.

8. X’għen lil Abraham biex ikollu fidi soda u jkun ubbidjenti?

8 Peress li kellu fidi soda, Abraham kien ubbidjenti lejn Ġeħova anke meta ċ-ċirkustanzi kienu diffiċli ferm. Abraham u wħud leali oħra setgħu jimmaġinaw b’mod ċar l-affarijiet li wiegħed Ġeħova, avolja dawn il-wegħdi ma seħħewx meta kienu għadhom ħajjin. Il-Bibbja tgħid: “Rawhom mill-bogħod u laqgħuhom.” (Aqra Ebrej 11:8-13.) Abraham kien jaf li Ġeħova dejjem kien żamm il-wegħdi tiegħu fil-passat, u allura kien ċert li l-wegħdi kollha taʼ Ġeħova għall-futur ukoll se jitwettqu.

In-nies fi żminijiet Bibliċi ħarsu ’l quddiem għal dak iż-żmien meta Ġeħova u l-gvern tiegħu kienu se jmexxu l-art għal dejjem

9. Il-fidi t’Abraham fil-wegħdi t’Alla kif għenitu?

9 Minħabba li Abraham kellu l-fidi f’dak li kien wiegħdu Ġeħova, hu baqaʼ jagħmel dak li Ġeħova talbu jagħmel. Pereżempju, telaq mid-dar tiegħu fil-belt t’Ur, u għall-bqija taʼ ħajtu, m’għexx f’xi belt b’mod permanenti. Kien jaf li l-bliet taʼ madwaru kienu temporanji għax il-ħakkiema tagħhom ma kinux jaqdu lil Ġeħova. (Ġożwè 24:2) Minflok, ħares ’il quddiem għal dak iż-żmien meta Ġeħova u l-gvern tiegħu se jmexxu l-art għal dejjem. Dan il-gvern hu “l-belt li għandha sisien taʼ veru, li l-bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.” (Ebrej 11:10) Abraham, Abel, Enok, Noè, u oħrajn emmnu fl-irxoxt. Kull meta ħasbu dwar li jgħixu għal dejjem f’dinja mill-isbaħ, il-fidi tagħhom f’Ġeħova ssaħħet saħansitra iktar.—Aqra Ebrej 11:15, 16.

10. Għala kien tajjeb għal Sara li tħares ’il quddiem għall-futur?

10 Il-mara t’Abraham, Sara, kellha fidi soda fil-wegħdi taʼ Ġeħova. Anke meta kellha 90 sena u kien għad ma kellhiex tfal, xorta waħda ħarset ’il quddiem għaż-żmien meta jkollha tarbija. Sara saħansitra setgħet timmaġina t-tfal tagħha jsiru ġens kbir. (Ebrej 11:11, 12) Kif setgħet tkun daqstant ċerta minn dan? Għax Ġeħova kien qal lir-raġel tagħha: “Inberikha u wkoll nagħtik iben minnha; u nberikha u hi ssir ġnus; slaten taʼ popli joħorġu minnha.” (Ġenesi 17:16) Eżatt bħalma kien wiegħed Ġeħova, Sara kellha tifel, Iżakk. Dan il-miraklu kkonvinċieha li l-kumplament tal-wegħda taʼ Ġeħova kien se jitwettaq. Aħna wkoll nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna meta nimmaġinaw il-ħafna affarijiet mill-isbaħ li Ġeħova wegħedna.

BAQAʼ JAĦSEB DWAR IL-PREMJU

11, 12. X’għen lil Mosè biex ikabbar imħabbtu lejn Ġeħova?

11 Mosè wkoll kellu fidi fil-wegħdi taʼ Ġeħova. Hu trabba fl-Eġittu bħala prinċep. Imma peress li kien iħobb lil Ġeħova iktar minn kull ħaġ’oħra, Mosè ma riedx il-qawwa jew ir-rikkezzi. Hu kien tgħallem dwar Ġeħova mill-ġenituri Ebrajċi tiegħu. Dawn għallmuh li Ġeħova kien wiegħed li jeħles lill-Ebrej mill-jasar u jagħtihom l-Art Imwiegħda. (Ġenesi 13:14, 15; Eżodu 2:5-10) Iktar ma Mosè immaġina dawn il-wegħdi, iktar sar iħobb lil Ġeħova.

