Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għix fi qbil mat-talba mudell—It-2 parti

Għix fi qbil mat-talba mudell—It-2 parti

“Missierkom jaf x’teħtieġu.”—MATTEW 6:8.

1-3. Oħt għala ħassitha ċerta li Ġeħova kien jaf x’kellha bżonn?

LANA, li hi pijuniera regulari, qatt ma tinsa x’ġara meta kienet il-Ġermanja fl-2012. Hi tħoss li Ġeħova wiġbilha żewġ talbiet. Waqt li kienet fuq it-trejn fi triqitha lejn l-ajruport, talbet lil Ġeħova biex jgħinha ssib lil xi ħadd biex tippritkalu. Meta waslet l-ajruport, saret taf li t-titjira tal-ajruplan tagħha kienet ġiet posposta għall-ġurnata taʼ wara. Lana talbet lil Ġeħova għall-għajnuna għax kienet użat kważi l-flus kollha u kellha bżonn post fejn torqod għal dak il-lejl.

2 Hekk kif Lana spiċċat it-talba tagħha, semgħet lil xi ħadd jgħid, “Hello Lana, x’int tagħmel hawn?” Kien raġel żagħżugħ li qabel kien skola magħha. Kien m’ommu u nanntu, li kienu qed isellmulu qabel ma jitlaq lejn l-Afrika t’Isfel. Meta Lana qaltilhom dwar is-sitwazzjoni tagħha, l-omm u n-nanna stiednu lil Lana biex toqgħod id-dar tagħhom. Huma saqsewha ħafna mistoqsijiet dwar it-twemmin u x-xogħol tagħha bħala pijuniera.

3 L-għada filgħodu wara kolazzjon tajjeb, Lana wiġbitilhom iktar mistoqsijiet li kellhom dwar il-Bibbja. Lana talbithom xi dettalji biex xi ħadd ikun jistaʼ jkompli jwiġbilhom il-mistoqsijiet. Lana waslet lura d-dar qawwija u sħiħa, u għadha taqdi bħala pijuniera. Hi tħoss li Ġeħova semaʼ t-talb tagħha, kien jaf x’għandha bżonn, u għenha.—Salm 65:2.

M’hemmx għalfejn ninkwetaw dwar il-bżonnijiet li se jkollna fil-futur

4. Liema bżonnijiet se niddiskutu?

4 Meta problema tinqalaʼ ħabta u sabta, ikun faċli li nitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova, u hu jieħu pjaċir li jismaʼ t-talb tagħna. (Salm 34:15; Proverbji 15:8) Imma t-talba mudell taʼ Ġesù tgħallimna li hemm affarijiet oħra li huma iktar importanti u li għandna bżonn nitolbu għalihom. F’dan l-artiklu, se niddiskutu kif l-aħħar erbaʼ talbiet fit-talba mudell jistgħu jgħinuna nkunu leali lejn Ġeħova.—Aqra Mattew 6:11-13.

“AGĦTINA LLUM ĦOBŻNA GĦAL DAN IL-JUM”

5, 6. Ġesù għala għallimna biex nitolbu għall-‘ħobża tagħna’ anki jekk għandna ikel bl-abbundanza?

5 Ġesù għallimna biex nitolbu għall-‘ħobża tagħna,’ u mhux għall-‘ħobża tiegħi’ biss. Victor, indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fl-Afrika, jispjega: “Spiss b’mod sinċier nirringrazzja lil Ġeħova li jien u marti m’għandniex għalfejn ninkwetaw ħafna dwar kif se nagħmlu għall-ikla li jkun imiss, lanqas ma rridu nħabblu rasna dwar min se jħallas il-kera. B’qalb tajba ħutna jieħdu ħsiebna kuljum. Imma jien nitlob biex dawk li jgħinuna jkunu jistgħu jkampaw mal-pressjoni ekonomika li jħabbtu wiċċhom magħha.”

6 Għandu mnejn li aħna għandna ikel bl-abbundanza, iżda ħafna minn ħutna huma foqra. Barra minn hekk, xi wħud ġew effettwati minn diżastri. Mhux biss nistgħu nitolbu għalihom imma nistgħu anki nagħmlu xi ħaġa biex ngħinuhom. Pereżempju, nistgħu naqsmu magħhom minn dak li għandna. Nistgħu wkoll nikkontribwixxu b’mod regulari għax-xogħol taʼ madwar id-dinja tan-nies taʼ Ġeħova. Aħna nafu li l-kontribuzzjonijiet tagħna jgħinu lil ħutna fil-bżonn.—1 Ġwanni 3:17.

