Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kristu—Il-qawwa t’Alla

Kristu—Il-qawwa t’Alla

“Kristu hu l-qawwa t’Alla.”—1 KORINTIN 1:24.

1. Pawlu għala qal li “Kristu hu l-qawwa t’Alla”?

ĠEĦOVA wera l-qawwa tiegħu b’modi tal-għaġeb permezz taʼ Ġesù Kristu. Meta Ġesù kien fuq l-art, hu għamel il-mirakli. Nistgħu naqraw dwar ftit minnhom fil-Bibbja, u dawn jistgħu jsaħħulna l-fidi. (Mattew 9:35; Luqa 9:11) Iva, Ġeħova ta lil Ġesù qawwa kbira, u għalhekk l-appostlu Pawlu setaʼ jgħid: “Kristu hu l-qawwa t’Alla.” (1 Korintin 1:24) Imma l-mirakli taʼ Ġesù kif jeffettwawna?

2. X’nistgħu nitgħallmu mill-mirakli taʼ Ġesù?

2 L-appostlu Pietru qal li Ġesù għamel “għeġubijiet,” jew mirakli. (Atti 2:22) Dawn il-mirakli x’jgħallmuna? Jgħallmuna x’se jagħmel Ġesù matul it-tmexxija tiegħu t’elf sena. F’dak iż-żmien, se jagħmel mirakli akbar li se jkunu taʼ benefiċċju għall-bnedmin kollha fuq l-art. Ukoll, il-mirakli tiegħu jgħallmuna ħafna dwar il-kwalitajiet tiegħu u taʼ Missieru. F’dan l-artiklu, se niddiskutu tlieta mill-mirakli taʼ Ġesù, u se nitgħallmu kif jistgħu jeffettwawna llum u fil-futur.

MIRAKLU LI JGĦALLIMNA DWAR IL-ĠENEROŻITÀ

3. (a) Ġesù għala għamel l-ewwel miraklu tiegħu? (b) Ġesù kif wera l-ġenerożità f’Kana?

3 Ġesù għamel l-ewwel miraklu tiegħu waqt tieġ fil-belt taʼ Kana. Ma nafux ir-raġuni għala, imma ma kienx hemm biżżejjed inbid għall-mistidnin kollha li marru. Dan setaʼ jkun imbarazzanti ħafna għall-koppja li kienu għadhom kif iżżewġu, għax kien dmirhom li jkunu ġenerużi. Omm Ġesù, Marija, kienet waħda mill-mistidnin. Staqsiet hi lil Ġesù biex jgħin għax emmnet li kellu l-qawwa li jagħmel dan? Jistaʼ jkun għax wara kollox, Marija żgur li mmeditat fuq il-profeziji kollha dwar binha, u kienet taf li kien se jissejjaħ “Bin l-Iktar Għoli.” (Luqa 1:30-32; 2:52) Imma dak li nafu fiż-żgur hu li kemm Marija u kemm Ġesù riedu jgħinu lill-koppja. Għalhekk, Ġesù għamel miraklu u biddel xi 380 litru ilma fi ‘nbid mill-aħjar.’ (Aqra Ġwanni 2:3, 6-11.) Ġesù bilfors kellu jagħmel dan il-miraklu? Le. Għamlu għax kien jimpurtah min-nies, u għax kien qed jimita lil Missieru, li hu ġeneruż.

Ġesù qal li għandna ‘nidraw nagħtu’

4, 5. (a) L-ewwel miraklu taʼ Ġesù x’jgħallimna? (b) Il-miraklu f’Kana x’jgħallimna dwar il-futur?

4 Ġesù b’miraklu pprovda ħafna nbid mill-aħjar, biżżejjed għal grupp kbir. Innotajt x’qed jgħallimna dan il-miraklu? Li Ġeħova u Ġesù mhumiex xħaħ, imma huma ġenerużi ħafna. Dan il-miraklu jikkonvinċina li tassew jimpurtahom minn kif iħossu ħaddieħor. Ukoll, jurina li Ġeħova se juża l-qawwa tiegħu biex jipprovdi abbundanza t’ikel fid-dinja l-ġdida, ngħixu fejn ngħixu fuq l-art.—Aqra Isaija 25:6.

