Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Hu ħabb lin-nies

Hu ħabb lin-nies

“L-affarijiet li kont ngħożż kienu marbutin maʼ wlied il-bnedmin.”—PROVERBJI 8:31.

1, 2. Ġesù kif wera l-imħabba profonda li għandu għall-bnedmin?

L-EWWEL Iben imwieled t’Alla hu l-aqwa eżempju tal-għerf inkredibbli taʼ Ġeħova u hu kien il-“ħaddiem tas-sengħa” taʼ Missieru. Immaġina kemm Ġesù kien ferħan u sodisfatt hekk kif Missieru “ħejja s-smewwiet” u “stabbilixxa s-sisien taʼ l-art”! Imma mill-affarijiet kollha li ħalaq Missieru, Ġesù b’mod speċjali ‘kien jgħożż ulied il-bnedmin.’ (Proverbji 8:22-31) Iva, hu ħabb lill-bnedmin sa mill-bidu nett.

2 Iktar tard, Ġesù wera l-lealtà u l-imħabba tiegħu lejn Missieru u l-imħabba profonda li għandu għall-bnedmin kollha meta kien lest li jinżel mis-smewwiet biex jgħix fuq l-art bħala bniedem. Ġesù bi mħabba għamel dan ħalli jkun jistaʼ jagħti ħajtu bħala “fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28; Filippin 2:5-8) Waqt li Ġesù kien fuq l-art, Alla tah il-qawwa li jagħmel il-mirakli. Dawn il-mirakli juru kemm Ġesù jħobb lin-nies u juru liema affarijiet tal-għaġeb dalwaqt se jagħmel għall-bnedmin.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

3 Waqt li kien fuq l-art, Ġesù pprietka “l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.” (Luqa 4:43) Kien jaf li din is-Saltna kienet se tqaddes isem Missieru u li kienet se ssolvi l-problemi tal-bnedmin għal dejjem. Ġesù għamel bosta mirakli hu u jipprietka. Dawn il-mirakli wrew kemm tassew kien jimpurtah mill-bnedmin kollha. Dan għala hu importanti għalina? Għax dak li għamel jagħtina tama u fiduċja għall-futur. Ejja nikkunsidraw erbgħa mill-mirakli taʼ Ġesù.

‘IL-QAWWA KIENET MIEGĦU BIEX IFEJJAQ’

4. X’ġara meta Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel bil-ġdiem?

4 Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù mar fi nħawi li jissejħu l-Galilija. F’waħda mill-bliet t’hemmhekk, hu ltaqaʼ maʼ raġel li kellu marda kiefra, il-ġdiem. (Marku 1:39, 40) Ir-raġel tant kien marid li Luqa, li kien tabib, iddeskrivieh bħala li kien “mimli ġdiem.” (Luqa 5:12) Il-Bibbja tgħid li meta r-raġel marid ra lil Ġesù, “inxteħet wiċċu fl-art, talbu bil-ħniena, u qallu: ‘Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.’” Ir-raġel kien jaf li Ġesù kellu l-qawwa biex ifejqu, imma kellu bżonn ikun jaf jekk Ġesù riedx ifejqu. Għala? Għax ried ikun jaf jekk Ġesù kienx bħall-Fariżej, li kienu jistmerru lin-nies li kellhom il-ġdiem. Imma x’kien qed jaħseb Ġesù? Kif kien se jittratta lil dan ir-raġel li abbli kien sfigurat ħafna? Kieku int x’kont tagħmel?

5. Ġesù għala ried ifejjaq lir-raġel li kellu l-ġdiem?

5 Milli jidher, ir-raġel marid m’għajjatx, “Mhux nadif, mhux nadif!” kif kienet tirrikjedi l-Liġi Mosajka. (Levitiku 13:43-46) Imma Ġesù m’għamilx għalih. Minflok, kien jimpurtah mir-raġel u ried jgħinu. Ma nafux eżatt x’kien għaddej minn moħħ Ġesù, imma nafu kif ħassu. Tant tħassar lir-raġel li għamel miraklu miegħu. Hu mess lir-raġel, xi ħaġa li ħadd ieħor ma kien ikun lest li jagħmel. B’fiduċja u mogħdrija, Ġesù qal: “Irrid. Indaf.” Imbagħad “il-ġdiem għab minn fuqu.” (Luqa 5:13) Jidher ċar li Ġeħova ta lil Ġesù l-qawwa biex jagħmel dan il-miraklu tal-għaġeb u biex juri kemm iħobb lin-nies.—Luqa 5:17.