7. Ġesù kif għallimna li qatt m’għandna ‘nkunu ansjużi dwar l-għada’?

7 Wara li Ġesù għallem it-talba mudell, hu għallimna biex ma niffokawx fuq affarijiet materjali. Hu qal li jekk Ġeħova jieħu ħsieb il-fjuri salvaġġi, “kemm iktar ilibbes lilkom, intom taʼ fidi żgħira? Għalhekk, qatt tkunu ansjużi u tgħidu, . . . ‘X’se nilbsu?’” Imbagħad, hu rripeta: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada.” (Mattew 6:30-34) M’hemmx għalfejn ninkwetaw dwar il-bżonnijiet li se jkollna fil-futur. Minflok, għandna nkunu kuntenti bil-bżonnijiet bażiċi taʼ kuljum. Pereżempju, nistgħu nitolbu biex ikollna fejn noqogħdu, impjieg ħalli nieħdu ħsieb il-familja tagħna, u l-għerf ħalli nieħdu deċiżjonijiet tajba dwar saħħitna. Imma hemm xi ħaġa saħansitra iktar importanti li għandna bżonn nitolbu għaliha.

8. Dwar xiex ifakkarna l-kliem taʼ Ġesù dwar il-ħobża tagħna taʼ kuljum? (Ara l-ewwel stampa.)

8 Il-kliem taʼ Ġesù dwar il-ħobża tagħna taʼ kuljum ifakkarna f’xi ħaġ’oħra li qal hu stess: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mattew 4:4) Allura, irridu nitolbu biex Ġeħova jkompli jgħallimna u jagħtina dak li għandna bżonn biex nibqgħu qrib tiegħu.

“AĦFRILNA D-DJUN TAGĦNA”

9. Għala dnubietna huma bħal djun?

9 Ġesù qal: “Aħfrilna d-djun tagħna.” F’okkażjoni oħra, hu qal: “Aħfrilna dnubietna.” (Mattew 6:12; Luqa 11:4) Hu qal dan għax dnubietna huma bħal djun. Fl-1951, It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż spjega li meta nidinbu, ikun bħallikieku għandna d-dejn maʼ Ġeħova. Aħna obbligati li nħobbu lil Ġeħova u li nuru dan bl-ubbidjenza tagħna lejh. Allura meta nidinbu kontra Alla, ma nkunux qed nagħtuh dak li aħna obbligati li nagħtuh. It-Torri tal-Għassa qal li kieku ried, Ġeħova setaʼ jwaqqaf il-ħbiberija tiegħu minn magħna. Kompla jgħid: “Id-dnub mhuwiex att taʼ mħabba lejn Alla.”—1 Ġwanni 5:3.

Dejjem għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova għar-rigal prezzjuż tal-fidwa

10. Ġeħova għala jistaʼ jaħfrilna dnubietna, u kif għandna nħossuna dwar dan?

10 Kemm aħna grati li Ġeħova pprovda s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa biex jaħfrilna dnubietna! Għandna bżonn il-maħfra taʼ Ġeħova kuljum. Ġesù miet għalina kważi 2,000 sena ilu, imma xorta qed nibbenefikaw mill-fidwa llum. Dejjem għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova għal dan ir-rigal prezzjuż. Ħadd minna qatt ma setaʼ jħallas il-fidwa li kien hemm bżonn biex ninħelsu mid-dnub u l-mewt. (Aqra Salm 49:7-9; 1 Pietru 1:18, 19.) Il-kliem fit-talba mudell ‘aħfrilna d-dnubiet tagħna’ jfakkarna li bħalma aħna għandna bżonn il-fidwa, ħutna rġiel u nisa wkoll għandhom bżonn il-fidwa. Ġeħova jridna wkoll naħsbu fihom u fir-relazzjoni tagħhom miegħu. Dan jinkludi li naħfrulhom malajr meta jidinbu kontrina. Normalment dawn ikunu sempliċement nuqqasijiet żgħar, imma meta naħfru lil ħutna, nagħtu prova li nħobbuhom. Inkunu qed nagħtu prova wkoll li aħna grati li Ġeħova jaħfrilna.—Kolossin 3:13.