5 Aħseb ftit! Ġeħova daqt se jagħtina dak kollu li verament għandna bżonn. Kulħadd se jkollu dar sabiħa u ikel tajjeb. Kemm inħossuna grati meta naħsbu fuq il-ħafna affarijiet meraviljużi li Ġeħova b’ġenerożità se jagħtina fil-ġenna tal-art!

Aħna nimitaw lil Ġesù meta nkunu ġenerużi bil-ħin tagħna (Ara paragrafu 6)

6. Ġesù kif dejjem uża l-qawwa tiegħu, u kif nistgħu nimitawh?

6 Ġesù qatt m’uża l-qawwa tiegħu għal raġunijiet egoistiċi. Aħseb dwar x’ġara meta x-Xitan ittanta lil Ġesù biex ibiddel il-ġebel f’ħobż. Ġesù rrifjuta li juża l-qawwa tiegħu biex jibbenefika minnha hu stess. (Mattew 4:2-4) Imma Ġesù kien lest li juża l-qawwa tiegħu biex jgħin lil oħrajn. Kif nistgħu nimitaw l-attitudni mhix egoistika tiegħu? Ġesù qal li għandna ‘nidraw nagħtu.’ (Luqa 6:38) Nistgħu nagħmlu dan billi nistiednu lil oħrajn biex jiġu d-dar tagħna għal ikla. Nistgħu wkoll inqattgħu l-ħin wara l-laqgħa f’li ngħinu lil xi ħadd, pereżempju billi nisimgħu lil ħu jgħaddi t-taħdita tiegħu. Jew forsi nistgħu ngħinu b’mod prattiku u nħarrġu lil oħrajn fil-ministeru. Aħna nimitaw il-ġenerożità taʼ Ġesù meta b’ħeġġa ngħinu lil oħrajn kull meta nkunu nistgħu.

“KULĦADD KIEL U XEBAʼ”

7. Fid-dinja taʼ Satana liema problema dejjem se jkun hemm?

7 Il-faqar mhux xi problema ġdida. Ġeħova qal lill-Iżraelin li “dejjem se jkun hemm xi ħadd fqir f’nofs l-art.” (Dewteronomju 15:11) Mijiet taʼ snin wara, Ġesù qal: “Il-foqra dejjem magħkom.” (Mattew 26:11) Ried ifisser Ġesù li kien se jkun hawn il-foqra fuq l-art għal dejjem? Le, kien qed jgħid li sakemm ngħixu fid-dinja taʼ Satana se jkun hawn il-faqar. Kemm se jkun differenti meta ngħixu fid-dinja l-ġdida! F’dak iż-żmien mhux se jkun hemm iktar faqar. Kulħadd se jkollu ikel bix-xabaʼ!

8, 9. (a) Ġesù għala temaʼ lil eluf taʼ nies? (b) Kif tħossok dwar dan il-miraklu?

8 Is-salmista qal hekk dwar Ġeħova: “Int qed tiftaħ idek u tissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” (Salm 145:16) Meta kien fuq l-art, Ġesù imita b’mod perfett lil Missieru u spiss ħa ħsieb il-bżonnijiet t’oħrajn. M’għamilx dan sempliċement biex juri li kellu l-qawwa. Ġesù verament kien jimpurtah min-nies. Ejja nikkunsidraw Mattew 14:14-21. (Aqra.) Folla kienet imxiet wara Ġesù mill-bliet. (Mattew 14:13) Xħin sar filgħaxija, id-dixxipli kienu inkwetati għax in-nies kienu spiċċaw għajjenin għall-aħħar u bil-ġuħ. Għalhekk, talbu lil Ġesù biex jibgħat il-folla ħalli tmur tixtri x’tiekol. X’kien se jagħmel Ġesù?

9 B’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, Ġesù temaʼ lil xi 5,000 raġel, kif ukoll nisa u tfal. Ġesù għala għamel dan il-miraklu? Għax tassew kien iħobb lin-nies u jimpurtah minnhom. U Ġesù bilfors li pprovda ħafna ikel, għax in-nies ‘kielu u xebgħu.’ L-ikel li kielu kien se jagħtihom is-saħħa li kellhom bżonn ħalli jivvjaġġaw it-triq twila lura d-dar. (Luqa 9:10-17) U, wara li kulħadd kien xebaʼ, id-dixxipli saħansitra mlew 12-il qoffa b’dak li kien fadal!