6. X’inhu interessanti dwar il-mirakli li għamel Ġesù, u x’juru?

6 Bil-qawwa t’Alla, Ġesù setaʼ jagħmel ħafna mirakli meraviljużi. Hu ma fejjaqx biss lin-nies li kellhom il-ġdiem, imma fejjaq ukoll lil nies b’kull xorta taʼ mard. Il-Bibbja tgħidilna li n-nies baqgħu mistagħġbin meta raw “il-muti jitkellmu, iz-zopop jimxu, u l-għomja jaraw.” (Mattew 15:31) Meta Ġesù fejjaq lil xi ħadd, ma kellux bżonn lil xi ħadd f’saħħtu biex jagħti l-organi tiegħu. Le, Ġesù kellu l-qawwa biex ifejjaq il-partijiet morda tal-ġisem. U fejjaq lin-nies minnufih, kultant anke lil dawk li kienu ’l bogħod minnu. (Ġwanni 4:46-54) Dawn l-eżempji rimarkevoli x’juru? Juru li s-Sultan tagħna, Ġesù Kristu, għandu l-qawwa u x-xewqa li jneħħi l-mard kollu għal dejjem. Meta nitgħallmu dwar kif Ġesù ttratta lin-nies, dan jagħtina l-fiduċja li fid-dinja l-ġdida “se jiddispjaċih għall-batut u għall-fqir.” (Salm 72:13) Ġesù se jfejjaq lil kull min qed ibati għax tassew irid jagħmel dan.

“QUM, ERFAʼ SODDTOK, U IMXI”

7, 8. Iddeskrivi x’ġara qabel ma Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel marid f’Betzata.

7 Ftit xhur wara li fejjaq lir-raġel li kellu l-ġdiem, Ġesù vvjaġġa mill-Galilija sal-Lhudija fejn kompla jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Żgur li kien hemm eluf taʼ nies li semgħu l-messaġġ taʼ Ġesù u li qalbhom intmessetilhom bl-imħabba li wriehom. Ġesù verament ried ifarraġ lill-foqra u l-magħkusin u jagħti lil dawn in-nies tama.—Isaija 61:1, 2; Luqa 4:18-21.

8 Fix-xahar taʼ Nisan, Ġesù vvjaġġa lejn Ġerusalemm biex jiċċelebra l-Qbiż. Il-belt kienet mimlija attività hekk kif in-nies waslu għal din il-festa speċjali. Lejn it-Tramuntana tat-tempju kien hemm għadira magħrufa bħala Betzata, u hemm Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel li ma setax jimxi.

9, 10. (a) In-nies għala kienu jmorru fl-għadira taʼ Betzata? (b) Ġesù x’għamel ħdejn l-għadira, u dan x’jgħallimna? (Ara l-ewwel stampa.)

9 Folol taʼ nies morda kienu jmorru Betzata. Għala? Għax kienu jemmnu li xi ħadd marid setaʼ jitfejjaq b’mod mirakoluż jekk jinżel fl-għadira meta l-ilma jkun qed jiċċaqlaq. Immaġina ftit x’ġenn kien hemm peress li tant nies li riedu jitfejqu kienu ddisprati, ansjużi, u bla tama! Ġesù kien perfett u żgur li ma kellux bżonn li jiġi mfejjaq, allura għala mar hemm? L-imħabba tiegħu għan-nies qanqlitu jmur. U kien hemmhekk li ltaqaʼ maʼ raġel li kien ilu marid 38 sena, iktar minn kemm kien ilu ħaj fuq l-art Ġesù.—Aqra Ġwanni 5:5-9.