11. Għala hu importanti li naħfru lil oħrajn?

11 Minħabba li aħna imperfetti, kultant forsi ikun diffiċli li naħfru lil dawk li joffenduna. (Levitiku 19:18) Jekk noqogħdu nitkellmu dwar dak li għamlulna, oħrajn fil-kongregazzjoni għandu mnejn jiġu involuti, u dan jeffettwa l-għaqda tal-kongregazzjoni. Jekk nippermettu li dan jitkompla, inkunu qed nuru li ma napprezzawx l-għotja t’Alla tal-fidwa, u ma nkunux nistgħu nirċievu l-benefiċċji li jiġu minnha. (Mattew 18:35) Meta ma naħfrux lil oħrajn, Ġeħova ma jistax jaħfrilna. (Aqra Mattew 6:14, 15.) Barra minn hekk, jekk irridu li Ġeħova jaħfrilna, m’għandniex nibqgħu nagħmlu xi ħaġa li jobgħod hu.—1 Ġwanni 3:4, 6.

Jekk trid li Alla jaħfirlek, hemm bżonn li taħfer lil ħaddieħor (Ara paragrafu 11)

“IDDAĦĦALNIEX FIT-TENTAZZJONI”

12, 13. (a) Xi ġralu Ġesù wara li tgħammed? (b) Għala m’għandniex inwaħħlu f’oħrajn jekk inċedu għat-tentazzjoni? (ċ) Ġesù taʼ xiex ta prova talli baqaʼ leali sal-mewt?

12 Il-kliem fit-talba mudell “iddaħħalniex fit-tentazzjoni” jfakkarna f’dak li ġara lil Ġesù ftit wara li tgħammed. L-ispirtu t’Alla ħadu f’art xagħrija “biex jiġi ttantat mix-Xitan.” (Mattew 4:1; 6:13) Ġeħova għala ppermetta li jiġri dan? Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-art biex jirranġa l-kwistjoni li qamet meta Adam u Eva rrifjutaw it-tmexxija taʼ Ġeħova. Ir-ribelljoni tagħhom qajmet mistoqsijiet li kellhom bżonn iż-żmien biex jiġu mwieġba. Pereżempju, kien hemm xi ħaġa ħażina fil-mod kif Ġeħova ħalaq lill-bnedmin? Setaʼ bniedem perfett jibqaʼ leali lejn Ġeħova meta jkun ittantat minn dak il-wieħed li hu msejjaħ “Ħażin”? U kien ikun aħjar għan-nies li kieku mexxew lilhom infushom? (Ġenesi 3:4, 5) Fil-futur, meta dawn il-mistoqsijiet kollha jitwieġbu b’mod sodisfaċenti minn Ġeħova, kull min ikun fis-sema u fuq l-art se jkun jaf li l-mod kif Ġeħova jmexxi hu l-aħjar mod.

Nistgħu nkunu leali lejn Ġeħova anki f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna

13 Ġeħova hu qaddis, u allura hu qatt ma jittanta lin-nies b’affarijiet mill-agħar. Satana hu “t-Tentatur.” (Mattew 4:3) Satana jipprova jittantana b’ħafna modi. Imma aħna għandna għażla. Kull wieħed minna jistaʼ jiddeċiedi jekk jirreżistix it-tentazzjoni jew le. (Aqra Ġakbu 1:13-15.) Meta kien ittantat minn Satana, Ġesù b’mod immedjat irrifjutah billi kkwota l-Kelma t’Alla. Ġesù kien leali lejn Alla. Madankollu, Satana ma qatax qalbu. Hu stenna “sakemm isib ħin konvenjenti ieħor” biex jittanta lil Ġesù. (Luqa 4:13) Imma għamel x’għamel Satana, Ġesù dejjem obda ’l Alla bħala l-Mexxej tiegħu. Hu ta prova li bniedem perfett jistaʼ jkun leali lejn Ġeħova anki f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. Madankollu, Satana jipprova jittanta lis-segwaċi taʼ Ġesù, inkluż lilek, biex jiddiżonoraw lil Ġeħova.