12 Il-Bibbja tgħidilna dak li Mosè baqaʼ jaħseb fuqu: “Bil-fidi Mosè, meta kiber, ma riedx jissejjaħ bin bint il-Fargħun, imma għażel li jkun trattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok ma jkollu t-tgawdija temporanja tad-dnub, għax qies it-tmaqdir tal-Kristu bħala rikkezzi akbar mit-teżori taʼ l-Eġittu; għax ħares fiss lejn il-ħlas tal-premju.”—Ebrej 11:24-26.

13. Għala kien tajjeb għal Mosè li jibqaʼ jaħseb dwar il-wegħdi taʼ Ġeħova?

13 Mosè żgur li ħaseb fil-fond dwar il-wegħda taʼ Ġeħova li jeħles lill-Ebrej mill-jasar. Bħal qaddejja oħra taʼ Ġeħova, Mosè wkoll kien jaf li Ġeħova kien se jeħles lill-bnedmin kollha mill-mewt. (Ġob 14:14, 15; Ebrej 11:17-19) Għalhekk, Mosè fehem kemm Ġeħova jħobb lin-nies. Dan qanqal lil Mosè biex iħobb lil Ġeħova saħansitra iktar u jkollu fidi iktar soda fih, u għenu jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova tul ħajtu. (Dewteronomju 6:4, 5) Anke meta l-Fargħun ried joqtlu, Mosè ma beżax. Kien jaf li Ġeħova kien se jippremjah fil-futur.—Eżodu 10:28, 29.

IMMAĠINA L-AFFARIJIET LI SE JAGĦMEL IL-GVERN T’ALLA

Tistaʼ timmaġinak tagħmel l-affarijiet li wiegħdek Ġeħova?(Ara paragrafu 15)

14. Xi nies x’jimmaġinaw dwar il-futur?

14 Ħafna nies jaħsbu dwar il-futur u jimmaġinaw affarijiet li qatt ma se jiġru. Pereżempju, xi nies li huma fqar ħafna joħolmu li xi darba se jsiru sinjuri u ma jkollhomx iktar inkwiet. Imma l-Bibbja tgħid li l-ħajja fid-dinja taʼ Satana dejjem se tkun mimlija bl-“inkwiet u l-uġigħ.” (Salm 90:10) Jew xi wħud jimmaġinaw li gvern uman se jsolvi l-problemi tad-dinja. Imma l-Bibbja tgħid li l-gvern t’Alla biss jistaʼ jagħmel dan. (Danjel 2:44) U ħafna nies jaħsbu li d-dinja qatt ma se tinbidel. Imma l-Bibbja tgħid li Alla se jeqred din id-dinja mill-agħar. (Sofonija 1:18; 1 Ġwanni 2:15-17) Dawk in-nies li jimmaġinaw affarijiet li huma l-oppost taʼ dak li jgħid Ġeħova, se jkunu diżappuntati għall-aħħar.

15. (a) Għala hu tajjeb għalina li nimmaġinaw il-futur li wegħedna Alla? (b) X’inhi waħda mill-affarijiet li qed tħares ’il quddiem għaliha?