Ġesù fittex lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna

10 Ġesù staqsa lir-raġel jekk riedx jerġaʼ jimxi. Ġib quddiem għajnejk in-niket tar-raġel meta qal lil Ġesù li ried ifiq imma ma setax, għax ma kien hemm ħadd biex jgħinu jinżel fl-għadira. Imbagħad Ġesù qal lir-raġel biex jagħmel xi ħaġa impossibbli. Qallu biex jerfaʼ soddtu u jimxi, u allura r-raġel hekk għamel, refaʼ soddtu u beda jimxi! Dan il-miraklu juri b’mod mill-isbaħ x’se jagħmel Ġesù fid-dinja l-ġdida. Jurina wkoll l-imħabba profonda li Ġesù għandu għan-nies. Hu fittex lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna. L-eżempju taʼ Ġesù għandu jqanqalna nkomplu nfittxu n-nies fit-territorju tagħna li huma dipressi minħabba l-affarijiet terribbli li qed jiġru f’din id-dinja.

“MIN MESSLI ĦWEJĠI?”

11. Marku 5:25-34, kif juri li Ġesù kien iħobb lill-morda?

11 Aqra Marku 5:25-34. Għal 12-il sena, ċerta mara kienet batiet minn marda imbarazzanti. Il-marda tagħha kienet effettwat kull aspett taʼ ħajjitha, inkluż il-qima tagħha għax lanqas setgħet tmur it-tempju biex taqdi lil Alla. Kienet marret għand ħafna tobba u nefqet kulma kellha biex tipprova ssib fejqan, imma kulma ġara kien li marret għall-agħar. Ġurnata minnhom, il-mara fasslet pjan ġdid biex titfejjaq, u allura għaddiet minn folla nies u messet il-ħwejjeġ taʼ Ġesù. (Levitiku 15:19, 25) Meta Ġesù ntebaħ li kienet ħarġet qawwa minnu, hu staqsa min kien messu. Il-mara, ‘tirtogħod bil-biżaʼ, inxteħtet quddiemu u qaltlu l-verità kollha.’ Ġesù kien jaf li Ġeħova kien fejjaq lill-mara, u għalhekk b’qalb tajba qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi, u kun imfejqa mill-marda kiefra tiegħek.”

Permezz tal-mirakli tiegħu, Ġesù wera li tassew jimpurtah minna u mill-problemi tagħna (Ara paragrafi 11, 12)

12. (a) Minn dak li tgħallimna, kieku int kif tiddeskrivih lil Ġesù? (b) Ġesù liema eżempju ħallielna?

12 Tassew inqawwu qalbna meta naraw kemm Ġesù kien juri mħabba man-nies, speċjalment maʼ dawk li kienu morda. X’differenza minn Satana! Dan jipprova jikkonvinċina li ma niswew xejn u li ħadd ma jħobbna. Madanakollu, il-mirakli taʼ Ġesù wrew li tassew jimpurtah minna u mill-problemi tagħna. Kemm aħna grati li għandna Sultan u Qassis il-Kbir li juri tant imħabba! (Ebrej 4:15) Jistaʼ jkun diffiċli għalina li nifhmu kif iħossu xi ħadd li ilu marid għal ħafna żmien, speċjalment jekk m’aħniex morda. Imma aħseb dwar Ġesù. Kellu mogħdrija għall-morda, avolja qatt ma kien marid. Jalla nagħmlu l-almu tagħna biex nimitaw l-eżempju tiegħu taʼ mħabba.—1 Pietru 3:8.

“ĠESÙ QABIŻLU D-DMUGĦ”

13. X’nitgħallmu dwar Ġesù mill-irxoxt taʼ Lazzru?

13 Ġesù tassew kien jiġi effettwat min-niket taʼ ħaddieħor. Pereżempju, meta miet il-ħabib tiegħu Lazzru, Ġesù “karab” u “tnikket” għax ra n-niket tal-familja u l-ħbieb taʼ Lazzru. (Aqra Ġwanni 11:33-36.) Għalkemm kien jaf li kien se jirxoxta lil Lazzru, Ġesù beka. Ma ddejjaqx juri lil ħaddieħor kif kien qed iħossu. Ġesù tant kien iħobb lil Lazzru u l-familja tiegħu li uża l-qawwa t’Alla biex jirxoxta lil Lazzru!—Ġwanni 11:43, 44.