Ġeħova hu fiduċjuż li nistgħu nibqgħu leali lejh, u jrid li jgħinna

14. X’għandna nagħmlu biex nirreżistu t-tentazzjoni?

14 Il-mistoqsijiet li tqajmu dwar it-tmexxija taʼ Ġeħova għadhom iridu jiġu mwieġba. Allura għalissa, Ġeħova qed jippermetti li niġu ttantati minn Satana. Ġeħova ma ‘jdaħħalniex fit-tentazzjoni.’ Fil-fatt, hu fiduċjuż li nistgħu nibqgħu leali lejh, u jrid li jgħinna. Imma hu qatt ma jisforzana biex nagħmlu dak li hu sew. Hu jirrispetta l-libertà tal-għażla tagħna. Allura jħallina niddeċiedu għalina nfusna jekk hux se nkunu leali jew le. Biex nevitaw milli naqgħu fit-tentazzjoni, irridu nagħmlu żewġ affarijiet: nibqgħu qrib taʼ Ġeħova u nibqgħu nitolbu għall-għajnuna tiegħu. Ġeħova kif iwieġeb it-talb tagħna biex nirreżistu t-tentazzjoni?

Ibqaʼ qrib taʼ Ġeħova u kun żeluż fil-ministeru (Ara paragrafu 15)

15, 16. (a) X’inhuma xi tentazzjonijiet li għandna nirreżistu? (b) F’min għandna nwaħħlu jekk naqgħu fit-tentazzjoni?

15 Ġeħova jagħti l-ispirtu qaddis tiegħu li hu qawwi biex jgħinna niġġieldu kontra t-tentazzjonijiet taʼ Satana. Ġeħova tana wkoll il-Bibbja u l-kongregazzjoni biex iwissina dwar il-perikli. Pereżempju, hu jwissina biex ma nużawx il-maġġorparti tal-ħin, il-flus, u l-enerġija tagħna fuq affarijiet li m’għandniex bżonnhom verament. Espen u Janne jgħixu f’pajjiż sinjur fl-Ewropa. Għal ħafna snin, kienu pijunieri regulari f’parti mill-pajjiż fejn kien hemm bżonn taʼ pubblikaturi. Meta kellhom tarbija, kellhom jieqfu milli jkunu pijunieri, u issa għandhom żewġt itfal. Espen jgħid: “Spiss nitolbu lil Ġeħova biex ma naqgħux fit-tentazzjoni issa li ma nistgħux nagħmlu daqskemm konna nagħmlu qabel fl-attivitajiet teokratiċi. Aħna nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nżommu l-ispiritwalità tagħna u ż-żelu għall-ministeru.”

16 Tentazzjoni oħra li għandna nirreżistu hi li naraw il-pornografija. Jekk inċedu għat-tentazzjoni, ma nistgħux inwaħħlu f’Satana. Għala? Għax Satana u d-dinja tiegħu ma jistgħux jisforzawna nagħmlu xi ħaġa li hi ħażina. Xi wħud jaraw il-pornografija għax ma jneħħux ħsibijiet ħżiena minn moħħhom. Imma ħafna minn ħutna rġiel u nisa rreżistew din it-tentazzjoni, u aħna nistgħu wkoll.—1 Korintin 10:12, 13.

“EĦLISNA MILL-ĦAŻIN”

17. (a) Kif nistgħu nuru li rridu lil Ġeħova ‘jeħlisna mill-Ħażin’? (b) X’serħan se jkollna dalwaqt?

17 Kif nistgħu nuru li rridu lil Ġeħova ‘jeħlisna mill-Ħażin’? Ma rridux inkunu “parti mid-dinja” u ma rridux ‘inħobbu d-dinja u lanqas dak li hemm fid-dinja.’ (Ġwanni 15:19; 1 Ġwanni 2:15-17) Kemm se jkun taʼ serħan meta Ġeħova jneħħi lil Satana u jeqred din id-dinja mill-agħar! Imma sa dakinhar, irridu niftakru li Satana “għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” Hu se jagħmel dak kollu li jistaʼ biex iwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova. Allura jeħtieġ li nkomplu nitolbu li Ġeħova jipproteġina minn Satana.—Rivelazzjoni 12:12, 17.

18. Jekk irridu ngħixu f’dinja mingħajr Satana, x’għandna nagħmlu?

18 Trid tgħix f’dinja mingħajr Satana? Mela ibqaʼ itlob biex tiġi s-Saltna t’Alla, biex jitqaddes isem Alla, u biex issir ir-rieda tiegħu fuq l-art. Dejjem fittex lil Ġeħova biex jieħu ħsiebek u jagħtik kulma għandek bżonn biex tibqaʼ leali lejh. Iva, agħmel kulma tistaʼ biex tgħix fi qbil mat-talba mudell.