10. Fil-futur, x’se jiġri mill-faqar?

10 Minħabba ħakkiema rgħiba u korrotti, mijiet taʼ miljuni taʼ nies jgħixu fil-faqar. Anke ftit minn ħutna m’għandhomx biżżejjed x’jieklu. Imma n-nies li jobdu lil Ġeħova dalwaqt se jgħixu f’dinja fejn m’hemmx korruzzjoni jew faqar. Ġeħova hu l-Alla li Jistaʼ Kollox, u għandu kemm il-qawwa kif ukoll ix-xewqa li jagħmel ċert li l-bżonnijiet taʼ kulħadd jiġu sodisfati. Hu jwiegħed li dalwaqt se jġib fi tmiem it-tbatija!—Aqra Salm 72:16.

Il-mirakli taʼ Ġesù jaċċertawna li jrid juża l-qawwa tiegħu għall-ġid tagħna

11. Għala int ċert li Kristu daqt se juża l-qawwa tiegħu fuq l-art kollha, u minħabba f’hekk, xi trid tagħmel?

11 Meta Ġesù kien fuq l-art, għamel mirakli fuq skala żgħira għal tliet snin u nofs biss. (Mattew 15:24) Imma bħala Sultan, Ġesù se jgħin lill-bnedmin kollha matul it-tmexxija tiegħu t’elf sena. (Salm 72:8) Il-mirakli taʼ Ġesù jaċċertawna li jrid juża l-qawwa tiegħu għall-ġid tagħna. Aħna m’għandniex il-qawwa li nagħmlu l-mirakli, imma x’nistgħu nagħmlu? Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, hi r-responsabbiltà tagħna li nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex ngħidu lil oħrajn dwar il-futur mill-isbaħ li twegħedna l-Bibbja. (Rumani 1:14, 15) Meta nimmeditaw fuq dak li Kristu dalwaqt se jagħmel, inkunu ħerqanin biex ngħidu lil oħrajn dwaru.—Salm 45:1; 49:3.

ĠEĦOVA U ĠESÙ JIKKONTROLLAW IL-FORZI TAN-NATURA

12. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù jifhem għalkollox kif taħdem in-natura?

12 Meta Alla ħalaq l-art u dak kollu li hemm fiha, Ġesù kien “maġenbu bħala ħaddiem tas-sengħa.” (Proverbji 8:22, 30, 31; Kolossin 1:15-17) Għalhekk, Ġesù jifhem għalkollox kif taħdem in-natura. Hu jaf kif juża u jikkontrolla l-elementi kollha tan-natura.

X’jimpressjonak dwar il-mod kif Ġesù uża l-qawwa mirakoluża tiegħu? (Ara paragrafi 13, 14)

13, 14. Agħti eżempju taʼ kif Kristu jistaʼ jikkontrolla l-forzi tan-natura.

13 Meta Ġesù kien fuq l-art, wera li kellu l-qawwa t’Alla billi kkontrolla l-forzi tan-natura. Pereżempju, aħseb f’kif Ġesù kkontrolla riefnu. (Aqra Marku 4:37-39.) Studjuż tal-Bibbja jispjega li l-kelma Griega tradotta “riefnu” fil-ktieb taʼ Marku tintuża biex tiddeskrivi maltempata kbira jew uragan. Tirreferi għal maltempata li ġġib magħha sħab iswed, buffuri taʼ riħ qawwija, ragħad, u xita bil-qliel. Meta maltempata bħal din tgħaddi, tħalli straġi. L-appostlu Mattew jiddeskrivi dan ir-riefnu bħala “tempesta kbira.”—Mattew 8:24.

14 Ġib quddiem għajnejk dak li kien qed jiġri: Il-mewġ kien qed iħabbat mad-dgħajsa b’qawwa kbira u d-dgħajsa kienet qed timtela bl-ilma. Minkejja l-ħoss kbir tal-maltempata u l-fatt li d-dgħajsa kienet qed tiġi mitfugħa ’l hemm u ’l hawn, Ġesù baqaʼ rieqed għax kien għajjien mejjet. Imma d-dixxipli kienu qed jibżgħu, u għalhekk qajmu lil Ġesù u qalu: “Se nintilfu!” (Mattew 8:25) Ġesù kif wieġeb? Qam u qal lir-riħ u l-baħar: “Iskot! Oqgħod kwiet!” (Marku 4:39) Din il-maltempata kbira waqfet, u “waqgħet kalma kbira.” X’eżempju tal-għaġeb taʼ kif Ġesù għandu l-qawwa biex jikkontrolla l-forzi tan-natura!