14, 15. (a) X’juri li Ġeħova jrid ineħħi t-tbatija tal-bnedmin? (b) X’nitgħallmu mill-espressjoni “l-oqbra tat-tifkira”?

14 Il-Bibbja tgħid li Ġesù hu eżatt bħal Missieru, Ġeħova. (Ebrej 1:3) Għalhekk, il-mirakli taʼ Ġesù juru biċ-ċar li anke Ġeħova jrid ineħħi l-mard, l-uġigħ, u l-mewt. Dalwaqt, Ġeħova u Ġesù se jqajmu mill-mewt lil ħafna iktar nies. Ġesù qal li “ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira” se jiġu rxoxtati.—Ġwanni 5:28, 29.

15 Ġesù uża l-espressjoni “l-oqbra tat-tifkira,” li turi li hemm involuta l-memorja t’Alla. Alla li Jistaʼ Kollox, il-Ħallieq tal-univers kollu, jistaʼ jiftakar kull dettall tal-maħbubin mejtin tagħna, inkluż il-personalità tagħhom. (Isaija 40:26) Ġeħova mhux talli jistaʼ jiftakarhom imma talli jrid jiftakarhom. Il-każijiet tal-irxoxt li jissemmew fil-Bibbja huma eżempji mill-isbaħ taʼ dak li se jiġri fid-dinja l-ġdida.

DAK LI NITGĦALLMU MILL-MIRAKLI TAʼ ĠESÙ

16. Liema opportunità se jkollhom ħafna mill-qaddejja t’Alla?

16 Jekk nibqgħu leali, jistaʼ jkun li jkollna l-opportunità li nesperjenzaw wieħed mill-akbar mirakli li qatt se jkun hawn, li ngħaddu ħajjin mit-tribulazzjoni l-kbira! Ftit wara Armageddon, se naraw ħafna iktar mirakli. F’dak iż-żmien, kulħadd se jikseb saħħa perfetta. (Isaija 33:24; 35:5, 6; Rivelazzjoni 21:4) Immaġinak tara lin-nies jarmu n-nuċċali, il-bastun, il-krozzi, is-siġġu tar-roti, u l-hearing aid! Ġeħova jaf li dawk kollha li jsalvaw minn Armageddon se jkollhom bżonn ikunu f’saħħithom, għax se jkollhom ħafna xogħol x’jagħmlu. Dawn huma l-uħud li se jbiddlu l-pjaneta sabiħa tagħna f’ġenna globali.—Salm 115:16.

17, 18. (a) Ġesù għala għamel il-mirakli? (b) Għala għandek tagħmel l-almu tiegħek biex tidħol fid-dinja l-ġdida t’Alla?

17 Illum, il-‘folla l-kbira’ tiġi inkuraġġita meta taqra dwar kif Ġesù fejjaq lill-morda. (Rivelazzjoni 7:9) Dawn il-mirakli jsaħħu t-tama mill-isbaħ li niġu mfejqin kompletament fil-futur. Ukoll, juruna kemm l-ewwel Iben imwieled t’Alla tassew iħobb lill-bnedmin. (Ġwanni 10:11; 15:12, 13) Il-mogħdrija taʼ Ġesù turi li Ġeħova tassew iħobb lil kull wieħed u waħda mill-qaddejja tiegħu.—Ġwanni 5:19.

18 Id-dinja tal-lum hi mimlija wġigħ, tbatija, u mewt. (Rumani 8:22) Hu għalhekk li għandna bżonn id-dinja l-ġdida t’Alla. Hemmhekk, il-bnedmin kollha se jkollhom is-saħħa perfetta li wiegħed Alla. Malakija 4:2 jagħtina t-tama li se ‘noħorġu u naqbżu’ b’ferħ u b’eċċitament għax se nkunu ġejna mfejqin u meħlusin mill-imperfezzjoni. Jalla l-apprezzament tagħna għal Ġeħova u l-fidi tagħna fil-wegħdi tiegħu jqanqluna biex nagħmlu l-almu tagħna biex nidħlu fid-dinja l-ġdida. Kemm hu inkuraġġanti li nkunu nafu li l-mirakli li għamel Ġesù kienu eżempji tas-serħan permanenti li l-bnedmin dalwaqt se jgawdu taħt it-tmexxija tiegħu!