15 Ġeħova wegħedna futur tal-għaġeb. Meta naħsbu dwar dak iż-żmien, inħossuna iktar ferħanin u nistgħu nrabbu l-kuraġġ li għandna bżonn biex nibqgħu naqduh. Tistaʼ timmaġinak tagħmel l-affarijiet li Ġeħova wiegħdek, kemm jekk se tkun fis-sema u kemm jekk fuq l-art? Jekk tħares ’il quddiem biex tgħix għal dejjem fuq l-art, immaġinak taħdem mal-ħbieb tiegħek biex tbiddel l-art f’ġenna mill-isbaħ. Dawk li qed imexxu x-xogħol jimpurtahom minnek. In-nies kollha taʼ madwarek iħobbu lil Ġeħova, l-istess bħalma tħobbu int. Int f’saħħtek u mimli enerġija, u m’għandekx fuqiex tinkwieta. Tħossok ferħan se ttir għax tistaʼ tuża t-talenti u l-abbiltajiet tiegħek biex tgħin lil ħaddieħor u biex tonora lil Ġeħova. Forsi saħansitra qed tgħin lil dawk li ġew irxoxtati biex isiru jafu lil Ġeħova. (Ġwanni 17:3; Atti 24:15) Meta timmaġina dawn l-affarijiet, ma tkunx qed tibni kastelli fl-arja. Dan kollu se jsir realtà minħabba dak li tgħid il-Bibbja dwar il-futur.—Isaija 11:9; 25:8; 33:24; 35:5-7; 65:22.

TKELLEM DWAR DAK LI TĦARES ’IL QUDDIEM GĦALIH

16, 17. Għala hu tajjeb li titkellem dwar il-futur li Ġeħova wegħedna?

16 Meta ngħidu lil ħutna rġiel u nisa x’nixtiequ nagħmlu fid-dinja l-ġdida, se ngħinu ’l xulxin nimmaġinaw b’mod iktar ċar dan il-futur meraviljuż. Ovvjament, ma nafux eżattament x’ħa jkun qed jagħmel kull wieħed u waħda minna. Imma meta nitkellmu fuq dak li qed inħarsu ’l quddiem għalih, nuru li għandna l-fidi f’dak li wiegħed Ġeħova. B’dan il-mod, inħeġġu ’l xulxin biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova fi żminijiet diffiċli, sewwasew bħalma għamel l-appostlu Pawlu u ħutu f’Ruma.—Rumani 1:11, 12.

17 Meta taħseb fuq il-futur li wiegħed Ġeħova, se taħseb inqas fuq il-problemi tiegħek stess. Darba minnhom, Pietru kien inkwetat u qal lil Ġesù: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?” Ġesù ried li Pietru u d-dixxipli l-oħra li kienu miegħu joqogħdu jaħsbu fuq l-affarijiet meraviljużi li kienu se jagħmlu fil-futur. Qalilhom: “Meta Bin il-bniedem joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom li ġejtu warajja toqogħdu wkoll bil-qiegħda fuq tnax-il tron, tiġġudikaw lit-tnax-il tribù taʼ Israel. U kulmin telaq id-djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-tfal jew l-artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-ħajja taʼ dejjem.” (Mattew 19:27-29) Għalhekk, Pietru u d-dixxipli l-oħra setgħu jimmaġinaw lilhom infushom imexxu maʼ Ġesù fis-sema u jgħinu lill-bnedmin ubbidjenti fuq l-art biex isiru perfetti.

18. Għala hu tajjeb għalina li nimmaġinaw iż-żmien meta Ġeħova se jagħmel dak li wiegħed?

18 Tgħallimna x’għen lill-qaddejja taʼ Ġeħova jkollhom fidi b’saħħitha. Abel immaġina l-wegħda taʼ Ġeħova dwar futur aħjar, u minħabba l-fidi li kellu f’dik il-wegħda, hu għoġob lil Ġeħova. Abraham immaġina ż-żmien meta kienu se jitwettqu l-wegħdi taʼ Ġeħova dwar in-‘nisel,’ u għalhekk obda lil Ġeħova anke meta dan kien diffiċli ħafna. (Ġenesi 3:15) Mosè ħares ’il quddiem għall-premju li kien wiegħdu Ġeħova, u dan għenu jħobb lil Ġeħova u jkun leali. (Ebrej 11:26) Meta nimmaġinaw iż-żmien meta Ġeħova se jagħmel dak kollu li wiegħed, il-fidi u l-imħabba tagħna għal Ġeħova wkoll jissaħħu. Fl-artiklu li jmiss se nitgħallmu dwar mod ieħor kif nistgħu nużaw l-immaġinazzjoni tagħna.