15. Ġeħova kif wera li jistaʼ jikkontrolla l-forzi tan-natura?

15 Il-qawwa taʼ Kristu tiġi minn Ġeħova, u għalhekk nafu li Alla li Jistaʼ Kollox jistaʼ jikkontrolla l-forzi tan-natura. Pereżempju, qabel id-Dulluvju, Ġeħova qal: “Sa sebat ijiem oħra se nibgħat ix-xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl.” (Ġenesi 7:4) Ukoll, f’Eżodu 14:21, naqraw: “Ġeħova beda jreġġaʼ lura l-baħar permezz taʼ riħ qawwi mil-lvant.” U naqraw f’Ġona 1:4: “U Ġeħova tefaʼ riħ qawwi fuq il-baħar, u qamet tempesta kbira fuq il-baħar; u l-bastiment kien għoddu tfarrak.” Kemm hu tajjeb li tkun taf li fid-dinja l-ġdida, Ġeħova dejjem se jikkontrolla l-elementi!

16. Għala hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova u Ġesù għandhom il-qawwa biex jikkontrollaw il-forzi tan-natura?

16 Hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova u Ġesù għandhom il-qawwa biex jikkontrollaw il-forzi tan-natura. Matul it-Tmexxija t’Elf Sena taʼ Kristu, kull min ikun qed jgħix hawn fuq l-art se jkun protett. Ħadd mhu se jiġi mweġġaʼ jew maqtul mid-diżastri naturali, bħal pereżempju, l-uragani, it-tsunamis, il-vulkani, jew it-terremoti. Mhux se nibżgħu mid-diżastri għax “it-tinda t’Alla” se tkun mal-bnedmin, jiġifieri Alla se jipproteġihom! (Rivelazzjoni 21:3, 4) Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jagħti lil Ġesù l-qawwa biex jikkontrolla l-forzi tan-natura matul it-tmexxija tiegħu t’elf sena.

IMITA LIL ALLA U LIL KRISTU ISSA

17. X’inhu mod wieħed kif nistgħu nimitaw lil Alla u Kristu issa?

17 Ovvjament, ma nistgħux inwaqqfu d-diżastri naturali. Ġeħova u Ġesù biss jistgħu jagħmlu dan. Imma hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu. Nistgħu napplikaw Proverbji 3:27. (Aqra.) Meta ħutna jkunu qed ibatu, nistgħu ngħinu biex nieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali tagħhom, u nistgħu nfarrġuhom. (Proverbji 17:17) Pereżempju, nistgħu ngħinuhom wara xi diżastru naturali. Armla li d-dar tagħha saritilha l-ħsara wara uragan qalet: “Kemm jiena grata li nagħmel parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, mhux biss minħabba l-għajnuna fiżika li ngħatajt imma wkoll minħabba l-għajnuna spiritwali.” Oħt mhix miżżewġa ħassitha bħal ras maqtugħa meta maltempata għamlet ħsara lid-dar tagħha. Wara li l-aħwa għenuha fit-tiswija tad-dar, hi qalet: “Kienet xi ħaġa li ma nistax niddeskriviha. U ma nistax insib il-kliem biex nispjega sew kif inħossni.” Hi żiedet: “Grazzi Ġeħova!” Aħna grati li ħutna rġiel u nisa tassew jimpurtahom mill-bżonnijiet taʼ ħaddieħor. Iktar minn hekk, aħna grati li Ġeħova u Ġesù Kristu verament jimpurtahom minna.

18. X’jimpressjonak dwar ir-raġuni għala Ġesù għamel il-mirakli?

18 Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù wera li hu “l-qawwa t’Alla.” Imma qatt m’uża l-qawwa tiegħu biex jimpressjona lil oħrajn jew għall-ġid tiegħu stess. Minflok, Ġesù uża l-qawwa tiegħu biex jagħmel il-mirakli għax tassew kien iħobb lin-nies. Se nitgħallmu iktar dwar dan fl-artiklu li jmiss.